L-għodwa t-tajba lil kulħadd, se nimxu bħal ma nimxu s-soltu. Se nagħmel
introduzzjoni qasira jien. Se mmiss tliet punti partikolari. Imbagħad
ikollu l-opportunita’ kulħadd biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu. Jekk
jista’ jkun żommu ruħkom għal mistoqsija waħda biex kulħadd ikollu ċans,
imbagħad nagħmlu rounds differenti.
L-ewwelnett kumment qasir ħafna minn naħa tiegħi, imbagħad inħalli
f’idejkom jekk tridux tagħmlu xi mistoqsijiet fuq ir-riżultati ekonomiċi
li l-pajjiż qiegħed jakkwista. Se nħallulkom ftit materjal,
niċċirkulawhomkom aktar tard dal-għodu stess, fuq ir-riżultati ekonomiċi.
Jidhru pożittivi, huma inkoraġġanti għall-pajjiż.
Fl-ewwel
erba’ xhur ta’ din is-sena kellna tkabbir li kien tajjeb ħafna anke
mqabbel mal-bqija tas-snin. Naturalment, wieħed irid ikompli jsegwi l-affarijiet
kif jiżviluppaw, imma s’issa l-indikazzjonijiet huma li l-miżuri kollha
li l-Gvern ħaddem, u d-deċiżjonijiet kollha li ħadna fil-perjodu taż-żmien
li għadda, inkluż ir-ristrutturazzjoni u d-deċiżjonijiet kollha li kien
hemm, qegħdin jagħtuna r-riżultati f’dak li għandu x’jaqsam ma’ attivita’
ekonomika.
Jorbot
magħha din, diversi fatturi, fosthom però l-fatt illi matul is-sena 2005
u issa anke fl-2006, żgur kien hemm l-impatt ukoll tal-miżura tal-festi
pubbliċi illi tat lis-settur ekonomiku tagħna, is-sena li għaddiet,
żieda ta’ erbat ijiem xogħol fil-qasam ekonomiku tagħna. Din is-sena
b’din l-istess miżura se tagħti żewġ ġranet oħra, is-sena dieħla tagħti
erbat ijiem oħra. Dawn il-miżuri u oħrajn, naturalment, żgur qegħdin
jagħtuna r-riżultati illi pajjiżna għandu bżonn.
Li jorbot
magħhom ukoll huwa l-fatt illi pajjiżna, prattikament u partikolarment
mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, qed jiġbed lejh ammonti ta’ investiment
barrani li huwa wkoll sostanzjali ħafna. U dan l-investiment barrani
qiegħed jissarraf f’ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol jew bidu ta’
proġetti li joħolqu x-xogħol għall-ġejjieni.
It-tieni
punt li xtaqt naqbad huwa xi ħaġa marbuta ma’ dak li ħabbar il-Ministru
Austin Gatt ftit tal-ġranet ilu, u cioè l-pjan ta’ l-enerġija u l-ġenerazzjoni
ta’ l-enerġija għall-Enemalta, għall-perjodu ta’ żmien 2010 sa’ l-2015.
Huwa dokument importanti ħafna u pjan importanti ħafna, għar-raġuni
prinċipali illi aħna qegħdin nipproġettaw li sa dakinnhar pajjiżna jkun
għadda minn żvilupp ekonomiku qawwi. U allura l-ġenerazzjoni ta’ aktar
livell ta’ enerġija għal pajjiżna, għal dak il-perjodu ta’ żmien, se
jkun kruċjali.
Kif stajtu
tinnutaw fil-preżentazzjoni li għamel il-Ministru Gatt, hemm ukoll il-pjan
illi naslu biex Malta tingħaqad mal-grid Ewropew f’dak li għandu
x’jaqsam mal-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija. Dik tiggarantilna, lil
pajjiżna, supply kostanti ta’ enerġija, u tagħtina wkoll l-opportunita’
illi fix-xiri ta’ enerġija futura, f’dak il-perjodu ta’ żmien, pajjiżna
jkun jista’ jieħu d-deċiżjonijiet anki dwar xi kwalita’ ta’ enerġija
tinxtara. Jiġifieri nkunu nistgħu nagħmlu għażliet, anke, li mmorru
għal enerġija alternattiva, clean energy, li tinxtara direttament
mill-grid Ewropew. Dan apparti li, nittamaw li sa dakinhar,
pajjiżna wkoll ikun investa u jkun qed jibda jieħu r-riżultati mill-investiment
fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva.
Marbut ma’
dak li ħabbar il-Ministru Gatt, minn hawn u ftit taż-żmien ieħor,
dalwaqt se nkunu qegħdin nippubblikaw il-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija,
li hija xi ħaġa li taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministru għar-Riżorsi.
Dan se nkunu qed inħabbruh minn hawn u ftit ieħor. Naturalment miegħu
wkoll, se nkunu qed inħabbru, qed nippjanawh mad-dokument ta’ qabel il-Budget,
mal-Pre-Budget, l-istrateġija tagħna dwar riżorsi
alternattivi ta’ l-enerġija. Dan kollu, il-ħsieb huwa intenzjonat biex
nagħtu supply ta’ enerġija għal pajjiżna għall-ġejjieni, u li
jkollna sistema li tkun sostenibbli b’mod li l-attivita’ ekonomika
f’pajjiżna, kif ukoll in-nies, il-familji tagħna, l-individwi, il-persuni
jkunu jistgħu jkollhom supply ta’ enerġija bi prezzijiet li jkunu
l-aħjar prezzijiet taħt iċ-ċirkustanzi partikulari.
It-tielet
suġġett li xtaqt insemmi l-lum, nista’ nsemmi, nista’ nitkellem dwaru,
huwa dwar ir-reviżjoni taż-żoni ta’ l-iżvilupp. Illum nista’ nitkellem
għax bħalma tafu, il-bieraħ, ingħalaq il-perjodu ta’ żmien ta’
konsultazzjoni pubblika, u jiena qgħadt lura milli nagħti xi kummenti
dettaljati fuq dan il-proċess, anke għaliex irrid nissalvagwardja l-proċess
ta’ konsultazzjoni. Nikkumenta fis-sens illi fil-ġimgħat li għaddew,
mindu il-Gvern ħabbar il-kriterji ta’ kif għandhom isiru ir-reviżjoni
taż-żoni ta’ l-iżvilupp, imbagħad sussegwentament l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar
ippubblikat il-proposti, kien hemm dibattitu nazzjonali qawwi f’pajjiżna.
Tajjeb.
Nieħu pjaċir li jkun hemm, però rridu nifhmu wkoll, li dan hu proċess ta’
konsultazzjoni. Jiġifieri kien hemm min donnu ħa l-pożizzjoni mill-ewwel,
illi jikkundanna, li ma jaqbilx, li jaqbel, min ħaġa u min oħra, min
poġġa l-kritiki, min poġġa s-suġġerimenti. Però, irridu nifhmu wkoll li
l-proċess ta’ konsultazzjoni, huwa proċess ta’ konsultazzjoni, ma
tħabbrux deċiżjonijiet, tħabbru proposti illi kienu miftuħin għall-kritika
u s-suġġerimenti ta’ kulħadd. Dak huwa tajjeb, issa għad jonqos fażi
oħra f’dan il-proċess twil, illi hija l-fażi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet
li mbagħad iridu jitressqu quddiem il-Parlament għall-approvazzjoni tal-Parlament.
Imma rrid nenfasizza, ma nispiċċawx bil-kritika, nimminaw issa l-iskop
kollu tal-proċess ta’ konsultazzjoni għax mertu tal-proċess kollu, li ma
kienx jeżisti qabel, għal dawk li jridu jagħmlu l-paraguni, ma’ dak li
kien jiġri qabel l-1987, qabel qatt ma kien hemm l-ebda proċess ta’
konsultazzjoni. Kollox kien isir f’kamra magħluqa, ħadd ma jkun jaf
x’qed isir u x’mhux qed isir.
Ilum
għandna l-proċess ta’ konsultazzjoni, li jistieden lil kulħadd jagħmel
il-proposti u s-suġġerimenti tiegħu. Ngħid ukoll imma illi, marbut ma’
dan hemm ċerti konsiderazzjonijiet importanti. L-ewwelnett, dak li jiġi
imħabbar, huwa riżultat ta’ proċess li beda prattikament mill-1993,
jiġifieri mill-bidunett ta’ meta beda l-proċess ta’ reviżjonijiet tal-pjanijiet
lokali. Donnu kulħadd nesa illi fl-1993, inbeda proċess ta’
reviżjonijiet ta’ pjanijiet lokali li involva lil Kunsilli Lokali tagħna,
b’laqgħat pubbliċi, b’laqgħat ta’ konsultazzjoni, bi proposti pubbliċi
wkoll ta’ liema artijiet kellhom jidħlu. Kien hemm uħud mill-eżercizzi
tal-pjanijiet lokali li ingħalqu, li ġew kompletati, u li allura il-proċess
kien magħluq u qed jistenna biss l-approvazzjoni formali ta’ dan l-eżerċizzu
qawwi li kien sar fost il-pubbliku Malti.
Issa l-ewwel
mistoqsija li wieħed irid jagħmel lilu nnifsu; x’nagħmel, ma nagħtux kas
l-eżercizzju ta’ reviżjoni li sar fil-livell tal-pjanijiet lokali tagħna,
tal-Kunsilli Lokali tagħna, mill-1993 sal-lum? Ngħidu lin-nies li dak
kien eżercizzju ta’ ħela ta’ ħin? Ngħidu lin-nies li dak l-eżercizzju
m’aħniex se nagħtu kasu? Ngħidu
lin-nies illi l-konsultazzjoni kollha li saret, saret għalxejn? Jew
nagħmlu dak li kienu ilhom jgħidulna biex nagħmlu, bi pressjoni politika
qawwija matul is-snin li għaddew, biex nagħrfu l-proċess ta’ reviżjoni
tal-pjanijiet tal-Kunsilli Lokali li kien, nerġa’ nirrepeti, ilu li beda
mill-1993 u li wħud minnhom kienu kompletati? Ovvjament, ir-risposta
għal din il-mistoqsija hija ċara. Aħna la darba dan kien proċess mibdi,
konkluż, li kien miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika, li kien ingħalaq,
kien wasal iż-żmien illi aħna bħala Gvern ngħidu, iva, naqblu inkella ma
naqblux. Jekk ir-risposta hi r-reviżjonijiet tal-pjanijiet lokali li
kellna mifruxin ma’ Malta u Għawdex, kien hemm uħud minnhom li ġew
kompletati mill-1993 sal-lum, kien hemm oħrajn li kienu għadhom
għaddejjin, jekk l-argument ikun iva, dawk naċċettawhom.
Allura
huwa ċar, illi, la darba taċċetta proċess li ilu li ngħalaq fis-snin li
għaddew u tgħid li se timxi bih, immedjatament, la darba taċċetta dak
il-proċess, dan kien ikun ifisser illi hemm kriterji stabbiliti
għar-reviżjoni ta’ pjan lokali, li tista’ testendihom għall-bqija
tal-pajjiż.
Għax,
naħseb kulħadd jaqbel mal-Gvern jekk ngħidu, ma jistax ikollok kriterji
differenti għal lokalitajiet differenti. Irid ikollok kriterji ġenerali
li jkunu applikabbli għall-pajjiż kollu kemm hu. U allura, malli tasal
għall-konklużjoni li tibda taċċetta il-pjanijijet lokali li kienu diġa’
ġew diskussi fl-imgħoddi u aċċettati fl-imgħoddi u suġġetti wkoll
għas-suġġerimenti u kritika fl-imgħoddi, la darba taċċetta dawk,
imbagħad testendi dawk il-prinċipji mal-bqija tal-gżira ta’ Malta u
Għawdex.
Kien għalhekk illi l-Gvern, fil-ġimgħat li għaddew, iddeċieda fuq
il-kriterji ġenerali li kellhom jiġu wżati għar-reviżjoni taż-żoni ta’
żvilupp f’pajjiżna. Il-Kabinett iddeċieda fuq dawk il-kriterji. Irrid
fuq dan nikkummenta, illi matul il-ġimgħat li għaddew, ftit smajt, jekk
smajt, xi kummenti dwar il-kriterji. Li smajt kienu kritika u
suġġerimenti għar-rigward taż-żoni li daħlu fiż-żoni ta’ żvilupp u
naturalment kien hemm min ukoll, għalkemm għamilha jew saru issa
bil-formalitajiet li ġew imħabbra, kien hemm min ippretenda wkoll li
l-art li tħalliet barra tidħol.
