LAQGĦA TA’ KULL XAHAR
TAL-PRIM MINISTRU LAWRENCEGONZI MAL-MEDIA
Berġa ta’ Kastilja
Is-Sibt 9 ta’ Lulju, 2005
Prim Ministru
Sinjuri
se nagħmlu l-istess bħal ma nagħmlu f’dawn il-laqgħat ta’ darba fix-xahar,
però se naqbad punt prinċipali u mbagħad immur fuq xi aspetti li
għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivita’ ekonomika f’pajjiżna.
Iktar
kmieni dalgħodu, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, il-Ministru Louis Galea
ħabbar deċiżjoni li ttieħdet mill-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam ma’
riforma importanti fil-qasam tas-sistema edukattiva tagħna, riforma illi
kienet parti ċentrali mill-programm elettorali tal-Gvern, li kienet
ukoll imħabbra fid-diskors tal-President u li hija parti ċentrali wkoll
mill-programm li aħna ħabbarna fil-Budget ta’ din is-sena, għax
poġġejna lill-edukazzjoni bħala wieħed mit-tliet pilastri importanti.
Mhux se
nidħol fid-dettall jiena għax m’għandix dubju intom diġa’ smajtu mill-Ministru
Galea x’inhu l-kunċett ta’ din ir-riforma, però l-fatt illi aħna qegħdin
naħsbu, issa naturalment irridu ngħaddu mill-proċess ta’ konsultazzjoni
ma’ l-istakeholders kollha, però qegħdin naħsbu li noħolqu l-kunċett
ta’ kulleġġi ta’ skejjel, mifruxa ma’ Malta u Għawdex. Dawn iġibu
flimkien taħt kappa ta’ kulleġġ, l-iskejjel mill-Kindergarden
għall-primarji, għas-sekondarji.
Huwa
pass importanti ’l quddiem għaliex l-analiżi turina illi nistgħu nagħmlu
qabża ta’ kwalita’ fil-livelli ta’ edukazzjoni li aħna nagħtu t-tfal tagħna,
jekk noħolqu sistemi li jippermettu lit-tfal jgħaddu minn stream
li bażikament tibqa’ f’kuntest ta’ kulleġġ. Il-fatt li aħna norganizzaw
l-iskejjel tagħna b’dan il-mod, li allura kull kulleġġ ta’ grupp ta’
skejjel ikollu kap ta’ dak il-kulleġġ u jkollu grupp ta’ nies, ikunu
jistgħu jikkordinaw ħafna iżjed f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistema
edukattiva tagħna.
Naturalment ir-riforma taħseb ukoll għar-rwol iktar preċiż ta’
regolamentazzjoni, ta’ regulatur, jiġifieri għal dak li għandu x’jaqsam
mal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, u sistema differenti ta’ kif is-servizzi
jiġu pprovduti minn min ikun responsabbli, biex naraw livell ta’ servizz
li kull grupp ta’ skejjel ikun qed jirċievi jkunu ta’ l-ogħla kwalità
possibbli, filwaqt illi l-istandards ta’ l-edukazzjoni f’dawn il-kulleġġi
jkunu ta’ l-ogħla livell possibbli.
Il-proċess la darba ġie diskuss u
deċiż fil-Cabinet u tajna l-approvazzjoni tagħna għad-direzzjoni
spjegata f’dan id-dokument, issa jinvolvi diskussjoni iktar fid-dettall
ma’ l-istakeholders kollhafil-qasam edukattiv, inkluż ir-rappreżentanti
tat-teachers. Però beħsiebna wkoll ikollna diskussjoni fil-Kumitat
ta’ l-Affarijiet Soċjali fil-Parlament biex ikollna anke l-input
ta’ l-Oppożizzjoni fuq il-proposti tagħna, bil-ħsieb illi permezz ta’
din ir-riforma,
nagħmlu qabża ‘l quddiem fil-livell u fl-istandard edukattiv ta’
pajjiżna. Hija riforma ta’ importanza enormi. Il-Gvern qed jagħtiha
importanza kbira, għaliex aħna dejjem ngħidu illi l-investiment tagħna
fl-edukazzjoni huwa l-garanzija li jista’ jkollna għall-futur ta’ pajjiżna.
Fil-qosor
ħafna wkoll, ftit punti dwar l-indikaturi ekonomiċi. Qegħdin f’nofs is-sena,
nistgħu nitkellmu ftit fuq ċifri illi ġew ippubblikati għal dak li
għandu x’jaqsam ma’ l-ewwel quarter tas-sena. Jidher illi għal
dak li għandu x’jaqsam ma’ l-attivita’ ekonomika f’pajjiżna, miċ-ċifri
li qed jirriżultaw, qed ikollna titjib fl-attivita’ ekonomika, fl-oqsma
tal-proprjeta’, fl-oqsma ta’ l-attivitajiet tan-negozju, business
activities, fil-kostruzzjoni, fit-trasport, fil-komunikazzjoni, u
fil-wholesale and retail. Mill-banda l-oħra f’attivita’
ekonomika rajna tnaqqis f’dan l-ewwel quarter, fil-Value Added
taħt il-kategorija ta’ l-elettriku, gass u ilma. U rajna wkoll illi fil-qasam
tal-manifattura, se ngħid xi ħaġa oħra fuqha din, kellna contraction
fl-ewwel perjodu ta’ din is-sena, però jista’ jkun hemm raġunijiet
partikolari għal din is-sitwazzjoni. Issa nerġa’ niġi għaliha.
