IFFIRMAT FTEHIM TA’ KOPERAZZJONI BEJN MALTA U L-BULGARIJA
Il-Gvern Malta u
l-Gvern tal-Bulgarija ffirmaw ftehim ta’
koperazzjoni fil-qasam tal-Pulizija. Il-ftehim,
li kien ifformalizzat il-ġimgħa li għaddiet fi
Brussell, ser ikompli jsaħħah il-koperazzjoni
bejn il-Pulizija taż-żewġ pajjiżi fil-qafas ta’
ftehimiet internazzjonali oħra li ż-żewg pajjiżi
huma diġà parteċipi fihom.
Iż-żewġ pajjiżi
ftehmu, fost affarijiet oħra, li jikkollaboraw
fl-oqsma tat-tiftix ta’ persuni mitlufa, l-iskambju
ta’ informazzjoni u esperjenzi u l-għoti ta’
assistenza teknika u xjentifika.
Il-Ministru
għall-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Carmelo
Mifsud Bonnici qal li dan huwa ftehim importanti
ħafna għal pajjiżna u jsegwi oħrajn simili li
ġew iffirmati fl-aħħar xhur ma’ pajjiżi oħrajn,
fosthom il-Latvia. Ftehim li jimxu fuq l-istess
linji ser ikunu ffirmati ma’ pajjiżi oħra fix-xhur
li ġejjin.
“Dan il-ftehim
mal-Bulgarija, jibni fuq il-koperazzjoni li diġà
hemm bejn il-pajjiżi tagħna fil-qafas tal-Unjoni
Ewropea. Bih qed nissudaw il-koperazzjoni fuq
diversi fronti u nistgħu nkomplu nibnu fuqu
fil-futur. Dan huwa għodda strumentali
fil-ġlieda kontra l-kriminalità għaliex
il-kriminalità m’għandhiex fruntieri,” qal
il-Ministru Mifsud Bonnici.