Naturalment 90%, bħalma tafu, ta’ dawk li applikaw, effettivament, l-art
tagħhom tħalliet barra miż-żoni ta’ l-iżvilupp. Jibqa’ l-fatt imma, illi,
il-Gvern iddeċieda fuq il-kriterji u l-Gvern jinsisti illi il-kriterji
kif tħabbru, la darba ma ġewx ikkritikati jew m’hemmx xi kritika
partikolari fuq dawk il-kriterji, jidher, illi fuq livell nazzjonali,
il-kriterji li approva il-Gvern, jidher li huma aċċettabbli. Naturalment
dan ma jfissirx però illi l-eżercizzju kollu, wieħed jista’ jaqbel, ma
jaqbilx miegħu, jista’ jkun li hemm artijiet li m’għandhomx jibqgħu hemm,
jista’ jkun hemm artijiet li għandhom jidħlu. Hemm diversi affarijiet,
żbalji jsiru. Dan hu proċess ikkumplikat, imma wieħed irid isegwih.
Irrid
ngħid ukoll, illi, waqt id-dibattitu li kellna matul il-ġimgħat li
għaddew, għar-raġuni li rrid ngħid hija ftit stramba, ma nistax nifhimha,
sparixxa mix-xenarju ta’ l-argumentazzjoni kompletament, l-argument
ekonomiku u soċjali. Għamilna xhur twal, f’din is-sena u s-snin li
għaddew, nagħmlu l-argument illi l-prezz tal-propjreta f’pajjiżna tela’
m’għola s-smewwiet u kien qed jolqot, u qiegħed jolqot hażin lill-koppji
żgħażagħ, illi jkunu qed jiżżewġu u jkunu jridu jibnu jew jixtru l-post
tagħhom. U l-argument sar b’qawwa kbira fix-xhur illi għaddew, u
fis-snin illi għaddew, illi hemm bżonn li l-pajjiż, u l-Gvern allura,
ifassal il-politika tiegħu biex ikun jista’ fil-limiti tas-suq miftuħ,
jindirizza din il-problema. Għal xi
raġuni dan l-argument sparixxa. Interessanti li tara Il-Ġens tal-lum
u tara il-front page tagħha. Fil-fatt, terġa tqajjem dan il-punt
fil-front page tagħha. Huwa punt importantissimu, għax huwa punt
illi jippreokkupa lill-Gvern, għax huwa vera li aħna jinteressana ħafna
l-impatt tal-prezz tal-proprjeta’, fuq il-familji tagħna u speċjalment
fuq il-koppji miżżewwga u koppji żgħazagħ u l-koppji miżżewġa. U għandna
dmir li nirrispondu għal dal-bżonn aħna. Anke jekk dad-dmir jitlob li
nsibu l-bilanċ ma’ bżonnijiet oħra ambjentali ta’ pajjiżna. Imma għandna
d-dmir li nirrispondu għalih dan il-punt partikulari.
Dan id-dmir
żgur illi wieħed seta’ jindirizzah billi jindirizza l-għerq, is-sors
tal-problema. U cioè, il-prezz tal-proprjeta’. Issa dan, fis-sistema
Maltija, u fl-ekonomija ristretta f’pajjiżna, fejn l-art hija ta’ valur
enormi, żgur illi r-regoli kif topera din il-parti ta’ l-ekonomija
tagħna fuq il-prezz tal-proprjeta’. Ma tistax tqabbilha ma’ dak li
jiġri f’pajjiżi oħrajn. Pajjiżna kull maduma art għandha valur enormi.
Però huwa fatt illi wieħed mill-metodi kif tista’ tipprova tindirizza
din l-issue hija billi fir-reviżjoni ta’ dak illi jista’ jinbena,
u dak li ma jistax jinbena, wieħed iżomm inkonsiderazzjoni, l-impatt li
dan kollu jista’ jkollu fuq il-prezz tal-proprjeta’. Vera jsir l-argument
li hemm ħafna proprjeta’ vojta. Imma anke hawn, irrid ngħid li ma rridux
inkunu superfiċjali fl-analiżi tagħna.
Hemm ħafna
proprjeta’ vojta, mela le, Buġibba. Hemm ħafna proprjeta’ vojta, mela
le, li huma self-catering flats u single bedroom. Hemm
ħafna proprjeta’ li hija vojta, imma hija adattata għal koppji żgħażagħ
tagħna, għall-koppji li qegħdin jiżżewwgu? Jixtruhom dawk il-proprjetajiet
il-koppji tagħna? Huwa ċar li l-koppji tagħna ma jixtrux dawk it-tip ta’
proprjeta’. U allura wieħed irid jistaqsi, biex wieħed jindirizza din il-problema,
trid tindirizzaha billi tħares biss lejn il-proprjeta’ vojta li għandek
fiż-żoni turistiċi tagħna, bħalma huma, nerġa nirrepeti, Buġibba, u dawn
it-tip ta’ żoni.
Jew ikun
għaqli li nilliberaw taħt regoli stretti, proprjeta’ fl-irħula tagħna,
mifruxin ma’ Malta u Għawdex biex nagħtu l-opportunita’ illi l-koppji
żgħażagħ tagħna jkunu jistgħu jibnu, jixtru l-art u jibnu huma? Il-punt
ukoll marbut ma’ dan, huwa li donnu kulħadd nesa huwa, li massa kbira ta’
applikazzjonijiet pendenti, kemm fil-pjanijiet lokali li ġew diġa’
approvati fis-snin li għaddew kif ukoll fl-eżercizzi li kienu għadhom
għaddejjin, kien hemm mijiet ta’ applikazzjonijiet, ta’ koppji żgħażagħ,
li kienu xtraw il-proprjeta’ tagħhom mingħand il-Knisja, biex jibnu l-proprjeta’
tagħhom. U kienu xtrawha bi prezz baxx ħafna. Sal-lum ma setgħux
jiżviluppaw dik il-proprjeta’ għaliex kienet qiegħda barra ż-żona ta’ l-iżvilupp
temporanju li kienet ġiet deċiza fl-1989.
Kulħadd
irid jifhem illi l-veru prezz tal-proprjeta’ lanqas hija l-kostruzzjoni.
Il-proprja żieda qawwija fil-prezz li kellna, imma kienet fil-valur tal-proprjeta’.
Dawk il-koppji kollha illi llum għandhom plot li se tidhol fir-reviżjoni
taż-żoni ta’ l-iżvilupp, dawk il-koppji kollha llum għandhom biċċa art
li vera saret tiswa ħafna iżjed, però li biex jiżviluppawha, iridu
jibnuha u jkunu jistgħu jibnu bi prezz illi jkun prezz ġust, prezz
fair li għalihom ikunu jistgħu jaffordjaw. U hija kunsiderazzjoni
fundamentali, illi wieħed irid iżomm quddiem għajnejh, meta jiġi biex
jiddeċiedi dwar l-arja, iż-żoni li għandna available f’pajjiżna
biex noħorġuhom għall-iżvilupp. Ma jfissirx b’daqshekk li għal dir-raġuni,
jirbaħ kollox. Ma jfissirx b’daqshekk li allura kwalunkwe art għax se
tinbena minn koppja żagħżugħa, minn koppja miżżewwga, allura ħa ttieha
l-permess. Ma jfissirx hekk. Hemm regoli ambjentali, hemm regoli ta’
impatt li wieħed irid iżomm magħhom, però hija kunsiderazzjoni
fundamentali. Il-vuċi tas-settur soċjali nixtieq nisimgħu. Il-Gvern
jieħu l-pożizzjoni partikolari, tas-settur soċjali f’pajjiżna, tal-familji
tagħna, tal-koppji żgħażagħ tagħna. U fuq dan lest jien li npoġġu bil-qiegħda,
niddiskutu iva, ma’ l-ambjentalisti f’pajjiżna, niddiskutu ma’ dawk illi
għandhom l-interess ġenwin ta’ pajjiżna biex insibu l-bilanċ li hemm
bżonn li jinstab bejn il-bżonnijiet soċjali li l-Gvern huwa l-ewwel
wieħed li għandu d-dmir li jerfa, u l-bżonnijiet l-oħrajn ta’ pajjiżna.
Ftit fatti
u ċifri, u nagħlaq hawn fuq dan il-punt. Donnu ħadd ma ġibed l-attenzjoni
li 18.5% ta’ l-art li hemm fiż-żona ta’ l-iżvilupp, hija mibnija. Per
eżempju, l-Imtarfa kollha kemm hi, hija, barra ż-żona ta’ l-iżvilupp.
Hawn xi ħadd li qed jirrikkomanda lill-Gvern li nħallu l-Imtarfa, barra
miż-żona ta’ l-iżvilupp? Barra l-Imtarfa hemm kwantita’ kbira ta’ siti
oħrajn bil-bini mibni fuqhom bil-permessi. Ħa niftiehmu sew, anke l-Imtarfa.
Mhux qed nitkellem fuq bini bla permess. Bini illegali. Qed nitkellem
fuq bini bil-permessi kollha regolari li huma barra miż-żoni ta’ l-iżvilupp.
18.5% ta’ l-art li qiegħda tiġi proposta biex tidħol fiż-żona ta’ l-iżvilupp,
hija diġa’ mibnija b’bini li għandu l-permess regolari. 25% ta’ l-art
kollha li ddaħlet fiż-żona ta’ l-iżvilupp, hija art li se tkun użata
għal toroq u spazji miftuħa. Nofs miljun metru kwadru diġa’ hi art li
ġiet proposta fil-pjanijiet lokali illi ġew jew għadhom iridu jiġu
approvati. U kienu huma nfushom, suġġetti diġa’, għall-proċess ta’
konsultazzjoni, mhux dan li sar dawn l-aħħar erba’ ġimgħat, imma proċess
ta’ konsultazzjoni, fil-proġett kollu tal-local plans.
Dan
ifisser li 40% ta’ l-art kollha proposta hija proposta biex tidħol fl-iskemi
sa mill-bidunett tal-proċess tal-pjani lokali. 74,000 metru kwadru huwa
art tal-Gvern. U l-Gvern beħsiebu juża dik l-art biex jew jiżviluppa
inizjattivi li jistgħu jgħinu fil-politika soċjali u ekonomika ta’
pajjiżna, jew inkella jista’ juża dik l-art biex ikun jista’ jiġġenera
fondi halli nkunu nistgħu nikkumpensaw lil dawk il-mijiet, eluf ta’
individwi li għandna pendenti, li tteħditilhom l-art snin twal ilu, li
għadhom jistennew sal-lum biex jirċievu l-kumpens. U anke dan inqisuh
element importanti ta’ ġustizzja soċjali. Għax sidien ta’ artijiet li
tteħditilhom l-art biex tintuża għal skop pubbliku, u sal-lum għadhom ma
rċevewx kumpens, jidhrilna li għandna jkollna metodu kif niġġeneraw il-finanzi
biex inkunu nistgħu inħallsu lura dak illi l-pajjiż għandu dejn magħhom.
Irrid nenfasizza wkoll li kien hemm art fiż-żona ta’ l-iżvilupp li
tneħħiet. 26,000 metru kwadru ta’ art, li kienu diġa’ fiż-żona ta’
żvilupp temporanji, tneħħew. U nirreferi għal b’mod partikolari għal-lokalitajiet
fil-Mellieħa, fir-Rabat u fil-Kalkara.
Hemm
diversi kunsiderazzjonijiet oħrajn, imma se nieqaf hawn fuq dan il-punt.
Il-proċess li jmiss issa huwa li l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar, li hi
inkarigata mill-liġi, u bil-liġi biex tagħmel dan il-proċess, issa
tagħmel evalwazzjoni tas-suġġerimenti, kritika, illi daħlu matul dan il-perjodu
ta’ konsultazzjoni pubblika, imbagħad la darba jkun hemm il-proposti
finali, dawn jitressqu quddiem il-Parlament għall-approvazzjoni tal-Parlament.
