IR-REAZZJONIJIET DWAR IL-PROPOSTI TAL-GVERN DWAR
IT-TARIFFI TAL-ELETTRIKU U L-ILMA
Il-Gvern
jirreferi għall-kummenti
magħmula minn korpi kostitwiti u mill-Kap
tal-Oppożizzjoni dwar il-proposti tal-Gvern dwar
it-tariffi tal-elettriku u l-ilma.
Il-Gvern jillimita l-kummenti tiegħu f’dan
l-istadju biex ifakkar li dawk li tressqu
quddiem l-MCESD kienu proposti
għall-konsultazzjoni. Il-Gvern mhux se jieħu
deċiżjonijiet finali qabel ikun sema’ l-fehma u
l-proposti tal-partijiet kollha interessati.
Il-korpi kostitwiti żgur japprezzaw li l-kuntest
ekonomiku internazzjonali ma jippermettix li
l-produzzjoni tal-enerġija f’Malta ma tkunx fuq
sisien finanzjarji sodi. Inkella l-finanzjament
ta’ self lill-Enemalta u x-xiri taż-żjut u
hedges li lkoll isiru minn swieq
internazzjonali jsiru aktar żvantaġġjużi
għall-Enemalta u allura għall-konsumaturi Maltin
kollha.
Il-Gvern jiċċara wkoll li ma ħa ebda deċiżjoni
dwar x’tariffi għandhom jiddaħħlu b’effett
mill-1 ta’ Ottubru 2008. Il-fatt li t-tariffi
jkollhom effett retroattiv ma jippreġudikax
il-proċess ta’ konsultazzjoni attwali. Dan sar
biex ma terġax togħla s-surcharge qabel
ma jidħlu fis-seħħ it-tariffi l-ġodda.
Il-Gvern irid li dan ikun proċess ta’
konsultazzjoni effettiv u ġenwin mal-imsieħba
soċjali. Għall-istess raġuni l-Gvern irid
jinvolvi wkoll lill-Oppożizzjoni li ġiet
mistiedna u laqgħet stedina tal-Gvern biex nhar
it-Tnejn li ġej issir preżentazzjoni dwar dan
is-suġġett mill-Ministru responsabbli
mill-Korporazzjonijiet Austin Gatt,
mill-EneMalta u mill-KPMG, lill-Kap
tal-Oppożizzjoni.