'Fuq skala nazzjonali, il-pajjiż issaħħaħ
f’diversi modi matul dawn l-aħħar erba’ snin. Il-kwalità tal-ħajja
tjiebet għal kulħadd, kemm b’riżultat ta’ proġetti kapitali
tal-Gvern kif ukoll b’riżultat ta’ proġetti kapitali
b’investiment qawwi mis-settur privat.’ Dan ħabbru
l-Viċi Prim Ministru, Dr Lawrence Gonzi waqt konferenza stampa dwar il-ħidma
tal-Gvern f’dawn l-aħħar erba’ snin biex jitkattru l-proġetti.
Il-konferenza stampa kienet indirizzata wkoll
mill-Ministru għar-Riżorsi
u l-Infrastruttura, Francis Zammit Dimech.
Proġetti ta’ Tisbiħ
Numru ta’ lokalitajiet raw titjib fl-ambjent b’riżultat
ta’ proġetti ta’ tisbiħ. Dan diġà seħħ f’ Tas-Sliema,
bil-proġett ta’ tisbiħ tal-promenade, kif ukoll f’San Ġiljan,
fejn tlestew l-ewwel tliet fażijiet tal-proġett ta’ tisbiħ li kienu
jinvolvu xogħol strutturali estensiv. Sar ukoll xogħol ta’ platforms
fil-baħar li fuqhom inbnew belvederes ġodda.
Xogħol ieħor twettaq f’Birżebbuġa, f’
Marsaxlokk u f’Wied il-Għajn, il-Bajja ta’ San Tumas, il-Floriana u
l-Mellieħa. Il-Gvern impenja ruħu għal dawn il-proġetti kollha
sabiex il-Maltin jgħixu kwalità ta’ ħajja ogħla f’ambjent isbaħ.
Fl-aħħar erba’ snin, il-Gvern investa ’l fuq minn Lm4 miljun fid-diversi
proġetti ta’ tisbiħ.
Riabilitazzjoni u Restawr
Il-proġett għar-riabilitazzjoni tal-belt Valletta
kien jinkludi restawr fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-installazjoni
ta’ sistema ta’ dwal fi Triq ir-Repubblika, restawr ta’ affreski
ta’ Paladini u D’Aleccio fil-Palazz il-Belt u pavimentar ta’ toroq.
Twettaq ukoll restawr fil-Berġa ta’ l-Italja u l-Berġa
tal-Baviera. Fil-Floriana, l-Imdina, Bormla, l-Isla, u l-Birgu tkompliet
ukoll ħidma ta’ restawr u riabilitazzjoni ta’ bini storiku, sabiex
jitħares il-wirt storiku u tingħata dehra ġdida lill-ibliet
fortifikati tagħna.
Sar xogħol estensiv ta’ restawr fuq bini storiku
madwar Malta u Għawdex. Permezz tal-Unit tar-Restawr, twettqu 70
proġett ta’ restawr filwaqt li hemm 30 proġett ieħor li qed
jitwettaq u 20 proġett f’ diversi stadji ta’ ippjanar. Għall-proġetti
ta’ restawr u riabilitazzjoni, ġew investiti aktar minn Lm8 miljun.
Fost l-oħrajn ġew rrestawrati l-Palazz ta’ Verdala fil-Buskett u n-niċċa
ta’ San Pawl fis-Saqqajja, ir-Rabat. Ġie ppreparat ukoll tender
għal security fence ġdid biex jitħarsu t-tempji preistoriċi
ta’ l-Imnajdra.
Parks u Konservazzjoni tal-Pajsaġġ
Twaqqfet sezzjoni bir-responsabbiltà prinċipali li
tiżviluppa u timmaniġġja l-Parks nazzjonali u reġjonali kif
ukoll tieħu ħsieb xogħol ġenerali ta’ tindif, tisbiħ u ħarsien
fil-pajsaġġ u l-kampanja ta’pajjiżna.
Is-Settur Privat
Il-Gvern inkoraġġixxa numru ta’ proġetti kbar
b’involviment ta’ investiment qawwi mis-settur privat. Il-Proġett
tal-Kottonera baqa’ għaddej bir-ritmu li qabad fejn wara li fetaħ
il-Casinò di Venezia f’palazz irrestawrat, issa qed isir xogħol
ta’ bini ta’ appartamenti u stabbilimenti kummerċjali. F’dawn
il-jiem kien iffirmat ftehim bejn il-Casinò di Venezia u l-Port
Cottonera Limited għall-akkwist ta’ l-art mill-Casinò di Venezia
biex tinbena lukanda Five Star fix-xatt tal-Birgu. Qed isir ukoll
restawr u riabilitazzjoni ta’ bini storiku, twassil ta’ servizzi u
xogħlijiet ta’ tiswija tal-mollijiet mill-Gvern. Fix-xhur li ġejjin
se tinbena l-yacht marina.
Il-proġett ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne`
miexi b’ritmu mgħaġġel. Wara li sar ħafna xogħol ta’ skavar
f’Tigne’ biex jinbena carpark u jgħaddu s-servizzi, issa
beda x-xogħol propju tal-bini. Fil-Ponta ta’ Tigne’ se jinbnew
aktar minn 400 post residenzjali, ħwienet, stabbilimenti ta’ l-ikel u
uffiċini. Se jkun hemm ukoll faċilitajiet sportivi u parkeġġ taħt
l-art għal kważi 2,000 vettura.
Beda jitwettaq xogħol vast ta’ restawr f’Manoel
Island, fejn se jinbnew 356 post ta’ akkomodazzjoni f’forma ta’
villaġġ. Se jkun hemm parks u ġonna u se jkunu żviluppati aħjar
ix-xtut. Kemm il-Forti Manoel kif ukoll il-Ponta ta’ Tigne’ se jkunu
aċċessibbli għal kulħadd. Tqiegħdu żewġ pontoons f’
Manoel Island fejn qed jirmiġġjaw 100 yacht ; numru li
mistenni jitla’ għal 260 irmiġġ fix-xhur li ġejjin.
Fix-xatt tal-Belt inbeda proġett li jikkonsisti fl-iżvilupp
ta’ Cruise Liner Passenger Terminal u International Sea
Passenger Terminal u r-restawr u l-iżvilupp mill-ġdid tal-bini
storiku li hemm fuq is-sit, bħal Pinto Stores, Forni Stores,
u l-Power Station il-Qadima. Diġà nbena l-blokk alternattiv għar-residenti
u l-ħwienet involuti f’dan il-proġett filwaqt li beda x-xogħol fuq
il-bini ta’ triq ġdida li se twassal mill-Marsa għall-belt Valletta
u li se tgħaddi wara l-imħazen Pinto u Forni.
Dawn il-tliet proġetti kbar, li bejniethom jinvolvu investiment ta’
madwar Lm160 miljun, se joħolqu mijiet ta’ impjiegi iżda fuq kollox
se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u jagħtu
kontribut qawwi għar-riġenerazzjoni ta’ l-inħawi fejn jinsabu.
Il-proġett ta’ Portomaso f’ San Ġiljan,
jinkludi hotel, stabbilimenti kummerċjali, appartamenti, u faċilitajiet
ta’ parking. Dan kollu diġà ħoloq diversi opportunitajiet ta’
xogħol f’oqsma differenti.
‘Permezz ta’ dawn il-proġetti kollha, il-Gvern
mhux biss qed isebbaħ pajjiżna u jagħtih xejra aktar moderna, iżda
qed jistimula attività ekonomika u jkattar opportunitajiet ta’
impjiegi’, ikkonkluda l-Viċi Prim Ministru.