Proċess sħiħ, li nerġa’ nirrepeti, iġib fl-għeluq proċess li beda fl-1989,
qabad ritmu qawwi ħafna fl-1993 u li issa ħassejna d-dmir, u rrid ngħid
ir-responsabilita’ minn naħa tagħna bħala Gvern illi nġibuh għall-għeluq
tiegħu.
Jiena se
nieqaf hawn fuq il-kummenti ta’ introduzzjoni minn naħa tiegħi. Kif
għedtilkom issa jekk jogħġobkom mistoqsija waħda kulħadd ħalli nieħdu
żewġ rounds, tlett rounds kemm ikun hemm bżonn.
Keith Micallef – Net Tv
Tkellimt
fuq pjan dwar l-enerġija. Għaliex inħasset il-ħtieġa li jsir dan it-tip
ta’ pjan, u fejn irridu naslu bih?
Għidt
ukoll, li anke Malta, eventwalment, fil-futur qed tippjana li jkollha xi
tip ta’ ġenerazzjoni alternattiva. X’inhuma l-pjanijiet
tal-Gvern b’mod konkret f’dan il-qasam?
Prim Ministru
Pjan hemm
bżonnu naturalment, biex infasslu t-triq ta’ pajjiżna għall-għaxar snin,
ħmistax-il sena li ġejjin. Aħna nafu illi pajjiżna qed jiġbed l-investiment.
Fil-budget illi kellna fis-snin li għaddew indikajna n-niċeċ
partikolari fejn ridna mmorru nieħdu lil pajjiżna. Is-settur
tal-manifattura se jkun qed jiżviluppa b’mod qawwi fil-qasam
speċjalizzat u fl-oqsma tat-teknoloġija tal-manifattura fil-farmaċewtika.
Dak il-qasam se jikber ħafna. Huwa qasam li se jkollu bżonn supply
ta’ enerġija kostanti garantita tul il-medda kollha. Għandna l-investimenti
ġejjin bħal Smartcity, li jiddependu ħafna fuq it-teknoloġija ta’
komunikazzjoni li tiddependi ħafna fuq il-ġenerazzjoni ta’ enerġija
f’pajjiżna u allura t-triq imfassla f’pajjiżna għal dawn il-ħmistax-il
sena li għandna quddiemna effettivament diġa’ bdejna nimxuha u diġa’
bdiet tagħtina riżultati. U aħna konvinti li sa l-2010 pajjiżna se jkun
laħaq livell ta’ żvilupp qawwi ħafna li ġeneralment ikun jirrikjedi
supply ta’ enerġija garantita l-ħin kollu. Aħna f’pajjiżna għandna
l-ġenerazzjoni tagħna stess ta’ l-elettriku u dan għandu jibqa’. Però
biex ikollna l-garanzija assoluta, għax pajjiżna huwa gżira anke f’dak
li jiġi deskritt fil-greenpaper ta’ l-Unjoni Ewropea,
il-ġenerazzjoni ta’ l-enerġija, bħala energy island, gżira ta’
enerġija, importanti għall-futur u ġejjieni ta’ pajjiżna li aħna nidħlu,
nagħmlu link mal-grid Ewropew.
Dak
jagħtina mhux biss supply kostanti imma anke l-għażla ta’ x’tip
ta’ enerġija nixtru. U għax Malta għandha l-limitazzjoni tagħha
fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva, m’għandniex territorju
biżżejjed biex ikollna s-solar energy jew il-wind energy
fuq it-territorju tagħna. Allura ħadna żewġ deċiżjonijiet, waħda illi
nesploraw il-possibilita’ teknika ta’ wind farmoffshore,
fil-baħar li donna s’issa mill-istudji kollha u fuq il-pariri ta’ l-esperti
kollha li kellna hija l-iktar waħda vijabbli, għalkemm it-teknoloġija
għall-wind farm f’baħar fond iktar minn 25 metru għadha qed tiġi
żviluppata u aħna dak huwa t-tip ta’ baħar li għandna madwarna.
Mela
għażilna dik it-triq u se nimxu f’dik it-triq. Magħha se nkomplu nibnu
fuq l-inizjattivi kollha li ħadna fis-snin li għaddew biex ninċentivaw
lil poplu tagħna ħalli jmur għal sorsi alternattivi fosthom solar
panels, photo voltaic cells. Ħabbarna miżuri fil-budget illi
għadda illi juru d-direzzjoni li fiha l-gvern irid jimxi. U allura dik
it-triq se nibqgħu nimxuha.
Però l-fatt
li aħna ningħaqdu mal-grid ewropew jagħtina madanakollu l-fakulta’
illi aħna nixtru enerġija li tkun ġiet iġġenerata x’imkien ieħor mhux
biss fl-Ewropa imma barra mill-Ewropa, li tkun tagħti s-supply
fl-Ewropa, enerġija li tkun clean energy, enerġija ġġenerata minn
sorsi alternattivi u li tkun enerġija nadifa.
Allura
rridu nippjanaw biex pajjiżna fil-medda tas-snin li ġejjin ikollu dawn
l-għażliet quddiemu li jkunu l-għażliet li jiggarantixxu l-attivita’
ekonomika ta’ pajjiżna, però jiggarantixxu wkoll li nilħqu l-livelli
wkoll ta’ użu ta’ enerġija alternattiva kif nixtiequ kollha kemm aħna
malajr kemm jista’ jkun.
Kurt Farrugia – maltastar.com
Semmejt
ir-riżultati ekonomiċi, fl-aħħar rapport li ħareġ mill-Kummissjoni
Ewropea din qed tipproġetta żieda fid-deficit ta’ 3.2% ta’
prodott gross domestiku għall-2007. Sadanittant se jkollna l-introduzzjoni
tal-euro f’Jannar 2008 u jekk hux se tibqa’ għaddej bil-proposti
li għandek biex jinqatgħu t-taxxi b’madwar 20 miljun lira Maltin.
Prim Ministru
Ir-rapport
illi għamlet il-Kummissjoni Ewropea huwa rapport pożittiv ħafna
fil-konfront tal-gvern. Jikkonferma li l-politika ekonomika tal-gvern
qiegħda tagħti riżultati lill-pajjiż. Jikkonferma li dan qed iġib l-investiment
lejn pajjiżna. Jikkonferma wkoll illi l-miżuri tal-Gvern
għall-konsolidazzjoni fiskali huma miżuri li qegħdin jagħtu riżultati,
tant hu hekk illi l-Unjoni Ewropea tħeġġeġ lill-Gvern Malti biex ikompli
fit-triq li tirbaħ din il-konsolidazzjoni fiskali għaliex huwa l-ingredjent
ewlieni biex jiġi l-investiment. L-investiment ma jiġix lejn pajjiżna
b’kumbinazzjoni, jiġi biss jekk min irid jinvesti jaf illi qed jinvesti
f’pajjiż li għandu bażi soda li tiggarantixxi futur għall-investiment
innifsu.
Il-Kummissjoni
Ewropea għamlet l-eżerċizzju tagħha fil-kalkoli tagħha qiegħda
tipproġetta deficit għas-sena d-dieħla illi jaqbeż it-tlieta
fil-mija għaliex qiegħda tneħħi mill-kalkoli dak li hi tiddiskrivihom
bħala one-offs. Jiġifieri l-Gvern qiegħed jipproġetta li s-sena
d-dieħla jkollu dħul minn bejgħ ta’ proprjeta’, dik qed tikkunsidra
bħala one-off, allura qiegħda tneħħihom. Naturalment il-kontra,
l-ispiża one-off, però mhux qed tneħħih. Jiġifieri jekk inti
Gvern għandu spiża one-off pereżempju għall-isptar Mater Dei
li aħna ħruġ mill-fondi tal-Gvern qegħdin inħallsu wkoll spiża kapitali
għall-Isptar Mater Dei, dik hija wkoll spiża one-off.
Għaliex aħna, nittama, mhux se nkunu qegħdin nibnu sptar ġdid kull sena.
Nibnu dan u mbagħad naraw dan miexi ‘l quddiem.
Però hija
spiża kapitali u allura hija spiża li toħroġ ta’ darba. Hemm eżempji
oħrajn ta’ spejjeż li jkunu one-offs biex inkunu għedna kollox.
Fl-eżerċizzju tagħha l-Unjoni Ewropea għamlet il-kalkolu illi qed
tagħmel issa bl-istampa li għandha s’issa. L-Unjoni Ewropea għad
m’għandhiex il-proposti tagħna tal-budget tagħna għas-sena d-dieħla.
Jiġifieri hi għamlet il-kalkoli tagħha, kif dejjem għamlet, naturalment
f’dan il-perjodu tas-sena.
Huma
affarijiet illi wieħed irid ikompli jaħdem fuqhom. Naturalment
jiddependi ħafna issa t-tfassil tal-pre-budgetdocument
tagħna u l-budget eventwalment tas-sena d-dieħla. Aħna nibqgħu
fiduċjużi illi nilħqu l-kriterji ta’ Maastricht biex imbagħad pajjiżna
jkun jista’ jieħu d-deċiżjoni biex jintroduċi l-euro u nkunu
kkwalifikajna għal dawk il-kriterji. Aħna fiduċjużi illi kemm fir-rigward
tad-deficit kif ukoll għar-rigward tad-dejn nazzjonali dawk
il-kriterji se nkunu qegħdin nilħquhom u nkunu qed nilħquhom tajjeb.
Naturalment kif kelli okkażjoni ngħid fil-ġimgħat li għaddew, irridu
noqogħdu attenti għall-inflazzjoni illi hija r-rata li hija parti mill-kriterju
li rridu noqogħdu ħafna attenti għalih. Jiena nibqa’ ottimist illi
bil-miżuri li qegħdin nieħdu, bil-miżuri li se nkunu qegħdin nieħdu,
inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem.
Il-pre-budget
se nkunu qegħdin nikkonkluduh dalwaqt. Dakinhar inkunu nistgħu nħabbru
l-ħsibijiet tagħna inġenerali. Il-ħsieb tagħna huwa wkoll li jiġi
konkluż l-eżerċizzju li qed jagħmlu l-esperti li l-Gvern qabbad fuq
ir-reviżjoni tas-sitemi tat-taxxa. Din ta’ l-għoxrin miljun lira hija
invenzjoni bir-rispett kollu tal-maltastar. Naturalment id-deċiżjonijiet
tagħna rridu noħduhom bil-għaqal. Aħna ma rridux nimminaw il-progress
li pajjiżna rreġistra fis-snin li għaddew u fix-xhur li għaddew b’mod
partikolari billi nipperikolaw il-qagħda fiskali soda li għandna sal-lum.
U din mhux
jien ngħidha, jgħiduha l-credit rating agencies kollha, jiġifieri
min ma jridx jemmen lili, jemmen, nispera, lill-credit agencies
kollha li jiċċertifikaw li Malta għandha pożizzjoni fiskali li hija
b’saħħitha, tant hu hekk illi tawni l-benefiċċju illi dan iġib miegħu u
l-credit rating tagħna issa ġie revedut anke l-fuq, illi huwa
pożittiv ħafna għal pajjiżna. Aħna kif għidna diġa’, meta ħabbarna
fil-bidunett il-proċess tar-reviżjoni ta’ tassazzjoni ta’ pajjiżna, qed
inħarsu lejh b’mod illi kull deċiżjoni li nieħdu għandha tkun deċiżjoni
illi tistimula aktar attivita’ ekonomika. Dik hija l-objective
finali ta’ l-eżerċizzju. Dan għidnieh mill-bidunett. Naturalment
irridu noqogħdu attenti illi fl-eżerċizzju li aħna nagħmlu ma nimminawx,
meta ngħid ma nimminawx il-qagħda fiskali tagħna ifisser illi aħna mhux
nerġgħu naraw id-deficit tiela’ imma anzi nkomplu naraw id-deficit
nieżel. L-iskop ikun illi inti bit-tibdil li tagħmel, toħloq iktar
attivita’ ekonomika li tiġġenera iktar dħul għall-kera. Hawn min jaħseb
li it’s squaring a circle. Mhux neċessarjament. It is not
squaring a circle. Għalhekk għandna l-esperti li qed jagħtuna l-pariri.
