"Il-familja hija tassew il-pedament li fuqu hija mibnija s-soċjeta’
Maltija. B’hekk, il-ħidma kollha tal-Gvern hija mmirata biex
issaħħah il-familja Maltija u tipprovdilha kwalita’ ta’ ħajja
aħjar permezz ta’ bilanc aħjar bejn ix-xogħol, il-familja u d-dmirijiet
ċiviċi. Tul dawn l-aħħar erba’ snin, ix-xogħol kollu li wettaqna
fl-oqsma tal-politika soċjali, tax-xogħol, tas-saħħa, ta’ l-edukazzjoni,
il-kultura, u l-isport, sar biex il-familja Maltija tisseddaq u
tissaħħaħ".
Dan qalu il-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali,
LawrenceGonzi, waqt konferneza stampa dwar l-inizjattivi li ħa l-Gvern
tul dawn l-aħħar erba’ snin biex isaħħaħ il-familja."
"Il-familja hija l-eżempju ewlieni ta’ l-impenn tal-Gvern
biex insaħħu lil Malta u lil dak kollu li huwa Malti: f’kelmtejn, Insaħħu
Pajjiżna," qal il-Ministru Gonzi. "Dan l-impenn sħiħ
wassal biex, b’mod reali u konkret ikun hawn kwalita’ ta’ ħajja
aħjar, ‘biex int tgħix aħjar’."
Il-konferenza ta’ l-aħbarijiet kienet indirizzata
wkoll mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Louis Galea, il-Ministru
għas-Servizzi Ekonomici, Josef Bonnici, il-Ministru għas-Saħħa,
Louis Deguara u s-Segretarji Parlamentari, Jesmond Mugliett, u George
Ħyzler.
Il-Familja u x-Xogħol
Matul dawn l-aħħar erba’ snin, il-Gvern
bil-ħidma tiegħu rnexxilu jaħdem biex inħoloq xogħol ġdid għal
fuq minn-5000 persuna permezz ta’ 185 proġett tal-Korporazzjoni
Maltija għall-Iżvilupp. Il-qagħad niżel mil-livell ta’ erba’
snin ilu. Biex ngħinu lill-membri tal-familja li jkunu qed ifittxu
xogħol ġdid jew iridu jitgħallmu xi ħiliet ġodda l-ETC fil-Budget
li għadda, ingħatat Lm1 miljun aktar sabiex tkun tista’ tiżviluppa
programmi specjalizzati ta’ taħriġ.
Ix-xogħol m’għandux itellef lil dak li jkun milli
jaqdi d-dmirijiet tiegħu fil-familja. Fl-istess waqt il-Gvern huwa
determinat li jsaħħaħ il-patecipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol.
Dan kollu ridna nagħtuh is-saħħa tal-liġi. Minħabba f’hekk tnedew
l-liġijiet dwar l-impjieg u r-relazzjonijiet industrijali u dik dwar l-ugwaljanza
bejn in-nisa u l-irġiel li permezz taghhom ġew imdaħħla miżuri
ġodda bħall-parental leave, protezzjoni għall-ħaddiema part-time,
siegħat ta’ xogħol mnaqqsa, leave għal-raġunijiet urġenti,
protezzjoni għal-ħaddiema nisa waqt it-tqala, protezzjoni
għall-ħaddiema żgħażagħ u protezzjoni kontra l-fastidju sesswali u
l-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Dawn il-miżuri ġew wkoll
imsaħħa permezz ta’ regolamenti ġodda dwar is-saħħa u s-sigurta’
fuq il-post tax-xogħol.
Appoġġ għal kull min għandu bżonn
Familji għaddejjin minn diffikultajiet illum
jistgħu jirrikorru għand l-aġenziji ‘Appoġġ’ u Sedqa. F’dawn
l-aħħar xhur l-Appoġġ żiedet l-impenn tagħħa favur il-ħarsien
għat-tfal u l-familji li jkunu għaddejin minn żminijiet diffiċli
inkluż il-vjolenza domestika u l-abbuż mid-droga. Bdejna nipprovdu
għajnuna finanzjarja lill-familji li jiffosterjaw lil xi tfal u lit-tfal
li jisabu f’istituzzjoni residenzjali.
Jinsab għaddej titjib kontinwu fil-qasam tad-djar u
ta’ l-akkomodazzjoni soċjali permezz ta’ sussidji u għotjiet
għall-irranġar tad-djar residenzjali. Għal ħafna familji, u b’mod
partikulari għal persuni b’diżabilita’ u għal l-anzjani, l-istallazzjoni
ta’ liftijiet, tassew tfisser qabża sostanzjali fil-kwalita’ ta’
ħajja tagħhhm ta’ kuljum. Matul dawn l-erba’ snin ġew mibnija 900
unit għall-bejgħ sussidjat mill-Awtorita’ tad-Djar, filwaqt
li x-xogħol fuq 300 unit oħra magħmula apposta biex jaqdu r-realtajiet
socjali ta’ llum ser jitlesta fis-sena li ġejja. Numru ta’
proġetti mportanti għat-tneħħija ta’ slums fl’Imsida,
Birkirkara u Floriana ġew mibdija. Ma jistax jintesa x-xogħol
kbir li qed isir fid-day care centres għall-anzjani kif ukoll
fir-residenza San Vincenz de Paule u Dar għall-Anzjani gewwa Bormla.
Is-Saħħa
Għall-familji s-saħħa tiġi l-ewwel. Il-Gvern hu
mpenjat li jipprovdi servizzi tas-saħħa ta’ l-ogħla kwalità kemm għal-lum
kif ukoll għall-ġejjieni. Biex jassigura dan , il-Gvern sena wara l-oħra
żied in-nefqa fis-settur tas-saħħa. Din is-sena in-nefqa f’dan is-settur
se tkun ta’ Lm92miljun, b’ Lm17miljun għall-mediċini.
