F’Ġunju tal-2004, ftit ġimgħat wara li ħadt
ir-responsabbiltà ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista u ta’ Prim Ministru,
ġejt iffaċċjat b’numru ta’ allegazzjonijet li kienu jirrigwardaw lil
John Dalli. Jiena deherli li
kelli nieħu passi fuq dawn l-allegazzjonijiet.
Ġie mgħoddi lili rapport dwar kuntratt ma’
kumpanija Iranjana tal-vapuri. Jien għaddejt dan ir-rapport lil John
Dalli. John Dalli kkummenta punt punt dwar l-allegazzjonijiet li kien
fih dan ir-rapport u deher ċar li dawn l-allegazzjonijiet kienu foloz u
infondati. Il-fatti elenkati minn John Dalli f’dan il-każ kienu
korroborati minn ‘records’ fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin.
Meta rajt dawn il-fatti jiena għidt li ma rriżultali ebda każ ta’ abbuż
f’dan ir-rigward.
Mbagħad beda jsir diskors dwar abbużi dwar
xi xiri ta’ biljetti ta’ l-ajru mill-Ministeru ta’ John Dalli. Fuq
parir ta’ John Dalli stess, fis-7 ta’ Lulju 2004 għaddejt dan il-każ
lill-Awditur Ġenerali biex, bi prijorità jagħmel analiżi komparattiva
tax-xiri ta’ biljetti ta’ l-ajru fis-settur pubbliku. Għalkemm dan
ir-rapport huwa lest, l-Uffiċċju ta’ l-Awditur Ġenerali għadu ma
ppubblikahx.
Fl-istess ħin kien hemm il-każ
tar-rapport kummissjonat mis-SIMED fuq l-għoti tal-kuntratt ta’
l-apparat mediku fl-isptar Mater Dei. Kelli pressjoni kbira u kontinwa
mid-diriġenti u l-avukati tal-kumpanija SIMED, li kienet tilfet
il-kuntratt, biex jiena nreġġa’ lura d-deċiżjoni li kienet saret biex
il-kuntratt jingħata lil kumpanija oħra. Irrid ngħid li l-Partit
Laburista pprova jieħu vantaġġ politiku minn dawn l-allegazzjonijiet.
Hawn ukoll irriżulta,
b’sentenza mill-Qorti li dan ir-rapport kien falz.
Bqajt nistenna l-aħħar rapport, dak ta’ l-Awditur
Ġenerali fuq il-biljetti ta’ l-ajru biex nieħu l-azzjoni li biha nneħħi
kull dubju fuq John Dalli. Fl-20 ta’ Lulju 2007, tliet snin wara t-talba
tiegħi, ktibt lill-Awditur Ġenerali sabiex l-Uffiċċju tiegħu jfittex
jikkonkludi dan ir-rapport. Wara dan, tlabt lill-persuna li qed tiżgura
t-tmexxija xierqa ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Awditur Ġenerali biex jippubblika
dan ir-rapport, imma għalkemm huwa stqarr miegħi li dan ir-rapport hu
lest, qalli wkoll li għandu parir legali li m’għandux awtorità
jippubblika rapporti billi t-terminu kostituzzjonali tiegħu skadielu.
Irrid infakkar li aktar minn ħames xhur
ilu, fit-19 ta’ Ġunju, ktibt lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u f’isem
il-Gvern ipproponejt kandidat għall-pożizzjoni ta’ Awditur Ġenerali u
kandidat għall-pożizzjoni ta’ Deputat Awditur Ġenerali. Jiddispjaċini
li s’issa il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ma weġibnix u allura l-Parlament ma
jistax imexxi bil-ħatra ta’ l-Awditur Ġenerali. Sadanittant, dan ir-rapport ma jistax
jiġi ppubblikat.
Jiena nagħraf it-tbatija li John Dalli u
l-familja tiegħu għaddew minnha minħabba dan il-gideb u
insinwazzjonijiet foloz. Nemmen li wara snin nistenna r-rapport ta’
l-Awditur Ġenerali, m’għandix inħalli din is-sitwazzjoni tkompli
tkarkar.
Aktar minn tliet snin wara li John Dalli
rrizenja, ma rriżulta xejn minn kull akkuża li kienet saret kontra
tiegħu. Issa qegħdin fis-sitwazzjoni li sakemm l-Oppożizzjoni ma
tikkorroborax mal-Gvern fil-ħatra ta’ Awditur Ġenerali, ir-rapport ta’
l-Awditur Ġenerali jibqa’ ma joħroġx. U John jibqa’ mdendel. Dan mhux
ġust ma’ John u l-familja tiegħu.
Għalhekk irrid nagħmilha ċara li kull
insinwazzjoni magħmula kontra John Dalli u li setgħet wasslet
għar-riżenja tiegħu nstab li kienu infondati u foloz.
Jiena dejjem sostnejt li John Dalli hu
element ta’ valur kbir għall-Partit Nazzjonalista u għall-Gvern, u li
l-ħidma tiegħu kienet effettiva u vitali biex pajjiżna qabad it-triq
tal-progress ekonomiku u stabbiltà finanzjarja. In-nuqqas tiegħu kienet
telfa kbira għall-Gvern.
Tkellimt ma’ John Dalli fuq kif jista’
jipparteċipa fil-Gvern u qbilna li fiċ-ċirkustanzi tiegħu tal-lum,
l-aħjar mod ikun li jservi bħala konsulent ewlieni tiegħi f’materji ta’
ekonomija, kompetittività u negozjati f’Malta u ma’ Gvernijiet Barranin.