Jiena sal-lum għad m’għandix il-proposti quddiemi, għad irrid narahom.
U allura rrid ngħid li dan l-istatement ta’ l-għoxrin miljun huwa
kite-flying tal-maltastar.
Reno Bugeja – PBS
Rigward
iż-żona ta’ żvilupp, ma jidhirlikx illi l-kriterji li stabbilixxa l-Kabinett
jaqbżu lil dak li tagħmel il-MEPA fil-pjani lokali li inti bbażajt
fuqhom? Barra minnhekk meta dawn il-kriterji tħabbru, jiena kont
staqsejt lill-Ministru Pullicino jekk dan il-Gvern qed jagħmlu minħabba
l-prezzijiet tal-proprjeta’. Dakinhar il-Ministru George Pullicino
wieġeb li l-prezzijiet tal-proprjeta’ f’Malta mhumiex iddettati mis-supply
and demand.
Il-mistoqsija
li xtaqt nagħmillek hija dwar il-festi pubbliċi. Il-Gvern bħalissa
għandu sitwazzjoni, għandu t-talba tal-GWU, ta’ l-ILO minn naħa u għandu
t-talba wkoll ta’ l-employers. X’inhi l-pożizzjoni attwali
tal-Gvern, biex tkun iċċarata għax donnu għad hemm konfużjoni f’ħafna
mħuħ ta’ ħafna nies.
Prim Ministru
Mela ħa
nibda fuq il-kriterji. Il-kriterji ġew imfassla b’mod li ħadna
inkonsiderazzjoni l-eżerċizzju li kien ilu għaddej snin twal fil-livelli
tar-riviżjoni tal-pjanijiet lokali. U rrid niġbed l-attenzjoni ta’ min
qed jitkellem issa u qed imur jagħmel id-dimostrazzjonijiet fit-toroq.
Illi hi stramba hi li ma ndunawx illi kien għaddej dan il-proċess, anzi
stramba kif min ikkritika dan il-proċess u ħareġ bil-posters,
Vote Gorg, Get Lorry. Ma nafx kinux qed jirreferu għalija biex
inkun għidt kollox. Jista’ jkun kienu qed jirreferu għalija wara kollox.
Però l-verita’ hija li aħna ħadna inkonsiderazzjoni l-fatt illi l-proċess
kien ilu għaddej u ma kienx hemm reazzjonijiet negattivi għal dak li
kien qed isir fil-livell tal-kunsilli lokali, il-pjani lokali.
U naħseb
li Gvern f’sensih illi l-affarijiet jagħmilhom bil-loġika, kellu bilfors
jieħu inkonsiderazzjoni u jgħid, isma x’kien approvat, x’qed jiġi
propost fil-pjani lokali. Kien hemm punti li aħna qbilna magħhom kollha
kemm huma u kien hemm xi aspetti li lanqas qbilna ma’ dak li kien qed
jiġi propost f’uħud mill-pjanijiet lokali li kienu għadhom qegħdin
fil-proċess ta’ diskussjoni.
U allura
l-kriterji, nerġa’ nirrepeti, ma rajtx kritika fil-konfront tal-kriterji
illi l-Gvern iddeċieda fuqhom f’laqgħat tal-Kabinett, għax il-Gvern
iddeċieda l-kriterji. Imbagħad fil-Kabinett, biex inkunu koperti mija
fil-mija, kif għidna diġa’ fil-pubbliku, kien hemm sitt lokalitajiet,
sitt areas partikolari illi konna nafu li mhumiex skond
il-kriterji li aħna stess konna qegħdin niddeċiedu. U kienu biss dawn
li ġew indikati ukoll, fil-pubblikazzjoni li għamlet il-Planning
Authority, li telgħu għand il-Kabinett biex jiġu approvati. Nagħti
eżempju, Wied il-Għajn hemm biċċa area illi qiegħda mal-Magħluq,
fejn jgħidulu tal-Magħluq. Din l-area qiegħda mal-bini fuq naħa
waħda biss, mhux fuq tliet naħat kif jgħidu l-kriterji. Hija biċċa art
li fija numru qawwi ta’ applikazzjonijiet. U naf, naf għax jiena minn
Wied il-Għajn, li hemm kwantita’ ta’ sidien, homeowners żgħar li
huma sidien ta’ dawn il-plots li ilhom jistennew u ilhom jiġu d-dar
tiegħi filgħodu jibku, s-snin twal, snin twal mhux illum, qed ngħid qed
immur lura għaxar snin, ħmistax il-sena ilu, minn 1989. Jibku għaliex
plots illi huma wara kollox intenzjonati biex jinbnew bħala djar,
dawn għandhomx jinbnew.
U jiena
deherli, il-Gvern, jiena flimkien ma’ sħabi il-Ministri kollha, illi
huwa ġust, huwa tajjeb illi dak il-każ bħala eċċezzjoni, dik l-area
partikolari tiġi approvati. U kien hemm numru ristrett ta’ każijiet
illi aħna approvajna u niddikjaraw li indikati fil-pjanti kollha kemm
huma tajjeb. Illi din hija deċiżjoni tal-Kabinett, illi jidhirlu li
għandhom isiru. Issa, abbażi ttieħdet id-deċiżjoni, għax mhux imbilli
fil-Kabinett iddeċidejna hekk. Ressaqniehom għall-konsultazzjoni
pubblika u se nieħdu nota, naturalment il-Planning Authority
fil-proċess li issa trid tagħmel ma’ l-għeluq tal-konsultazzjoni
pubblika, se tieħu nota tal-protesti li kien hemm, ta’ l-oġġezzjonijiet
li kien hemm u jista’ jkun li dawn id-deċiżjonijiet jinbidlu. Jiena
mhux biċċa tiegħi din issa. Issa l-biċċa tal-proċess. Jista’ jkun dawn
id-deċiżjonijiet jinbidlu. Jiena finalment il-proċess irid jgħaddi
wkoll mill-proċess fundamentali u rrid infakkar, mhux sempliċiment
dibattitu fil-Parlament, dan hemm kumitat li huwa għal ta’ l-apposta, li
japprova dak li se jiġi propost, imbagħad wara li dak il-kumitat ilesti
l-proċess tiegħu, proċess iddettaljat, imur lura għad-dibattitu ġenerali
fil-Parlament. Jiġifieri hemm proċess twil.
Dwar is-supply
and demand. Jiena għidt diġa’, f’Malta donnu b’differenza f’dak li
jiġri f’pajjiżi oħrajn, ir-regoli normali ta’ supply and demand,
fil-qasam tal-proprjeta’ u f’xi oqsma oħrajn, qed nippruvaw nindirizzaw
imma ma nidħolx f’dak is-suġġett, donnu ma jaħdimx, vera, b’dan il-mod.
Però trid tanalizza sew. Jiġifieri nistieden lil min jistudja dan is-suġġett
bis-serjeta’ biex jidħol iktar fil-fond. Il-proprjeta’ illi ġiet
imqiegħda fuq is-suq matul is-snin li għaddew, fejn ġiet imqiegħda fuq
is-suq. Liema proprjeta’ ġiet żviluppata? U kif ġiet żviluppata? U
wieħed mill-ewwel isib, illi fil-biċċa l-kbira, persentaġġ qawwi ġiet
żviluppata art li qiegħda qalb iż-żoni turistiċi għar-raġunijiet
kummerċjali biex jintużaw għal skopijiet marbutin probabbilment ma’
raġunijiet turistiċi.
Mentri
artijiet u proprjeta’ oħra li qegħdin f’irħula tagħna u setgħu jiġu
żviluppati għal skopijiet ta’ akkomodazzjoni ta’ residenzi, dawk ma
setgħux jiġu żviluppati għax ma kienx hemm artijiet li kienu
available. U allura għalkemm huwa vera illi l-eżerċizzju li aħna
għamilna mhux eżerċizzju li finalment, l-iskop tiegħu hu li jitbaxxew
il-prezzijiet, għax inkunu qed nilludu ruħna. Aħna nafu illi m’aħniex,
il-prezz ta’ l-art mhux se jinżel għaliex aħna għamilna r-reviżjoni
taż-żona ta’ l-iżvilupp, però hi konsiderazzjoni importanti.
Partikolarment għal dawk il-koppji, familji li huma stess huma sidien ta’
artijiet, ta’ plots, u hemm mijiet ta’ sidien żgħar ta’ artijiet,
dawn mhux is-sidien kbar, is-sidien iż-żgħar li huma sidien ta’ plots
illi qegħdin jistennew biex jiżviluppawhom għalihom jew għat-tfal
tagħhom. U għaliex aħna bħala Gvern għandna ngħidulhom le? Għaliex aħna
li ħmistax-il sena ilu konna għidnilhom dawn żoni ta’ żvilupp temporanji,
għad iridu jiġu kkonfermati, għaliex għandna ngħidulhom le?
U allura
jiena persważ illi miżura bħal din, se tkun qed tindirizza waħda mill-ikbar
sfidi soċjali li qed jiffaċċja pajjiżna llum. Jiġifieri illi l-koppji
żgħażagħ għad iridu jiffurmaw il-familja tagħhom jew dawk il-familji li
għandhom tfal li qed jippreparaw biex jiżżewġu u jgħidulek jiena għandi
biċċa art u ma nistax niżviluppaha għat-tfal tiegħi. Meta nafu illi,
jekk dawn tista’ tgħid imorru jgħixu x’imkien ieħor li huwa
available, jekk aħna nafu l-valur ta’ biċċa art illum tiswa mat-tmenin
elf lira. Għaliex jiena, lil koppja żagħżagħ għandi nġegħlhom jixtru
biċċa art ta’ tmenin elf lira, meta ommhom u missierhom huma sidien ta’
plot li hija tagħhom u allura m’għandhom għalfejn jixtru xejn.
Kull ma jridu jonfqu huwa l-binja. U dawn huma konsiderazzjonijiet, ma
jistax ikun li pajjiżna fil-kuntest ta’ l-argumentazzjoni kollha npoġġu
biss l-argument ambjentali mingħajr ma npoġġu l-argument ukoll soċjali!
Huwa punt
kruċjali dan għaliex għandna dmir, u jiena bħala Prim Ministru u miegħi
il-Ministri, id-dmirijiet soċjali li jindirizzaw il-bżonnijiet soċjali
nħossuhom u rridu nindirizzaw. Issa ħaddieħor jagħmel hu. Jekk iħossu
wkoll li għandu dmir jikontribwixxi b’dan il-mod.
Dwar
il-kwistjoni ta’ l-ILO u l-issue tal-GWU, jiena se nwieġeb l-ittra
tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU li bagħatli l-bieraħ. L-ittra se
tintbagħat, nittama, aktar tard il-lejla, se nkun qed ngħidlu illi l-miżura
illi l-Gvern kien wettaq effettivament, ġiet aċċettata mill-ILO. L-ILO
iddikjarat bl-iktar mod kategoriku illi l-Gvern kellu d-dritt kollu li
jieħu dik il-miżura. Imma bl-ebda mod ma qalet illi d-deċiżjoni
tal-Gvern li jieħu l-miżura li għandu rigward il-festi pubbliċi li
jaqgħu nhar ta’ Sibt u nhar ta’ Ħadd, il-Gvern kellu kull dritt, ma
kkritikat bl-ebda mod id-deċiżjoni li aħna ħadna. L-ILO qablet ma’ xi
ħaġa li tmur lura għall-1975 għal titolu fil-liġi u frażi fil-liġi li
aħna ma missejniex, li mhux aħna introduċejna, li ġiet introdotta
fl-1975, b’kumbinazzjoni meta l-Gvern Laburista ta’ dakinhar neħħa minn
nofs lista twila ta’ festi pubbliċi. U kien fi żmienijiet meta naf li l-GWU
kienet qiegħda naturalment, fil-Kabinett ukoll tal-parti integrali, ħa
npoġġiha b’dan il-mod, mill-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien. L-ILO
qablet fuq dik il-frażi, aħna Gvern li nirrispettaw il-konvenzjonijiet
li aħna niffirmaw u jekk ikun hemm bżonn nindirizzawhom aħna, ħalli
navża. Jiġifieri jiena, ċar daqs il-kristall, u ma noqogħdux nilagħbu.
