“Pajjiżna hu mogħni mhux biss b’ħafna
attrazzjonijiet naturali, bħalma huma l-baħar, ix-xtut u l-kampanja,
iżda wkoll bi pjazez, triqat u bliet storiċi. Dan il-Gvern ħa passi
konkreti u bil-għaqal biex dan kollu jkompli jitgawda mill-ġenerazzjonijiet
ta’ Maltin fil-ġejjieni. Fuq kollox, il-Gvern se jħares l-ambjent
naturali tagħna għax dan isostni numru t’attivitajiet bħalma huma
l-biedja u s-sajd, li huma parti integrali mill-ħajja Maltija."
Dan intqal mill-Viċi Prim Ministru
Lawrence Gonzi, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha ta ħarsa
lejn il-ħidma li wettaq il-Gvern biex iħares l-ambjent u l-kampanja.
Fil-konferenza ta’ l-aħbarijiet tkellmu wkoll il-Ministru
għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech, il-Ministru
għall-Agrikultura u Sajd Ninu Zammit u s-Segretarju Parlamentari
fil-Ministeru ta’ l-Intern u l-Ambjent George Pullicino.
Użu Aħjar tar-Riżorsi Tagħna
Il-Gvern qed jiżgura li r-riżorsi
kollha tagħna jintużaw sew, fl-interess ta’ kulħadd kemm
fil-preżent kif wkoll fil-futur. Twaqqfet l-Awtorità ta’ Malta dwar
ir-Riżorsi bħala r-regolatur awtonomu li se tieħu ħsieb attivitajiet
li b’xi mod jew ieħor, jinvolvu riżorsi bħalma huma l-enerġija, l-ilma
u l-ġebla Maltija.
Aktar Indafa
Diġà seħħ titjib konsiderevoli fl-indafa
fil-gżejjer Maltin, u biex inkomplu nagħmlu progress, tħejjew pjani
serji mifruxa fuq medda ta’ snin dwar l-iskart kollu li jinħoloq.
Bis-saħħa ta’ strateġija għall-immaniġġjar ta’ skart solidu,
sas-sena 2004, il-Magħtab kif nafuh illum ser jingħalaq. Din l-istrateġija
għall-immaniġġjar ta’ skart solidu tkopri 56 miżuri - li ħdax
minnhom diġà twettqu skond il-miri ppjanati. Il-bqija tal-miżuri huma
f’diversi stadji ta’ implimentazzjoni.
Biex l-arja madwarna tkun aktar nadifa u bla periklu, l-Enemalta bdiet
timporta petrol b’62 % anqas ċomb u diesel b 60% inqas
kubrit minn dak li kien ikun impurtat qabel. Biex in-nies ikollhom
inċentiv ħalli jużaw sorsi alternattivi ta’ enerġija, il-Gvern
naqqas il-VAT fuq solar heaters b’10 %.
Tlesta sewerage masterplan biex iservi ta’ gwida
għall-iżvilupp ta’ l-infrastruttura meħtieġa biex inkunu f’qagħda
li nibnu l-impjanti għar-riċiklaġġ tad-drenaġġ. Saret ukoll
estensjoni u manutenzjoni tas-sistema eżistenti tad-drenaġġ. L-iskop
hu li ma jkunx hemm tniġġiz mid-drenaġġ fl-art u biex ikollna baħar
iżjed nadif madwar il-gżejjer Maltin.
Ambjent aktar protett u mħares sew
L-ambjent jaffettwana lkoll. Biex
inkunu nistgħu ngawdu ambjent aktar nadif u iżjed attraenti, l-Awtorità
ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qegħda tieħu
azzjoni aktar koordinata u effettiva. Din l-Awtorità issa taqdi anki
responsabbiltajiet ambjentali minbarra dawk ta’ ippjanar – u qegħda
tieħu azzjoni konkreta kontra ksur ta’ liġi u abbużi kull meta din
l-azzjoni tkun ġustifikata. F'erba’ snin, tneħħew ’il fuq minn
350 struttura u 24 scrapyard illegali kif ukoll eluf ta’
tunnellati ta’ terrapien mitfuħ illegalment f diversi żoni
tal-kampanja.
Saret reviżjoni tal-liġijiet
rilevanti biex ikun żgurat li applikazzjonijiet għal żvilupp mhux
kontroversjali jkunu proċessati fi żmien raġjonevoli. Dan wassal
għal record ta’ l-inqas numru ta’ applikazzjonijiet pendenti
(2382 f Settembru) minn meta twaqqfet l-Awtorità ta’ l-Ippjanar (illum
MEPA) għaxar snin ilu. Il-pubbliku qed jingħata iżjed aċċess
għall-informazzjoni u għad-deċiżjonijiet li tkun ħadet il-MEPA.
Tkabbar u ssebbaħ il-Park Nazzjonali
f’Ta’Qali. Kemm f’Pembroke kif wkoll fil-Mellieħa saru proġetti
ġodda ta’ tħawwil ta’ siġar u ħolqien ta’ msaġar. Ittieħdu
diversi inizjattivi oħra. Qed jinġabru eluf ta’ tankijiet qodma
mill-ħitan tas-sejjieħ, tnaddfu kanali ta’ l-ilma, ġew imsebbħa centre-strips
u roundabouts, kif ukoll tneħħew mijiet ta' tunnellati ta'
skart mill-kampanja.
