Il-Gvern żamm kelmtu mal-kaċċaturi u n-nassaba.B’riferenza għall-kummenti tal-Federazzjoni Kaċċaturi
Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) irid ikun imtenni li l-istqarrijiet
tal-Gvern dwar il-kaċċa u l-insib minn dejjem kienu bbażati fuq dak
li kien negozjat u maqbul ma’ l-Unjoni Ewropea.
Il-fatti huma li l-kaċċa hi prattikata fil-pajjiżi kollha msieħba fl-Unjoni
Ewropea u saħansitra l-Appendix
II tal-Birds Directive
tinkludi lista ta’ speċi li tista’ ssir kaċċa fuqhom.B’hekk skond id-Direttiva l-kaċċa tista’ ssir legalment
f’Malta fuq 32 speċi ta’ għasafar għall-perjodu ta’ ħames xhur,
bejn l-1 ta’ Settembru u l-aħħar ta’ Jannar.
Fir-rigward ta’ kaċċa fir-rebbiegħa, f’dokument maħruġ fi tmiem
in-negozjati bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, u li hu inkluż fit-taqsima ’Nature
Protection’ (Ħarsien tan-Natura) fit-Trattat tas-Sħubija jingħad
li ”The EU takes note of
Malta’s statement that it will limit the taking in spring to only two
species (Turtle Dove and Quail), as an application of the derogation
under Article 9 of the Directive.” (L-Unjoni Ewropea tinnota d-dikjarazzjoni
ta’ Malta li se tillimita l-kaċċa fir-rebbiegħa
fuq żewġ speċi, gamiem u summien, fit-tħaddim tad-deroga mogħtija
taħt Artiklu 9 tad-Direttiva).
Dan huwa dokument pubbliku li juri li l-Gvern dejjem kellu, u għad għandu
l-intenzjoni li jżomm il-kaċċa tal-gamiem u s-summien fir-rebbiegħa,
billi juża d-deroga mogħtija kull sena.
In-negozjati maqbula ma’ l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ l-insib għall-għasafar
ta’ l-għana għandhom l-għan ewlieni li jwasslu biex Malta tirrispetta l-obbligi tagħha
biex sa’ tmiem l-2007, in-numru ta’ għasafar ta’ l-għana li
jistgħu jkunu minsuba jkun biżżejjed biex isostni d-diversita’ ġenetika
ta’ l-ispeċi mgħammra fil-magħluq.Dan ifisser li l-intenzjoni tal-Gvern hu li jippermetti l-insib għall-għasafar
ta’ l-għana wara dik id-data.
Il-Gvern irid għal darb’oħra jtenni li hu favur li f’Malta jkun
hawn kaċċa u nsib skond dak li hu permess bil-liġi.L-impenn tal-Gvern hu li jaġixxi bil-qawwa kontra l-prattiċi
illegali li sfortunatament jitfgħu dawl ikrah fuq il-kaċċa u l-insib
f’pajjiżna.