Il-messaġġ
mingħand il-GWU, kif qed ninterpretah jien huwa li tridna nnaqqsu l-festi
pubbliċi. Aħna għandna ħames festi pubbliċi, li l-GWU qiegħda
timbuttana lejn pożizzjoni fejn jitnaqqsu l-festi pubbliċi. Dik tfisser
illi l-ħaddiema li sal-lum bil-miżura li ħadna ma ġewx effettwati
finanzjarjament għax baqgħu jitħallsu bir-rati li huma stabbiliti. Jekk
innaqqsu l-festi pubbliċi allura jkun ifisser illi vera inkunu żidna
jumejn xogħol, nissostitwixxu, jiġifieri jekk aħna neħħu din il-miżura
aħna se nkunu rbaħna erbat ijiem xogħol. Din is-sena nirbħu tnejn, is-sena
d-dieħla nirbħu erbgħa. Jekk nimxu bl-istess regola, allura nneħħi erba’
festi pubbliċi biex niġu bl-istess regola? Inneħħi tnejn? Inneħħu tnejn,
jekk inneħħu tnejn niġu fl-istess ilma li qegħdin illum preċiż, on
average, imma bid-differenza li l-ħaddiema jitilfu l-ħlas kollu li
qed jitħallas illum meta l-ħaddiema jmorru jaħdmu.
Jekk il-GWU qed timbotta lill-Gvern lejn din id-direzzjoni allura tajjeb
li l-ħaddiema membri tagħha jkunu jafu effettivament, eżattament
x’qiegħda tissuġġerixxi l-GWU.
David Kelleher – The Malta Independent on Sunday
Prim
Ministru, biex immur lura għall-kwistjoni tal-euro. Wieħed mill-preokkupazzjonijiet
tal-Gvern, naturalment huwa l-inflazzjoni kif semmejt inti. Issa meta
wieħed jara l-elementi li l-composition ta’ l-inflation,
waħda minnhom hija l-mediċini. Naf illi kien hemm diskussjonijiet kemm
maċ-Chamber, kemm ma’ għaqdiet oħra. Kien hemm rapporti
fil-gazzetti li qalu li se tittieħed deċiżjoni sa l-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Xtaqt nara x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern u x’deċiżjonijiet, u fejn
sejrin?
Prim Ministru
Nikkonferma li kif kien fil-pubbliku, vera, saru laqgħat fuq dan is-suġġett
partikolari li rrid ngħid huwa komplikat ħafna. U hemm diversi aspetti
differenti. Saru laqgħat mal-Kamra tal-Kummerċ, mal-GRTU, ma’ l-organizzazzjonijiet,
wara xhur twal ta’ analiżi li l-Gvern kien qed jagħmel internament. Ma
qbadnihiex issa din, qbadnieha s-sena li għaddiet u qbadna eżerċizzju
dettaljat u fil-fond biex naraw effettivament x’qed jiġri fil-qasam
tal-prezzijiet tal-mediċini u l-analiżi u l-istudji wassluna għal ċerti
konklużjonijiet. Jekk tippermettili ma nixtieqx inkun iktar dettaljat
fit-tweġiba għaliex kif għidt inti stess irridu nagħlqu din il-kwistjoni
malajr kemm jista’ jkun, it-tama tagħna illi fil-ġimgħat li ġejjin inkun
nistgħu nagħlquha imma peress li kienet u hi frott ta’ diskussjonijiet
ma’ l-organizzazzonijiet li semmejt diġa’, irrid noqgħod daqxejn pass
lura qabel ma nagħti dettalji. Naturalment malli nkunu wasalna inħabbru
d-dettalji kollha tad-deċiżjonijiet kollha li nkunu ħadna.
Naturalment hija xi ħaġa li aħna l-ħin kollu għassa tagħha. Hija
daqsxejn an unknown factor. Ħa nispjega ruħi xi rrid ngħid.
Jekk tara mill-punto di vista ta’ l-euro, jiena ma nħobbx
nara hekk. Jiena l-punt tat-tluq tiegħi huwa illi l-inflazzjoni tolqot
il-familji tagħna u tolqothom ħażin. Punt number one.Two,
l-inflazzjoni hija element illi jtellef mill-kompetittivita’ ta’
pajjiżna. Dawk iż-żewġ raġunijiet waħidhom, diġa’ huma biżżejjed biex
aħna r-rata ta’ l-inflazzjoni nħarsu lejha bl-iktar serjeta’ possibbli.
L-element ta’ l-euro huwa element sussidjarju għal dan.
Sussidjarju u importanti għaliex għamilna mira ekonomika għal pajjiżna,
u l-introduzzjoni ta’ l-euro hija marbuta wkoll mal-kompetittivita’
ta’ pajjiżna u f’dak is-sens hija importanti.
Il-parti
li hi ftit unknown territory hija li fir-regoli, fil-mekkaniżmu
ta’ l-euro kif taħdem hija li Malta trid tqabbel lilha nfisha
mar-reference value li tinħadem mill-aħjar tliet pajjiżi fil-25.
Issa, ħadd ma jista’ jgħid b’ċertezza llum liema se jkunu dawk it-tliet
pajjiżi li jkunu l-aħjar minn fost il-25 matul it-tnax-il xahar li
ġejjin. Tista’ tagħmel ftit eżerċizzju, però skating on very thin
ground, jiġifieri wieħed irid jara r-rata ta’ l-inflazzjoni ta’
Malta kif miexja meta mqabbla mar-rata ta’ l-inflazzjoni fil-bqija ta’
l-Ewropa u minn żmien għal żmien, kif ikunu qed jiżviluppaw the best
three performing countries fl-Unjoni Ewropea.
U allura
huwa eżerċizzju kkomplikat li wieħed irid joqgħod għassa tiegħu u jiena
ngħid, għassa tiegħu kuljum. U li teżamina x’qed jiġri f’Malta fl-istess
ħin li teżamina x’qed jiġri fil-25 pajjiż kollu kemm hu, bl-istramberiji
li għandhom l-ewwel 25 pajjiż. Għax per eżempju, il-Polonja li hija
fost the best performing, ara kemm hi sempliċi. Il-Polonja ma
tiddipendix mill-importazzjoni taż-żejt, għandha l-faħam tagħha, qed
tuża l-faħam tagħha u allura l-impatt tal-prezz taż-żejt fuq il-Polonja
mhux qed jinħass bħal ma qed jinħass f’pajjiżi oħra u allura l-Polonja
toħroġ bħala one of the best performing f’dak li għandu x’jaqsam
mar-rata ta’ l-inflazzjoni. Se tibqa’ hekk il-pożizzjoni fil-Polonja?
Min jaf?
U
allura għalhekk ngħid ma rridx nagħmel dikjarazzjonijiet kategoriċi.
Nagħmel id-dikjarazzjoni illi aħna qed inħarsu lejn dan il-kriterju
bl-ikbar serjeta’, nagħmel id-dikjarazzjoni li aħna qed inħarsu lejha
mhux għall-euro imma għaliex dan jeffettwa l-impatt fuq
il-familji tagħna u anke l-kompetittivita’ ta’ pajjiżna. Però għal dak
li għandu x’jaqsam mal-euro nibqgħu nsegwu l-affarijiet u nieħdu
l-passi li jkun hemm bżonn kif fil-fatt qegħdin nieħdu.
Steven Vella – Il-Mument
Semmejt l-attivita’
ekonomika u fil-bidu ta’ din is-sena rajna diversi żviluppi minn dan
ir-rigward, li huma lkoll pożittivi. Rajna l-qgħad jonqos. Rajna ż-żieda
fid-dħul tal-gvern, żieda fl-esportazzjoni, l-importazzjoni. Kellna
wkoll anke ċertu
investiment barrani f’pajjiżna, Smarcity, De la Rue, il-Call
Centre ta’ l-HSBC.
L-ewwel,
x’wassal il-gvern biex dan kollu jasal lejn pajjiżna? It-tieni
mistoqsija jekk aħniex se nassistu għal xi żviluppi pożittivi oħra
fil-futur qarib?
Prim Ministru
Jien
naħseb, l-aħjar tweġiba għal din il-mistoqsija huma l-investituri
nfushom. Kemm dawk li qegħdin f’Malta u li ddeċidew li jkabbru, xi ħaġa
li rari li nsemmi imma li importanti li nsemmuha. Jiena kelli
sodisfazzjon fil-ġimgħat li għaddew meta mort għaż-żjara tiegħi ġewwa
Franza, illi kien hemm kelliema jitkellmu f’isem l-ST
Microelectronics u f’isem is-CMACGM u tkellmu f’breakfast meeting,
kelliema għall-investituri Franċiżi, potenzjal li huma interessati
f’Malta.
U tisma’
lilhom, mhux il-Prim Ministru ta’ Malta jew il-Ministru tal-Finanzi ta’
Malta, imma tisma’ lil min għandu l-esperjenza ta’ operazzjoni f’Malta
f’pajjiżna. Tisma’ lilhom jitkellmu, tirrealizza x’inhuma s-sigrieti
tas-suċċess ta’ pajjiżna, il-kapaċita’ tal-ħaddiema u l-investiment li
għamilna fl-edukazzjoni u nkomplu nagħmlu f’pajjiżna. Politika serja,
li tkun iffukata l-oqsma li aħna nemmnu li verament iġibu valur miżjud
għal pajjiżna. Stabbilita’ politika, stabbilita’ ekonomika.
Dawn l-affarijiet
li huma stess isemmu. Huma
ingredjenti ewlenin biex investituri jinvestu f’pajjiżna. Madanakollu
għall-grazzja ta’ Alla, pajjiżna żied element fundamentali ieħor, is-sħubija
tagħna fl-Unjoni Ewropea. Il-fatt li Malta hija parti tas-suq intern ta’
l-Unjoni Ewropea flimkien ma’ l-elementi l-oħrajn jagħmel lil Malta
wieħed mill-iktar postijiet interessanti għall-investiment u din hija r-raġuni
għaliex f’daqqa waħda qegħdin naraw dan l-investiment qawwi ġej lejn
pajjiżna u li huwa investiment li finalment se joħloq postijiet tax-xogħol
illi jiggarantixxu ġejjieni. Jiġifieri l-postijiet tax-xogħol tajbin,
b’pagi tajbin, b’kundizzjonijiet tajbin. Aħna dak il-mira tagħna.
Inġibu l-valur miżjud. U naħseb illi l-attivita’ ekonomika li rajna u
ċ-ċifri li qegħdin joħorġu bil-mod il-mod dejjem noqogħdu attenti kif
nagħmlu l-analiżi, wieħed ma jridx ikun ewforiku f’dawn l-affarijiet
imma jgħid li għandna sinjali tajbin, inkoraġġanti. Iktar kemm l-ekonomija
ta’ l-Unjoni Ewropea tiżviluppa, u timxi ‘l quddiem iktar ingawdu anke
aħna.
Għas-sena
d-dieħla u għas-snin li ġejjin għandna l-vantaġġ ukoll illi l-investimenti
li se nkunu qegħdin niġġeneraw anke bil-flus, bil-proġetti li se jkunu
ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, bit-tmien mitt miljun ewro li ġibna
għal pajjiżna u nonfqu issa matul dawn is-seba’ snin li ġejjin. Dawk
ukoll se joħolqu attivita’ ekonomika qawwija u allura aħna fiduċjużi li
għall-ġejjieni għal dak li għandu x’jaqsam ma’ pajjiżna. Żviluppi
pożittivi, ejja ngħidu hekk.
Indikazzjonijiet pożittivi għandna, però jiena qabel l-għasfur inkun
qiegħed narah b’għajnejja, ħa npoġġiha hekk, ipespes fuq siġra, ma nkunx
ngħid li rajt l-għasfur. Flok nuża l-espressjoni tradizzjonali Maltija.