Flimkien ma’ sponsors u
għaddasa voluntiera, saru diversi operazzjonijiet biex jitnaddaf qiegħ
il-baħar f’diversi naħiet waqt li se jitlestew għadd ta’
pajsaġġi fil-kampanja (countryside walks) biex familji Maltin
ikunu jistgħu japprezzaw l-ambjent naturali ta’ dawn il-Gżejjer.
Biedja u Sajd Vijabbli
Kull min hu nvolut f’dawn is-setturi
jaf li l-Gvern qiegħed jistudja kif il-biedja u sajd – parti
integrali mill-ħajja Maltija – jista’ jkollhom futur aħjar u aktar
vijabbli. Dan jirrikjedi titjib fil-kwalità tal-prodotti agrikoli u
tas-sajd, waqt li nħarsu b’mod xieraq ir-riżorsi tal-kampanja u
tal-baħar tagħna.
Il-bdiewa u s-sajjieda flimkien mal-kooperattivi
u l-assoċjazzjonijiet tagħhom qegħdin jibbenefikaw kemm minn
għajnuna finanzjarja permezz ta’ programm ta’ sussidji li qed
jitwettaq kif ukoll minn għajnuna teknika.
Il-Gvern ħejja pakkett ta’
għajnuna li jammonta għal Lm70 miljun għall-bdiewa u r-raħħala, li
diġà bdew jirċievu minn din l-għajnuna. Tħejja pakkett ieħor ta’
Lm2.4 miljun għas-sajjieda biex isaħħu l-operat tagħhom. Dan apparti
l-eluf ta’ liri li baqgħu jingħataw kull sena l-bdiewa u s-sajjieda,
il-ħlas lura ta’ nofs il-kontribuzzjonijiet tal-bolla, l-eżenzjoni
mill-ħlas tad-dazju fuq id-diesel għas-sajjieda fejn dawn qed
jiffrankaw mal-Lm115,000 fis-sena, u l-issussidjar mill-Gvern ta’ l-interessi
kollha fuq self sa Lm12,000 li jistgħu jagħmlu l-bdiewa u s-sajjieda
biex itejbu u jirristrutturaw l-operat tagħhom.
Il-bdiewa u s-sajjieda issa għandhom
għad-dispożizzjoni tagħhom aktar toroq rurali u slipways rispettivament.
Biżżejjed wieħed isemmi li f’dawn l-aħħar erba’ snin tranġaw
jew saru 72 triq li jagħtu għar-raba’ b’investiment ta’ madwar
Lm84,000. Minbarra li komplew isiru manutenzjoni u xogħlijiet oħra fuq
slipways użati mis-sajjieda, tbiddlu madwar 150 irmiġġ minn
ħadid għal materjal li jiflaħ aktar l-ilma baħar.
Fuq kollox biex ikun żgurat li l-biedja
tibqa’ ħajja u tkun sostenibbli sar l-ewwel Pjan ta’ Żvilupp
Rurali għall-Gżejjer Maltin li għandu jwassal għat-tisħiħ
tas-settur agrikolu f’pajjiżna u għal investiment qawwi li bħalu
dan is-settur qatt għadu ma ra.
Tisbiħ fil-bliet u rħula
Tlestew proġetti estensivi ta’
tisbiħ ta’ promenades f’tas-Sliema u San Ġiljan,
Birżebbuġa u Marsaskala waqt li dawk li joqogħdu f’postijiet bħal
Bajja ta’ San Tumas, il-Floriana u l-Mellieħa wkoll raw titjib
fil-lokalità rispettiva tagħhom. Proġetti oħra ta’ tisbiħ qed
jitwettqu f’ San Pawl il-Baħar, ix-Xemxija u Ħaż-Żabbar. Proġetti
bħal dawn igawdi minnhom kulħadd. F’ dawn l-aħħar erba’ snin,
dawn il-proġetti involvew investiment ta’ Lm4 miljun. Xogħol bħal
dan ikompli jibni fuq xogħol siewi li qed iwettqu l-Kunsilli Lokali
madwar Malta u Għawdex.
L-Ibliet Storiċi
Dan il-Gvern ħa ħsieb tajjeb
tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna ħalli b’hekk ikompli jitgawda
mill-ġenerazzjonijiet futuri ta’ Maltin. Qed isiru proġetti ta’
riabilitazzjoni fl-Imdina, il-Belt Valletta u l-Kottonera. Permezz tal-Unit
tar-Restawr, twettqu 70 proġett ta’ restawr filwaqt li hemm 30
proġett ieħor li qed jitwettaq u 20 proġetti oħra f’ diversi
stadji ta’ ippjanar. Għall-proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni,
ġew investiti aktar minn Lm8 miljun.
“Madwar id-dinja kollha, kulħadd
qiegħed jagħti kas akbar ta’ l-ambjent u r-riżorsi naturali għax
kulħadd induna li – mingħajr ambjent naturali nadif, bla periklu u
vijabbli – ma jistax ikun hemm kwalità ta’ ħajja tajba
għall-familja. Il-Gvern ħadem ħafna biex l-ambjent naturali u storiku
tagħna, il-bliet u l-irħula jitħarsu għall-futur," temm
il-Viċi Prim Ministru.