Ħdimna biex illum qed ngħixu aħjar minn qatt qabel
L-inizzjattivi kollha li ħa l-Gvern Nazzjonalista
f’dawn l-aħħar erba’ snin kellhom l-għan li kulħadd jikseb
kwalita’ ta’ ħajja aħjar, tenna l-Prim Ministru, Eddie Fenecħ
Adami, waqt l-ewwel minn sensiela ta’ konferenzi stampa dwar il-ħidma
tal-Gvern f’dawn l-aħħar erba’ snin. Hu qal li kemm fuq livell
nazzjonali kif ukoll fuq dak lokali, dan il-għan intlaħaq u kien hemm
titjib dirett fil-ħajja ta’ kulħadd. "Il-fatti kollha juru li
wettaqna titjib sinifikanti fl-oqsma importanti kollha li jolqtu
lill-poplu ta’ Malta u l-interessi tiegħu," qal il-Prim
Ministru.
Insaħħu l-Familja – il-Pedament tas-Soċjeta’
Maltija
Il-familji, li huma l-pedament tas-soċjeta’
Maltija, ġew imsaħħa b’inizjattivi ewlenin li ħa l-Gvern fl-oqsma
tas-saħħa, ta’ l-edukazzjoni, ta’ l-isport u rikreazzjoni,
b’investimenti kontinwi kemm fir-riżorsi umani kif ukoll
fl-infrastruttura.
Tkompla l-program ta’ social housing u ta’
tneħħija ta’ slums. F’dawn l-aħħar erba’ snin,
l-Awtorita` tad-Djar ħarġet kwazi 900 unit għal bejgħ u s-sussidjat
u nediet programm ta’ stallazzjoni ta’ lifts fid-djar
tal-Gvern. Fis-sena li ġejja ser jinbnew maisonettes u
appartamenti b’nefqa ta’ kważi Lm7 miljun.
Twaqqfu day-care centres għall-anzjani
fl-Imtarfa, B’Kara, Bormla, Ħal Luqa w San Pawl il-Baħar.
Fir-Residenza San Vincenz de Paule, inbena u nfetaħ is-Serenity Ward
li ġie mgħammar bis-servizzi moderni kollha.
Fl-edukazzjoni, l-Gvern ikkommetta Lm60 miljun biex
jinbnew skejjel ġodda u jsir xogħol fi skejjel eżistenti. Qed tingħata
mportanza lit-tagħlim ta’ l-informatika u l-użu tal-kompjuters
fl-iskejjel tal-gvern fil-livelli kollha. Fl-iskejjel primarji hemm
komputer għal kull 7 studenti u laptop għal kull għalliem waqt
li fi skejjel sekondarji, 95% ta’ l-istudenti għandhom aċċess għall-Internet.
L-isptar l-ġdid, li ser jibda jagħti l-ewwel
servizzi s-sena d-dieħla, huwa riflessjoni ta’ kemm dan il-Gvern huwa
kommess li jsaħħaħ is-servizzi li jingħata l-poplu.
Opportunitajiet ta’ xogħol għal Kulħadd
Saret ħidma sabiex anki f’dawn iż-żminijiet
ta’ bidla jkompli jiżdied ix-xogħol u f’dawn l-aħħar erba’
snin madwar 5,000 persuna sabu xogħol ġdid b’riżultat ta’ 185 proġett
tal-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvillup. Dawn il-proġetti raw
investiment totali li jlaħħaq madwar Lm80 miljun. Fl-istess waqt,
il-qagħad niżel b’xi 800 ruħ.
Biex inħejju n-nies għad-dinja tax-xogħol, inħoloq
il-Kulleġġ Malti ta’ l-Arti, Xjenza u Teknoloġija li jipprovdi ’l
fuq minn disgħin kors differenti. Fil-Kulleġġ hemm jistudjaw madwar
1,600 student u studenta. Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ
(ETC) żiedet it-taħriġ għal min ikun qed ifittex impjieg jew irid
itejjeb ix-xogħol tiegħu.
Fir-Rotta lejn il-Prosperita’
Il-kwistjoni ta’ l-iżbilanċ, u l-implikazzjoni li
dan għandu fuq il-prosperita’ tal-pajjiż kien ħasseb lil ħafna.
Il-Gvern ħadem biex iserraħ moħħ il-familji Maltin dwar il-futur.
Erba’ snin ilu l-iżbilanc kien ilaħħaq 12% tal-Prodott Gross
Domestiku. Sa l-aħħar tas-sena 2002, ser naraw aktar progress u dan
ser ikun niżel għal madwar 4.6% tal Prodott Gross Domestiku. Dan
ifisser li, issa, wieħed jista’ jibda jħares ’il quddiem għal
iktar prosperita’.