Kark
Schembri – Malta Today
Meta
staqsejt lill-Ministru Jesmond Mugliett, fid-dawl ta’ l-investigazzjonijiet
li qegħdin għaddejin fuq l-Awtorita’ tat-Trasport, jekk iħossx ir-responsabbilta’
tispiċċa fuqu, the buck stops with him, bħala Ministru, qal li
hija mistoqsija li għandu jwieġeb il-Prim Ministru, biex jgħid jekk
aġixxejt korrettement jew skorrettement. X’inhi r-risposta tiegħek u l-bieraħ
il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ppubblika ittra li ħarġet minn Uffiċċju tas-Segretarju
Parlamentari Tony Abela, fir-risposta tiegħu Dr. Abela ma ċaħadx illi
kien xogħol privat. Inti din iċċarajta miegħu u x’inhi l-pożizzjoni
tiegħek dwar l-allegazzjonijiet li għamel Dr. Sant?
Prim
Ministru
Dwar il-kwistjoni
ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport u l-proċess kriminali li hemm għaddej
bħalissa, kontra l-individwi illi ġew identifikati mill-Pulizija, irrid
ngħid bl-iktar mod kategoriku, illi r-responsabbilta’ ta’ politika
tfisser illi bħala Ministru, malli tidħollok informazzjoni li għaddejja
xi ħaġa li mhux suppost għaddejja, inti bħala Ministru għandek id-dmir
li tieħu, immedjatament, il-passi kollha biex tinvestiga, biex dak li
jirriżulta mill-investigazzjonijiet, tieħu azzjoni fuqha u biex
tittieħed azzjoni kriminali għal dak li jkun qiegħed jirriżulta.
Il-Ministru
Mugliett għamel preċiżament dan, għamel dak li politiku għandu dmir li
jagħmel, illi tidħollu informazzjoni mhux jitfagħha fil-kexxun u ma
jagħtix każ tagħha. Imma li jiskatta l-mekkaniżmu li għandna in
place apposta, biex tinqabad il-brimba u l-brimba tiġi
accountable. U allura l-każ ta’ l-ADT jekk kien hemm bżonn każ,
juri biċ-ċar illi dak il-gvern li mmexxi jien, dan it-tip ta’ abbużi ma
nħalluhomx iseħħu. Min irid ikun whistleblower u jgħaddilna l-informazzjoni
għandu prova ċara illi aħna ma norqdux fuq l-informazzjoni, nieħdu
azzjoni, għandu prova li ma jinteressanix min ikun l-individwu għax l-azzjoni
tittieħed ikun min ikun. Jista’ jkun l-aqwa canvasser, u jista’
jkun ma nafx min għax tittieħed l-azzjoni. U tittieħed bl-iktar mod
qawwi possibbli.
U ħa
nwassal messaġġ lil kulħadd, fil-livell tal-Gvern kollu, bis-settur
pubbliku kollu. Dan il-Gvern jinvestiga l-allegazzjonijiet li jsiru, u
jekk jinstab illi hemm affarijiet li qed isiru, illi mhux suppost li
jsiru, jittieħdu l-azzjonijiet kollha illi jkun hemm bżonn f’dak
il-konfront. Qed ngħid hekk għaliex jien l-ewwel wieħed, bil-Ministri
sħabi miegħi, illi meta jidħlilna jew xi ittra anonima, jew xi email
anonima li jkun hemm allegazzjonijiet fuqhom, ma nagħmlux bħal dak li
jkun li qisu ma tax każ. We take it seriously, jiġifieri noħduha
b’serjeta’ kbira u nimbuttaw sakemm ikollna riżultat. Ħalli naqbdu jekk
vera, ikunx hemm brimba qiegħda tnawwar is-serjeta’ tal-politika
f’pajjiżna, is-serjeta’ tas-servizz pubbliku f’pajjiżna.
Avviż għal
kollha kemm huma, at all levels, l-Awtoritajiet kollha li aħna
għandna, tajjeb, kollha kemm huma. Mill-kbir saż-żgħir. Aħna ma
nittoleraw qatt u xejn li jkun b’xi mod jew b’ieħor lok ta’ abbuż. U
allura r-risposta għal dak li għamel Jesmond Mugliett meta jgħid the
buck stops there, the buck stops there of course,stops here,
stops there, biex jieħu l-azzjoni imma! Biex jieħu l-azzjoni u juri
li verament irrid neqred il-korruzzjoni u neqred l-abbużi li f’pajjiżna
hawn xi wħud jaħsbu li jistgħu jibqgħu jagħmlu qisu xejn mhu xejn. Dak
huwa inaċċettabbli u naħseb li l-każ ta’ l-ADT huwa prova ċara illi aħna
dawn l-affarjiet noħduhom bis-serjeta’ u l-azzjonijiet noħduhom.
Fir-rigward
ta’ Tony Abela. Din stramberija kbira minn naħa tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni.
Kieku kiteb dik l-ittra u kitibha fuq xi letterhead tiegħu
personali, kont nifhem l-argument, għax seta’ għamilha se naqilbu d-dinja
ta’ taħt fuq. Jien nirċievi eluf ta’ emails mingħand ċittadini
ta’ kull kulur, ta’ kull fehma politika, f’kull ċirkostanza. Jiena
nistidinkom tidħlu issa miegħi fl-Uffiċċju u nurikhom. Ma tantx ftaħt
emails dal-għodu, nurihomkom. Niggarantilkom li fosthom hemm
numru ta’ emails ta’ individwi, ta’ ċittadini li min għax għandu
problema mal-Planning Authority, min għax għandu problema fuq
il-liċenza tas-sewqan. Min għax għandu l-bozza ta’ barra t-triq mhux
qed tixgħel, min għax qed jinsisti li t-triq tiegħu għadha ma ġietx
ifformulata. X’nagħmel jien, ma nirrispondix, dan bl-istess argument?
Imma dawn
x’affarijiet huma? Kif se
naqilbu ta’ taħt fuq? Dan il-każ partikolari, jiena tkellimtha ma’ Tony
Abela, staqsejtni jekk tkellimtx ma’ Tony Abela. Tony Abela kien qed
jittratta każ ta’ individwu li ġie jkellmu fuq skemi li ħabbar il-Gvern,
skema li wara kollox din l-iskema mhux nutar privat jagħmilha, il-kuntratt
jagħmilhom in-nutar tal-Gvern, jiġifieri dan m’hemmx xogħol ta’ nutar
involut fiha. Li fiha, in-nutar Abela, uża l-letterhead tiegħu
bħala Segretarju Parlamentari, biex uffiċjalment, u sewwa għamel,
uffiċjalment jinnotifika lil Joint Office, illi l-individwu kien
qed jaċċetta prezz illi kien qiegħed jiġi offrut biex ikun jista’ jiġi
mifdi għaċ-ċens.
Jiena,
skużi ta, aħna nirċievu ittri mingħand deputati, anke minn naħa tad-deputati
Laburisti, tajjeb, fuq letterheads tal-Parlament, fuq
letterheads tal-pożizzjonijiet tagħhom, illi jkunu qed jintervjenu
għall-individwu partikolari. Allura jien se nakkużahom dawn illi qed
jagħmlu xogħol privat, qed jiksru l-kodiċi ta’ l-etika? Dan se naqilbu
d-dinja ta’ taħt fuq? Inkella taf x’qed ngħidu hawn? Din il-konferenza
stampa li għamel il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni hawn barra, taf x’qed
jgħidilna lilna bħala Ministri, inqatgħu min-nies! Kunu arroganti,
intefgħu fuq pedestall u min jiġi jkellimkom tkellmuhx, oqogħdu statwa
ħarsu lejh. Dawn x’affarijiet huma! U le, jiena bir-rispett kollu
ngħid illi l-ispjegazzjoni tas-Segretarju Parlamentari Tony Abela, u
nirrepeti illi jekk ikun xogħol li jkun privat li bih inti tkun qed
taqla’ l-flus, allura tkun qed tikser il-kodiċi ta’ l-etika. Imma jekk
inti bħala politiku, bħala Segretarju Parlamentari, bħala Ministru, tkun
qiegħed tirċievi ilmenti mingħand in-nies u talbiet mingħand in-nies
illi inti b’dover, b’servizz, bl-iktar mod trasparenti, bl-iktar mod
uffiċjali tkun qed tagħmlu, bir-rispett kollu, dak bl-ebda mod ma nista’
ninterpretah bħala ksur tal-kodiċi ta’ l-etika.
Miriam Dalli – One News
Il-bieraħ
kien hemm tour operator li jġib it-turisti mill-Ingilterra, li
ħabbar li s-sena dieħla jista’ jnaqqas anke sa tletin fil-mija tat-turisti
mill-Ingilterra. Kien hemm ukoll kwistjoni ta’ l-Air Malta li
fost l-oħrajn naqqset il-passiġġieri, naqqset id-dħul finanzjarju, sew
bejn il-lukandiera li għall-ewwel tliet xhur tas-sena kienu fost l-agħar,
kien hemm anke lukandier li talab għar-riżenja tal-Ministru għat-Turiżmu.
Imma forsi
l-kultura tar-riżenja mhux daqshekk popolari. Jekk hux qed tikkunsidra dik it-talba li saret u jekk
għandekx fiduċja fit-track record tal-Ministru Francis Zammit
Dimech rigward it-Turiżmu.
U dwar
il-każ ta’ Jesmond Mugliett li kont qed issemmi qabel, il-Ministru
Mugliett fost l-oħrajn qal li hu r-responsabbilita’ politika se jġorra
billi jħares lejn l-istruttura ta’ l-ADT u jagħmel ir-riformi neċessarji.
Jekk tħossx li dan huwa biżejjed u allura jekk għadx għandu postu bħala
Ministru responsabbli mill-ADT.
Prim Ministru
Għall-aħħar mistoqsija, u żgur li għandu postu. Qed jagħmel biċċa
xogħol tajba, il-Ministru Mugliett, ħa l-azzjoni li kellu jieħu, wera
serjeta’ billi hu stess talab lill-Pulizija biex jagħmlu l-investigazzjonijiet
u fil-fatt l-investigazzjonijiet kienu suċċess. Il-persuni nqabdu.
Issa nħalli l-proċess tal-Qorti jieħu l-kors tiegħu. Noqgħod attent kif
nitkellem, ma rridx bl-ebda mod il-kummenti tiegħi ndgħajjef il-proċess
li għaddej fil-Qorti. Anzi l-Ministru Mugliett mar pass iktar ‘il
quddiem għaliex issa anke inkariga tlieta minn nies independenti biex
jagħmlu analiżi ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport kollha kemm hi, ta’ kif
topera, ħalli jekk hemm oqsma, areas partikolari li qegħdin
miftuħin għall-possibilita’ ta’ abbuż nidentifikawhom u nkomplu
nwaqqfuhom. Imma hekk għandna nagħmlu, skużi, hekk għandu jsir.
Jiġifieri issa ma nispiċċawx nikkundannaw politiku li qed jagħmel, wara
kollox, id-dover tiegħu, illi jieħu azzjoni meta jara illi jkun hemm
suspett jew informazzjoni li xi ħaġa li qed issir ma tkunx qed issir
sewwa u fil-każ tal-Ministru Mugliett nirrepeti dak li għidt l-ewwel li
fl-opinjoni tiegħi qed jagħmel biċċa xogħol tajba ħafna.
Dwar
il-mistoqsija l-oħra, li tolqot il-qasam tat-Turiżmu. Il-qasam tat-Turiżmu
għaddej minn sfidi kbar u minn kompetizzjoni kbira. Mhux issa biss,
imma ilu għaddej perjodu ta’ żmien. Ir-realtajiet
ekonomiċi u li għandna madwarna fiż-żona tal-Mediterran huma dawk li
huma. Iva, għandna kompetizzjoni kbira. Ara aħna mill-ewwel illi kien
se jkollna din il-kompetizzjoni u għalhekk għażilna t-triq li kien ġiet
rakkomandata anki mid-diskussjonijiet li aħna kellna ma’ l-operaturi
ekonomiċi illi biex nirbħu l-kompetizzjoni rridu ntejbu l-prodott u dan
il-Gvern, fil-budget tiegħu, darba wara l-oħra, għaliex
irnexxielu jakkwista l-pożizzjoni fiskali b’saħħitha, irnexxilu mill-finanzi
jiġġenera, jinvesti sostanzjalment fil-prodott. U għaddejjin bl-investiment.
