ĊENTRU
TAL-INFORMATIKA FIL-KUNSILL LOKALI TA’ ĦAŻ-ŻABBAR
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar ħoloq ċentru
tal-informatika għal korsijiet ta’ taħriġ fl-IT
lir-residenti ta’ kull età, permezz ta’ laboratorju
ta’ computers f’annex ġdida fil-bini tal-Kunsill.
Dawn il-korsijiet li se jibdew minn Marzu, se jkunu
qed jiġu provduti mit-TCTC u se jkunu sussidjati
mill-Kunsilli Lokali.
L-Onor
Chris Said, Segretarju Parlamentari
għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli
Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, li kien preżenti
għat-tnedija taċ-ċentru l-ġdid, faħħar l-inizjattiva
tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar li qed joffri
opportunità ta’ taħriġ u tagħlim lir-residenti
mit-tfal sal-anzjani fil-qasam tant importanti
tal-Informatika. Hu saħaq fuq l-importanza illi
f’dan iż-żmien kulħadd ikun jaf jutilizza
t-teknoloġija, u hu propju ghalhekk li l-Kunsilli
Lokali qed jaħdmu ħafna mal-anzjani u adulti li fi
żmien li kienu qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom ma
kienux jeżistu dawn l-opportunitajiet. Sa llum eluf
kbar ta’ Maltin u Għawdxin ingħataw taħriġ
mill-Kunsilli Lokali permezz ta’ diversi korsijiet
speċifikament indirizzati lejn faxex differenti
tal-kommunità fil-lokalitajiet tagħhom stess.
Chris
Said stqarr li dawn l-inizjattivi huma parti
mill-viżjoni tal-Gvern għall-Kunsilli Lokali fejn
dawn jiffaċilitaw it-tagħlim lir-residenti matul
il-ħajja f’diversi aspetti. Il-Gvern qed jgħin
lill-Kunsill Lokali biex jorganizzaw dawn
il-korsijiet biex jassigura li l-Kunsilli Lokali
jkollhom r-riżorsi finanzjarji biex ikollhom joffru
din l-għodda importanti għar-residenti.
Is-Segretarju Parlamentari stqarr li bħalissa
għaddej ukoll taħriġ lill-Kunsilliera u impjegati
tal-Kunsilli Lokali kollha fl-IT. Bħalissa
d-Dipartiment tal-Gvern Lokali qed jorganizza
korsijiet apposta għall-Kunsilliera li xtaqu
jingħataw taħriġ f’dan il-qasam minħabba li b’effett
mill-ewwel tas-sena kull Kunsillier għandu e-mail
account u kull korrispondenza mill-Kunsill qed
tintbgħat permezz tal-e-mail u mhux iżjed bl-użu
tal-karti u l-posta.