Permezz ta’ aktar awtonomija fl-isptarijiet il-pazjenti qed
jingħataw trattament aktar malajr u effettiv. Aktar ma jgħaddi ż-żmien
il-kura qed issir aktar personaliżżata.
Minkejja l-bini ta’ l-isptar Mater Dei, il-Gvern
baqa’ għaddej fuq l-immodernizzar ta’ San Luqa u b’xiri ta’
appparat mediku mill-aktar modern li għandu jittieħed fl-isptar
il-ġdid. Fost dawn insibu l-Magnetic Resonance Imaging (MRI),
twaqqif ta’ Angiosuite, Coronary Intensive Care Unit (CICU)
u Cardiac Catħetorisation Laboratory. Qegħdin isiru
operazzjonijiet ta’ keyhole surgery, fuq ir-retina ta’ l-għajn
u fuq il-glandola tal pituitary li qabel kienu jsiru barra minn
Malta.
Ġew eliminati il-waiting lists biex pazjenti
jibdew il-kura fl-isptar Boffa u ġew modernizzati diversi swali. Fl-isptar
Monte Carmeli sar xogħol estensiv ta’ modernizzar ta’ diversi swali.
Ġew introdotti ix-sheltered workshops fejn pazjenti jagħmlu
xogħol bi ħlas li jservi ta’ terapija billi jrodd lura d-dinjità
lill-pazjenti u jwittilhom it-triq għal meta jerġgħu lura fil-komunità.
Biex il-futur ta’ wliedna jkun l-aħjar
Uliedna jenħtieġu edukazzjoni tajba u bażzi soda
biex jimxu l quddiem u jkomplu jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja tagħhom.
Sabiex jkunu jistgħu jirċievu din il-preparazzjioni, il-Gvern investa
madwar Lm 19 miljun fuq immoderniżżar u bini ta’skejjel f’dawn l-aħħar
tliett snin, b’ nefqa ta’ Lm 3 miljun din is-sena. Tul dan is-sajf,
sar xogħol estensiv ta’ refurbishment fuq 40 skola.
Twaqqfet il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada
biex tistudja l-bżonnijiet ta’ l-iskejjel tal-istat u l-Gvern issa
kkommetta li jinvesti madwar Lm 60 miljun biex l-iskejjel ta’ l-istat
kollha ikunu ta’ livell meħtieg skond il-Kurrikulu, b’mod li t-tagħlim
jista jingħata b’mod aktar interessanti u li jolqot il-ħtiġijiet ta’
żmienna u tal-futur.
Wettaqna riforma ta’ l-edukazzjoni mill-qiegħ meta
fassalna flimkien ma’ l-esperti u l-għalliema Kurrikulu Nazzjonali.
Issa aktar minn qatt qabel it-tfal tagħna jitgħallmu dak li l-aktar
jista’ jassigurhom li jlaħħqu ma’ l-isfidi tal-preżent u
tal-futur.
Sa minn eta’ zgħira, tfal Maltin qed jingħataw l-opportunita’
li jitgħallmu kif juzaw tajjeb it-teknoloġija tal-kompjuter.
Fil-livell tal-primarja, issa hemm kompjuter għal kull seba’ studenti
u laptop computer għal kull għalliem. Tħejjew computer labs
f’diversi skejjel sekondarji. Ħamsa u disgħin fil-mija (95% ) ta’
l-istudenti li jattendu skola sekondarja għandhom aċċess għall-internet
fl-istess skejjel.
Aktar minn 90 kors qed jiġu provduti fis-sitt
istituti tal-Kullegg Malti ta’ l-Arti, Xjenza u Teknologija (MCAST).
Illum fil-kulleġġ hemm jistudjaw madwar 1,600 student u studenta, u
din is-sena, ser jidħlu madwar 1300 student ieħor. Illum il-familji
għandhom opportunita’ li jqattaw il-ħin liberu tagħhom ‘il
bogħod mill-periklu, f’kumplessi kbar sportivi bħal dak fl-Universita’.
Bħalissa, għaddej xogħol fuq il kumpless sportiv ta’ Bormla.
Il-Familja bħala Konsumatur
Il-familji huma wkoll konsumaturi, u għalhekk l-interessi ta’ dawn
il-konsumaturi ġew ukoll imħarsa u mtejba. Il-familji Maltin illum
għandom għazla wiesgħa ta’ prodotti bi prezzijiet kompettivi, b’riżultat
ta’ kompetizzjoni fis-suq. Il-Ligi tal-Kompetizzjoni Ġusta kienet
emendata biex tiggarantixxi suq ħieles u b’regoli ġusti. Ġew
introdotti Att dwar is-Sigurezza tal-Prodott u Att dwar is-Sigurezza ta’
l-Ikel, kif ukoll bosta liġijiet relatati mal-konsumatur, bħal dawk ta’
reklamar qarrieqi u responsabbilta’ għall-prodotti. Dawn huma
maħsuba biex jiżguraw aktar protezzjoni wiegħsa għall-familji
konsumaturi.
Fis-Seklu 21
"Tul dawn l-aħħar erba’ snin, b’mod
konkret u għaqli, tajna’ priorita’ kbira lill-familja, f’kull
settur li jikkoncerna. Kull meta nsaħħu l-qafas tal-familja, mill-ewwel
nkunu f’qagħda aħjar biex niffaccjaw il-futur, bl-opportunitajiet u
l-isfidi li dan jista’ joffrilna," kkonkluda l-Vici Prim Ministru.