Jekk huma bajjiet li aħna qegħdin naħdmu fuqhom, jekk hu l-wirt storiku
tagħna, qegħdin naħdmu fuqhom. Hemm lista twila. Jiena x-xogħol kollu
li għamel il-Ministru Zammit, tar-Riżorsi, fl-irħula tagħna, fil-pjazez
tagħna, fil-ġonna tagħna huma parti mill-prodott turistiku. Huma parti
mill-istrateġija tagħna kif insiru iktar kompetittivi.
F’dan
is-suġġett kollu hemm ukoll ir-rwol li jistgħu jkollhom il-low cost
airlines. Xi ħaġa
illi hemm pressjoni kbira biex dan iseħħ. Il-Gvern, xahrejn ilu ħabbar
skemi għal ta’ l-apposta, illi ġew imfassla b’mod illi jħajru lill-airlines
kollha, mhux biss il-low cost, biex iżidu n-numru ta’ turisti
li jiġu lejn pajjiżna fix-xhur tax-Xitwa. U dawk l-iskemi għamilniehom
għal ta’ l-apposta għax huwa fatt illi f’pajjiżna, l-iktar perjodu ta’
żmien li għandu potenzjal li jkabbar in-numru ta’ turisti huwa matul ix-xhur
tax-Xitwa. U aħna nemmnu li hemmhekk għandu jkun it-target
primarju tagħna illi aħna nżidu n-numru ta’ turisti fix-xhur tax-Xitwa.
Għaddejjin
diskussjonijiet u anke hawn, bħal m’għamilt l-ewwel, se noqgħod lura
milli nagħti iktar dettalji, għaliex qegħdin f’mument delikat tan-negozjati
u allura rrid inkun prudenti jiena fil-kummenti tiegħi. Però biex
inwieġeb il-mistoqsija tiegħek, iva, jiena għandi fiduċja fix-xogħol li
qed isir mill-Ministru Zammit Dimech, f’ċirkostanzi li huma diffiċli u
jiena nirrikonoxxihom li huma diffiċli u li jridu bilfors, biex
nirbħuhom dawn, il-kontribut u s-sehem ta’ kulħadd.
Il-kwistjoni
tat-tour operators, illi qegħdin jagħmlu l-għażliet tagħhom hija
marbuta ma’ xi ħaġa li qed tiġri fil-qasam tat-turiżmu kullimkien.
Huwa riżultat tat-tkabbir tal-low cost airlines, huwa riżultat ta’
tkabbir ta’ booking ta’ holiday permezz ta’ l-internet
iktar milli permezz tat-tour operator. Dawn huma affarijiet li
qed iseħħu, li ilhom iseħħu, u li pajjiżna bħal pajjiżi l-oħrajn irid
iwieġeb għalihom. Fil-kuntest kollu, hemm ir-rwol kruċjali ta’ l-Airmalta.
L-Airmalta
hija pilastru ewlieni tas-settur turistiku f’pajjiżna. Hija l-Airmalta
li tisservisja rotot importantissimi għat-turiżmu anke jekk hu
kultant tisservisjahom bit-telf. Dak it-telf li ssofri l-Airmalta
fuq dawk ir-rotot trid tagħmel tajjeb għalihom bil-profitt li qed
isir x’imkien ieħor. Hija l-Airmalta li għaddiet minn proċess ta’
ristrutturazzjoni u għaddiet minnu grazzi għall-kontribut tal-ħaddiema.
U allura s-soluzzjonijiet li rridu nsibu fil-qasam tat-turiżmu jridu
jkunu l-bilanċ ta’ dan ix-xenarju kollu li jieħu inkunsiderazzjoni
kollox. U naħseb illi f’dawn iċ-ċirkostanzi, nerġa’ nirrepeti, mhux
faċli, il-Ministru Zammit Dimech qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex
inġibu lejn pajjiżna, numru ta’ turisti illi għandna bżonn ħalli
pajjiżna jkun jista’ jimxi ‘l quddiem.
Korrezzjoni żgħira. Il-verita’, iċ-ċifri qegħdin juru illi filwaqt il-five
star ta’ pajjiżna qegħdin ikollhom rati ta’ occupancy għolja
ħafna, u rati tajbin u dan l-istudji kollha juruhom. U jidher ukoll
illi għax-xhur tas-sajf il-five stars tagħna se jkollhom
riżultati illi għandhom ikunu pożittivi nittamaw, il-pressjoni li
pajjiżna ħass matul ix-xhur li għaddew hija fuq il-four star u
fuq it-three star. U dan laqat partikolarment il-perjodu tax-Xitwa
li hemm wieħed argument jista’ joqgħod jispjega. Jien
miniex se noqgħod insemmi l-Għid u mhux l-Għid u worldcup u mhux
dawk l-argumenti. Il-bottom line aħna għandna sfida kbira,
mistoqsija kif se nweġbuha, kif se nżidu n-numru ta’ turisti fix-xhur
tax-Xitwa. Dak hu s-sigriet illi jista’ jagħmel differenza kbira fil-pajjiż
u l-Gvern, permezz tal-Ministru Zammit Dimech, u l-Awtorita’ tat-Turiżmu
qegħdin jaħdmu fuq dik il-linja.
Julia Farrugia – Kull Ħadd
Il-każ ta’
Tony Abela. Għidt illi tkellimt man-nutar Tony Abela, jiġifieri jekk
qed nifhmek sew, għidt fuq sempliċiment diskursata ma’ Tony Abela,
jiġifieri fi ftit sigħat li kien hemm din il-preżentazzjoni ta’ l-ittra
tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni intom ħriġtu bi tweġiba tagħkom. Jiġifieri
f’dawn il-ftit sigħat m’għamiltx xi investigazzjoni fid-dettall, per
eżempju f’din l-ittra li ħareġ il-Gvern, imkien ma hemm ċaħda illi n-nutar
Abela qatt għamilha ta’ nutar għall-individwu, jekk hemmx tip ta’
investigazzjoni.
Semmejt il-kodiċi
ta’ etika. Għidt illi kieku għamel xi xogħol kienet tkun allura tweġiba
tiegħek differenti. Forsi nfakkrek ftit, One News kien semma
telefonata, kien wera filmati ta’ Tony Abela jmur għall-appuntament biex
jaqdi sinjura. Dan ukoll huwa każ ta’ kodiċi ta’ etika.
Xtaqt
ukoll nagħmel riferenza għall-mistoqsija tal-kollega David Kelleher,
dwar il-mediċini. Għidt li ma tistax toqgħod tikkummenta fid-dettal.
Għallinqas, il-poplu li hemm barra minn hawnhekk lest illi tagħtih
garanzija li bil-pjan illi għandek se tagħti s-serħan il-moħħ li l-prezz
tal-mediċini mhux se jkompli jogħla?
Prim
Ministru
Dwar Tony
Abela, diġa’ rrispondejt fid-dettall, jiena tkellimt miegħu,
iddiskutejnieha, fhimt x’kien l-argument tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni,
fhimt x’inhu l-argument u l-fatti ta’ dawk ta’ Tony Abela, naħseb
spjegajt diġa’, m’għandix għalfejn noqgħod nidħol f’iktar dettall.
Ir-riferenza
li għamilt tat-telefonata hija stramberija oħra. Jiġifieri fit-telefonata,
kien hemm telefonata illi xi ħadd ċempel lil Tony Abela biex jagħmel
appuntament. Issa spiċċajna anke telefonata spiċċat tikser il-kodiċi ta’
l-etika. Jiena jekk se ninterpretaw il-kodiċi ta’ l-etika b’dan il-mod,
qegħdin niżnaturaw is-sustanza tal-kodiċi ta’ l-etika. L-argument
sempliċi. Ministru, Segretarju Parlamentari m’għandux jagħmel xogħol
privat, jekk jien naqbdu qed jagħmel xogħol privat inneħħih, sempliċi.
Però mhux għax irċieva telefonata. U mhux għax kiteb ittra li fiha
qiegħed iwassal messaġġ uffiċjali b’mod uffiċjali u bl-iktar mod
uffiċjali, għax jien hawn nissorprendi ruħi.
Mela issa
la tista’ tuża t-telephone u lanqas tista’ tuża…Jiena ma nistax
nifhem l-argumentazzjoni tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u l-kutrumbajsa
mentali li trid tagħmel biex tipprova tifhem effettivament, verament
irid ipoġġi lill-Gvern f’pożizzjoni li hi mbagħad bilfors ikollok
tiddiskrevih arroganti u maqtugħ mill-poplu. Irid jaqtagħna mill-poplu
l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni. Hu jrid li jkollu l-liberta’ kollha li
jiktibli kemm irid fuq l-affarijiet li jkollhom bżonn il-klijenti tiegħu,
jew l-individwi tiegħu, jew persuni tiegħu jew min ikunu, u jkun deputat
ieħor li jista’ jikteb kemm irid u jintervjeni kemm irid fuq individwi
u jagħmel press conference kemm irid fuq individwi. Tajjeb? Però
l-Gvern le! Alla ħares nispiċċaw f’din ir-redikolaġni, bir-rispett kollu.
Ejja nagħmlu l-affarijiet bis-serjeta’. Meta jkun hemm affarijiet bis-serjeta’allura
iva, hemm hekk jittieħdu l-passi kollha li jkun hemm bżonn. Imma f’dan
il-każ partikolari naħseb illi m’għandix iżjed x’inżid ma’ dak li għidt.
Fuq il-mediċini
nerġa’ ngħid. Ma nixtieqx ngħid iżjed milli għidt s’issa. Il-garanzija
li nagħti hija li nibqgħu nagħmlu ħilitna kif għamilna biex nindirizzaw
il-bżonnijiet kollha ta’ pajjiżna f’dan il-qasam.
Jien għidt
il-garanzija li nagħti, li nibqgħu nagħtu dak kollox li hemm bżonn bħala
Gvern biex nindirizzaw il-problemi kollha li pajjiżna jiffaċċja minn
mument għall-ieħor. Il-mediċini nimpurtawhom minn barra u ħafna minnhom
il-prezzijiet tagħhom huma stabbiliti minn barra u mhux minn Malta.
Massimo Farrugia The Times & Sunday Times
Xtaqt
nistaqsi xi mistoqsijiet dwar iż-żoni ta’ żvilupp. L-ewwel waħda hija,
semmejt li s-sens ta’ ġustizzja u s-sens soċjali jwasslu biex nies li
għandhom plots, li ma kien hemm l-ebda oġġezzjonijiet partikolari
li jkunu użati, li nxtraw fid-disgħinijiet u hekk, li jkunu jistgħu
jinbnew. Tista’ tara wkoll li min xtara plot, per eżempju
fl-1990, għal ftit eluf, ġietu tajba għax il-prezz ta’ dik l-art għoliet
sewwa.
Fis-sens
ta’ ġustizzja, fl-ispirtu ta’ ġustizzja li semmejt, il-Gvern beħsiebu
jimponi xi tip ta’ Windfall Tax, jiġifieri f’sens ta’ ġustizzja
ma’ min ma kellux art illi qagħad fuqha għal dak iż-żmien kollu?
It-tieni,
fil-kunsiderazzjonijiet soċjali, ħadtu inkonsiderazzjoni l-fatt illi
għexieren ta’ terraced houses qed jitwaqqgħu biex effettivament
jinbnew maisonettes, jiġifieri s-supply għal koppji
żgħażagħ kif semmejt qabel, qiegħed jiżdied?
Ħaġa oħra
dwar id-dimostrazzjoni ta’ l-ambjentalisti illi il-bieraħ, fil-kolonna
tiegħu fit-Times, Harry Vassallo kiteb li kien hemm diċerija jew
rumour li xi ħadd fl-għoli fil-Gvern, l-implikazzjoni kienet li
kont inti, għidt lill-ambjentalisti, isma, jekk ħa tibqgħu tieħdu din l-attitudni
jien ħa nirtira din il-promessa li intom tamministraw in-nature
reserves.
Nixtieq
nisma’ dak li għandek xi tgħid inti dwar dan u jekk hux, jekk tiċħdux,
tikkonfermahx. Grazzi.
Prim Ministru
Ħa nibda
fuq l-ewwel mistoqsija. Użajt frażi, jużawha ħafna nies fil-verita’,
ġietu tajba, għamilha, għandu plot u ġietu tajba. Naturalment,
missier li qed jaħseb li għandu t-tifla se tiżżewwiġlu u għandu din il-plot
u ġietu tajba, tfisser li t-tifla tiegħu, flok se jkollha bżonn tmur
tixtri plot u tonfoq tmenin elf lira biex tixtrih, iffrankathom
dawk it-tmenin elf lira. Ġietha tajba f’dak is-sens għax issa ħa tibni
dak il-plot issa u tibni d-dar tagħha.