Serjeta’ fl-Amministrazzjoni
Il-Gvern ħadem biex il-Pulizija tħarrax il-ġlieda
kontra l-kriminalita’ u kabbar in-nefqa f’din il-ġlieda. Il-Gvern
iqis li d-droga hija l-akbar għadu tal-familja tagħna. Qed jinkisbu riżultati
inkoraġġanti fil-ġlieda kontinwa kontra d-droga.
Kull belt jew raħal illum qed igawdu minn sens akbar
ta’ identita’ partikulari tagħhom. Dan seħħ billi
responsabbilitajiet ġodda, mingħand il-Gvern Ċentrali għaddew għand
il-Kunsilli Lokali. B’hekk id-deċiżjonijiet li jaffetwaw in-nies
fil-ħajja ta’ kuljum qed jittieħdu fil-lokal stess.
Illum is-servizzi ta’ telekomunikazzjoni saru parti
integrali mill-ħajja moderna. Familji Maltin, jistgħu jkunu
f’kuntatt ma’ xulxin kullimkien u f’kull ħin. Illum hemm 250,000 telephone
ċellulari f’Malta.
Ambjent u Kampanja
Irridu u qegħdin nindirrizzaw il-problemi li writna.
Il-problema tal-Magħtab qed tiġi attakkata bit-twettiq tal-Waste
Management Plan li jaħseb sabiex f’Malta jkollna sistema li tlaħħaq
ma’ l-ammont ta’ skart li nipproduċu.
Fl-istess waqt qegħdin jiġu mħarsa r-riżorsi
tal-kampanja u tal-baħar. Il-biedja u s-sajd għandhom ikunu mħarsa għax
jifformaw parti integrali mill-ħajja Maltija u dawk involuti f’dawn
is-setturi jafu li l-Gvern qed jassigura li jkollna biedja u sajd
sostenibbli. Tant hu hekk, li fin-negozjati għal sħubija fl-Unjoni
Ewropea akkwistajna d-dritt li nkomplu mmexxu għal żmien indefinit żona
ta’ sajd ta’ ħamsa u għoxrin mil madwar Malta bil-għan li
tibqa’ sseħħ il-konservazzjoni tal-kwantita’ ta’ ħut fl-ibħra
Maltin. Dan il-ftehim barra li jħares lil ħut, iħares l-għejxien
tas-sajjieda Maltin. Il-bdiewa qed igawdu minn titjib li qed isir
f’toroq rurali waqt li s-sajjieda qed jibbenefikaw minn slipways
mgħammra aħjar.
Toroq u Komunikazzjoni
Kulħadd qed jara t-twettiq ta’ programm sħiħ
ta’ titjib f’dan il-qasam, bil-ftuħ ta’ toroq ġodda, u titjib
f’dawk eżistenti. Matul l-erba’ snin li għaddew, il-Gvern nefaq
Lm30 miljun fuq it-toroq - sar xogħol fuq għoxrin triq arterjali u fuq
aktar minn 300 triq residenzjali
Proġetti Ewlenin
Numru ta’ lokalitajiet raw titjib fl-ambjent
b’rizultat ta’ proġetti ta’ tisbiħ. Dan diġa’ seħħ f’ Tas
Sliema, f’San Ġiljan, f’Birżebbuġa u f’Wied il-Għajn. Il-Gvern
inkoraġġixxa numru ta’ proġetti kbar b’involviment ta’
investiment qawwi mis-settur privat. Ta’ min isemmi l-proġett
tal-Kottonera u l-proġett tal-Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne` u l-Valletta
Cruise Harbour Terminal li bejniethom qed jinvestu madwar Lm160
miljun.
Għawdex
Saret ħidma kbira fl-oqsma kollha li jolqtu
direttament lill-ħajja ta’ l-Għawdxin – l-edukazzjoni, is-saħħa,
ix-xogħol, it-turiżmu, il-kultura w l-isport. Forsi l-aktar ħaġa li
tispikka fost ix-xogħol li sar b’konnessjoni m’Għawdex, huwa
l-bini tat-tliet vapuri ġodda tal-Gozo Channel. Permezz tagħhom,
il-vjaġġ bejn Malta u Għawdex qed isir fl-akbar kumdita` u fl-iqsar
żmien. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-mollijiet il-godda għal
dawn il-vapuri fiċ-Ċirkewwa. Dawn ser jgħinu sabiex Għawdex ikun aċċessibbli
matul is-sena kollħa.
Il-Futur
Il-Prim Minstru qal "Aħna lkoll nixtiequ li
nkomplu nimxu ’l quddiem. Għamilna differenza, kbira u reali,
fl-oqsma kollha li jaffettwaw il-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu ta’
dan il-Pajjiż m’hux biss għal-lum imma anki għall-futur,"
ikkonkluda l-Prim Ministru.