Il-Prim Ministru, L-Onor Lawrence Gonzi flimkien
mal-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor Ninu Żammit,
iżur xogħlijiet ta’ restawr fuq is-swar ta’ l-Imdina
"Il-wirt storiku ta’ pajjiżna għandu jiġi kkonservat u dan il-Gvern qed
iwettqu bil-fatti. Ir-restawr u l-konsolidament li sar fl-aħħar snin
jixhed l-impenn tal-Gvern favur il-konservazzjoni ta’ numru kbir ta’
monumenti, fosthom is-swar li jdawwru l-bliet tagħna, kapelli u binjiet
oħra storiċi li jkomplu jagħmlu lil pajjiżna mogħni b’ġojjelli
mprezzabbli." Dan qalu l-Prim Ministru waqt li kien qed iżur xogħlijiet
ta’ restawr fuq is-swar ta’ l-Imdina maġenb il-Palazz Vilhena.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr kienu jvarjaw minn kappelli f’diversi
lokalitajiet fosthom, il-Kappella ta’ San Girgor fiż-Żejtun, il-Kappella
ta’ Santa Ubaldeska f’Raħal Ġdid, il-Kappella tas-Salvatur fil-Kalkara,
l-Kappella tal-Madonna tal-Grazzja fil-Qrendi, l-Kappella ta’ San Mikiel
u San Bażilju fl-Imqabba u l-Kappella ta’ Santa Marija f’Bubaqra
fiż-Żurrieq. Kien hemm ukoll xogħol estensiv u delikat fuq il-Knisja ta’
Sarria fil-Furjana u restawr u konsolidament fuq il-Knisja l-Qadima
fis-Siġġiewi.
Numru ta’ binjiet storiċi wkoll ingħataw l-attenzjoni mistħoqqa u
fl-aħħar snin kien hemm diversi binjiet importanti u ta’ valur
arkitettoniku u storiku li sarulhom xogħlijiet fuqhom, fosthom il-bini
tal-Monte di Pieta’, l-bini tar-Reġistru Pubbliku u l-palazz
tal-President fil-Belt Valletta. Ma’ dawn wieħed irid jinkludi wkoll
ix-xogħol elaborat li qed isir f’Villa Francia f’ħal-Lija
u dak li sar fil-Kapella D’Italia u fuq l-orgni tal-Kon Katidral ta’ San
Ġwann.
Ir-restawr u l-konsolidament f’ħafna mix-xogħlijiet li saru ma kienx
jinkludi biss tindif u bdil ta’ ġebel immermer, iżda wkoll
illuminazzjoni u xogħol ieħor ta’ tisbiħ. Monument nazzjonali li sarulu
interventi simili hu l-akwadott li jgħaddi minn Ħ’Attard, Balzan, B’Kara
u Sta. Venera. Dan il-monument ingħata dehra totalment ġdida għax mhux
biss ġie restawrat u konsolidat iżda bil-pavimentar li tpoġġa taħt u
madwar l-arkati u bis-sistema ta’ illuminazzjoni li saret pajjiżna
għandu ornament ieħor fil-vetrina storika u kulturali tiegħu.
Pajjiżna hu magħruf għal kilomentri sħaħ ta’ forti u
fortifikazzjonijiet, madwar 25km li prinċipalment idawru t-tlett ibliet
fil-Kottonera, l-Belt, il-Furjana u l-Imdina. Matul is-sekli dawn
l-istrutturi soffrew deterjorament minħabba diversi fatturi. "Bl-għan li
l-ħsara eżistenti u deterjorament ieħor ikunu jistgħu jiġu rranġati u
mrażżna, l-Gvern ħejja proġett li ser ikun jiswa għexieren ta’ miljuni
ta’ liri, proġett li ser ikun mifrux fuq 7 snin, proġett li ser ikun
ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea u li se jkopri wkoll il-forti taċ-ċittadella
f’Għawdex," ħabbar il-Ministru Ninu Żammit, waqt din iż-żjara.
Dan
il-Gvern bil-fatti u fid-deher jgħożż il-wirt storiku ta’ pajjiżna.
L-investiment ta’ miljuni kbar li se jitwettaq permezz tal-proġetti
msemmija se jkomplu joħorġu fid-deher il-potenzjal tal-wirt storiku u
arkitettoniku ta’ pajjiżna.