Jiġifieri
wieħed ma jridx jaraha din fil-kuntest ta’ rebħet tmenin elf lira, il-plot
tagħha fl-aħħar tista’ tibniha għal dar għaliha. Missierha li hu s-sid
ta’ dak il-plot, għandu lok li jista’ jibni dar għat-tifla tiegħu.
X’hemm ħazin fiha din? Sakemm dik il-plot m’hix xi art, xi spazju
fejn hemm konsiderazzjonjiet ambjentali qawwija, u allura tirbaħ
il-konsiderazzjoni ambjentali.
Jekk aħna
għamilna regola u għidna, il-kriterji, għidna infill site, mela
għandek b ini hawn, bini hawn u bini hawn. Hemm il-vojt, hemm medda art,
ma tridx tkun iżjed minn sbatax-il elf metru kwadru. Huma kollha
maqsumin plots dawn. Jista’ xi ħadd jispjegali, x’hemm ħażin
illi aħna lil dan il-missier li għandu t-tifla se tiżżewwiġlu, u għandu
plot, ngħidulu, iva din il-plot tista’ tibniha għat-tifla
tiegħek int, flok lit-tifla tibgħatha tixtri art jew maisonette
jew x’inhi, li tiswa mitt elf lira? Jista’ xi ħadd ipoġġi quddiemi u
b’serjeta’ jgħidli, li qed nagħmlu ħażin? Għax jien lest li niffaċċja
lil kull min jiġi u jargumentali li qed nagħmlu ħażin. Issa jekk xi ħadd
jiġi jgħidli le, hemmhekk qed tagħmlu tajjeb, hemmhekk tajjeb.
Ħa nibdew
neżaminaw. Din kienet kunsiderzzjoni fundamentali għalina. Fundamentali.
U kunsiderazzjoni ewlenija li ħadna kienet, terġa’, li l-inġustizzja li
kien hemm ma’ min xtara plot tal-Knisja. Plot tal-Knisja
qabel l-1987, kienu xtrawhom mingħalihom ħa jibnu, għadda ż-żmien u dak
il-plot spiċċa ma daħalx fiż-żona ta’ l-iżvilupp, u ilhom
b’idejhom fuq żaqqhom bi plot li ma jistgħux jiżviluppaw. Hemm xi
ħaġa ħażina li sakemm ma hemmx kunsiderazzjonijiet ambjentali, lil dawn
aħna ngħidulhom iva, allright, peress li mibni minn hawn, mibni
minn hemm, skond il-kriterji, intom tidħlu? Hemm xi ħaga ħażina? Għandna
niġu kkritikati u kkundannati għax konna Gvern b’sensittivita’ soċjali
qawwija?
Issa,
irrid ngħid, li kelli emails u messaġġi minn għand nies li
tħallitilhom barra l-art tagħhom, allavolja kien hemm dawn
il-kunsiderazzjonijiet soċjali. Imma dawk huma r-regoli. Allura jiena
ngħid, bi tweġiba għall-punt tiegħek, l-ewwel punt, dejjem nużaw ġietu
tajba, ejjew ngħidu saret inġustizzja miegħu dan, u għallinqas fil-każ
ta’ familja waħda, bħalha hemm kwantitajiet oħrajn, għinna u tajna l-għajnuna
konkreta biex koppja li se tiżżewweġ, neħħejnilha minn fuq spallejha
spiża, piż kbir.
U ħadd ma
jsemmiha din, ħadd. Din assenti, din il-kunsiderazzjoni assenti
fid-dibattitu politiku fil-ġimgħat li għaddew. Assenti. Donnu dal-pajjiż,
il-valur soċjali sparixxa issa. Il-valur soċjali m’għadux parti
mill-argumentazzjoni kollha illi hija waħda fundamentali, mhux ewlenija,
u mhux hi tiddetermina kollox, imma hija kunsiderazzjoni importantissima.
Għandna
nagħmlu Windfall Tax? Hija mistoqsija li hi ta’ min wieħed
jeżaminaha. Windfall Tax qed nifhem, x’inti tgħid, qed tgħid mela
inti kellek biċċa art li ma kienitx tiswa. Il-lum daħlet fiż-żoni ta’
l-iżvilupp, u ġiet tiswa. Għandi nimponi fuqek b’differenza minn
ħaddieħor, se nagħmel diskriminazzjoni f ‘ċertu sens, bejn min daħal
issa u min l-art tiegħu kienet iddaħħlitlu fiż-żoni temporanji, li issa
lill-individwu nimponilu taxxa li ħaddieħor m’għandux ? U hija
kunsiderazzjoni li wieħed irid jeżaminaha ftit sew qabel ma jaqbad u
jgħid u jiddeċidiha din.
Naturalment, diġa’ qed nużaw regola differenti li m’hix applikabbli
għall-oħrajn. Għaliex fil-każ ta’ dawn, illi l-art tagħhom daħlet
fl-iżvilupp, u allura jista’ joħroġ il-permess tal-bini, il-permess mhux
ħa joħroġ qabel ma jkunu ħallsu l-ammont sħiħ ta’ l-ispiża kollha
kompluta mill-bidu sa l-aħħar, biex jgħaddu s-servizzi u biex tiġi
ffurmata t-triq. Sa l-lum titħallas, jekk mhux sejjer żball ma’
l-għoxrin fil-mija jew mhux iktar minn ħamsa u għoxrin fil-mija ta’
l-ispiża vera, biex tgħaddi d-drenaġġ, biex tgħaddi l-ilma, biex
tifforma t-triq. Min se joħroġlu l-permess tal-bini taħt dawn se jkollu
jħallas l-ammont kollu kemm hu.
Il-punt l-ieħor, naturalment hija xi ħaġa li wieħed irid jikkunsidra sew
qabel ma jieħu deċiżjoni fuqha. Semmejt il-punt ta’ terraced houses
u maisonettes. Hawnhekk irrid ngħid jieħdu mertu kbir il-MEPA,
għaliex ħaġa li ma ġietx enfasizzata biżżejjed fl-opinjoni tiegħi,
fix-xhur li għaddew, hija li f’dan l-aħħar tlett snin, erbgħa snin,
in-numru ta’ permessi li kien hemm biex jitwaqqgħu postijiet antiki biex
jinbnew postijiet ġodda ġo fej hemm il-bini diġa’ żdied b’mod qawwi. Dak
ifisser li l-persentaġġ ta’ art verġni li kienet diġa’ fiż-żoni ta’
l-iżvilupp, li ġiet żviluppata matul dawn l-aħħar snin naqas
drastikament, waqt li l-persentaġġ ta’ żvilupp ta’ proprjeta’ li tinsab
mibnija diġa’, twaqqigħ u tibni mill-ġdid, dak żdied sostanzjalment.
U dak huwa
tajjeb fih innifsu, għax hemm qed nagħmlu użu ta’ riżorsa li diġa’ aħna
għandna u qed nagħmlu użu aħjar għax jekk inti minn post wieħed li kien
jakkomoda familja waħda, ħloqt block flats li minnhom qed
takkomoda ħames familji, sitt familji, hemmhekk int qed tagħmel użu
ħafna aħjar tal-propjeta’ li aħna għandna. Hija interessanti, imma nerġa’
ngħid, trid studju dettaljat u mhux superfiċjali, ħalli nifhmu illi meta
nikkwotaw kemm hemm proprjeta’ vojta, noqogħdu attenti. Hemm proprjeta’
vojta hemm barra, vera, pero’ hija tip ta’ proprjeta’ li rridu nistaqsu
lilna nfusna hijiex il-proprjeta’ li l-koppji żgħażagħ tagħna, li
qegħdin jiżżewġu, iridux verament jixtru u jgħixu fihom fil-bidu ta’
ħajjithom.
Dwar
l-aħħar mistoqsija tiegħek. Jiena nikkonferma li kelli laqgħa
mar-rappreżentanti ta’ Din l-Art Ħelwa, u f’dik il-laqgħa,
ir-rappreżentant iddiżassoċja ruħu bl-iktar mod kategoriku mill-poster
li ġie esebit fid-dimostrazzjoni li saret. Ir-risposta tiegħi lil dan
ir-rappreżentant kienet, billi qed tgħidu lili, fejn ħadd mhu qed
jismagħna, id-diżasoċċjazzoni tiegħek m’għandha ebda valur. Jekk vera
temmen fiha, għidha pubblikament. Jien infurmat li numru ta’ għaqdiet,
kitbu ittra li kienet se tiġi ppublikata fit-Times tal-lum, u din
l-ittra ġiet irtirata. Nixtieq inkun naf il-pressjoni li saret, minn
min, għaliex saret dik il-pressjoni biex tiġi rtirata ittra ta’
l-għaqdiet serji li aħna għandna f’pajjiżna fil-qasam ta’ l-ambjent.
Dan biex jiddiżassoċjaw rwieħhom minn poster illi kellu
dikjarazzjoni inġusta fil-konfront tal-Gvern u fil-konfront tal-Ministru
Pullicino, għax attakkatu personalment.
Irrid
inkun naf, nixtieq inkun naf, bħala Prim Ministru jien, ħa nserraħ rasi
f’dal-pajjiż, l-affarijiet kif isiru, għaliex jekk hi vera li kien hemm
ittra ffirmata minn grupp ta’ organizazzjonijiet, lesta biex tiġi
ppubblikata fit-Times u din l-ittra ġiet irtirata, nixtieq nkun
naf min għamel il-pressjoni biex tiġi rtirata u għaliex ġiet irtirata.
Il-bqija
mhuwiex vera, assolutament, illi waqt il-konversazzjoni li kelli, b’xi
mod intrabtet din il-kwistjoni mal-ħsiebijiet li aħna għandna, ta’ kif
nistgħu naħdmu iktar viċin ma’ l-għaqdiet ambjentali f’pajjiżna
fil-qasam tal-ambjent. Jekk fhimt sew fl-artiklu jew ta’ Harry Vassallo
jew ma nafx ta’ min, issemmiet il-Heritage Park li għandna
f’rasna li niżviluppaw f’Għajn Tuffieħa. Mhux talli hekk, talli
l-konklużjoni tal-meeting kien biex isir l-eżerċizzju
tal-formolazzjoni tal-Management Agreement illi wieħed jista’
jaħdem fuqu ħalli naraw jekk nistgħux naslu għal qbil biex ikollna,
għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, Natural Heritage Park,
f’area li tkun tista’ tkun immaniġjata b’mod, bi qbil, bejn
il-Gvern u l-volontarjat f’dan il-qasam. Jiġifieri mhux talli mhux hekk,
talli anzi r-riżultat huwa bil-kontra.
Kurt
Farrugia – maltastar.com
Fuq
il-kwistjoni ta’ l-ischeming kien hemm il-vuċi ta’ l-għaqdiet
ambjentali kollha, is-settur tat-turiżmu, il-kamra tal-periti, analisti
oħrajn, il-gazzetti kollha, biex ma jkunx hemm twebbis, biex ħadd ma
jwebbes rasu biex ikompli għaddej fuq dawn l-iskemi ta’ żvilupp.
Issa inti
qed tgħid li dawn in-nies m’għandhomx kunsiderazzjonijiet politiċi. Qed
tgħid ukoll li l-ambjent mhuwiex kunsiderazzjoni soċjali f’dak li qed
tgħid u li l-għaqdiet ambjentali mhumiex qed jieħdu l-kunsiderazzjoni
soċjali. Barra minnhekk, il-lum hawnhekk, iddefendejt tliet Ministri u
Segretarju Parlamentari, tnejn minnhom qegħdin taħt attakk mhux
mill-politiċi, imma mill-istakeholders. Tibqa’ ssostni dan ukoll ?
Qed twebbes rasek fuq dan ukoll ?
Prim
Ministru
Diġa’
weġibt. M’għandix għalfejn inżid ma’ dak li għidt iżjed. Hemm xi
mistoqsijiet oħrajn ? Le ? Grazzi ħafna.