Għal dak
li għandu x’jaqsam mal-konsum domestiku, jidher li kellna żieda meta
mqabbel ma’ l-istess perjodu tas-sena li għaddiet, prattikament ta’
2.7%. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-konsum tal-Gvern, l-ispiża tal-konsum
tal-Gvern, f’din l-ewwel quarter imqabbla mas-sena li għaddiet,
naqset b’6.2 miljun lira Maltija. F’termini reali dik tfisser illi l-ispiża
tal-Gvern naqset b’5.6%, li huwa tnaqqis sostanzjali meta mqabbel
mas-sena li għaddiet, u jikkonferma r-riżultati tal-ħidma tal-Gvern biex
jikkontrolla u jnaqqas l-ispiża tiegħu fl-aspett ta’ l-ispiża rikorrenti
b’mod partikolari.
Naturalment wieħed irid jifhem ukoll illi t-tnaqqis ta’ l-ispiża tal-Gvern
ikollu effett fuq ir-rata ta’ tkabbir ta’ l-ekonomija tagħna, għaliex
kontradizzjoni ftit fit-termini li aħna għandna, fir-realta’ bilfors
trid tgħaddi minnha, li l-mod kif jiġi kkalkulat it-tkabbir ekonomiku
fil-basket ta’ konsiderazzjonijiet, tidħol ukoll l-ispiża tal-Gvern. U
jekk wieħed jagħmel sforz biex titnaqqas l-ispiża tal-Gvern, dak ikollu
impatt fuq il-kalkulazzjoni tat-tkabbir ekonomiku li ried jagħmel tajjeb
għalih it-tkabbir, imbagħad, fis-settur privat, fl-esportazzjoni, fil-manifattura,
u f’setturi oħrajn. Għalhekk huwa importanti iżjed minn qatt qabel li
aħna nkomplu ninsistu, inkomplu naraw bħalha Gvern, b’mod iffukat, kif
ninċentivaw l-attivita’ fis-settur privat, fis-settur kummerċjali, biex
dik l-attivita’ tiżdied ħalli tagħmel tajjeb għat-tnaqqis ta’ l-ispiża
minn naħa tal-Gvern.
Għal dak
li għandu x’jaqsam ma’ dak li jissejjaħ il-Gross Capital Formation,
dan żdied sostanzjalment, kważi bi 11% meta mqabbel mas-sena li
għaddiet. Anke dan huwa indikatur tajjeb ħafna. F’termini reali l-ispiża
fuq l-investiment żdiedet bi 8.9%. Fl-aħħar tal-press conference
se nagħtukom dokument b’dawn iċ-ċifri, jiġifieri jekk taqbżilkom xi
ċifra, se tkun qiegħda f’dokument li se ngħaddulkom. L-esportazzjoni
reali tas-servizzi, u tal-manifattura, u tal-prodotti fl-ewwel
quarter niżel meta mqabbel mas-sena li għaddiet b’14%. Dan mhuwiex
il-volum, mhux tnaqqis fil-volum imma huwa tnaqqis fil-prezzijiet. Però
l-indikazzjonijiet li aħna għandna, hija illi fit-tieni u fit-tielet
quarters, li għad irridu naraw ir-riżultati tagħhom, għandu jkun
hemm irkuprar min-naħa tal-valur ta’ l-esportazzjoni. Bħala volum naħsbu
li jkompli jiżdied.
Għar-rigward ta’ l-inflazzjoni, l-inflazzjoni li ġiet reġistrata fl-ewwel
quarter telgħet għal 2.4%. Hija inflazzjoni li hi relativament
għolja, mhijiex qiegħda tinkwetana eżaġeratament, però hija xi ħaġa li
qed tiġbed l-attenzjoni tagħna ħafna. Parti minnha hija spjegabbli minħabba
illi din is-sena bdiet tieħu l-effett tagħha s-surcharge ta’ l-elettriku
ta’ 17%, u dak ikollu impatt naturalment, u anke minħabba li mill-bidu
ta’ din is-sena żdiedu l-prodotti li qed jitħallas l-eko-kontribuzzjoni
fuqhom. Jiġifieri l-inflazzjoni hija influwenzata b’elementi illi l-Gvern
stess introduċa b’riżultat tal-miżuri tal-Budget ta’ din is-sena,
però l-indikazzjonijiet li għandna juru li hemm fatturi oħra illi rridu
nikkontrollaw. Partikolarment aħna jidhrilna li ċertu prodotti li
għandna fuq is-suq, kemm dawk prodotti lokalment, kif ukoll dawk
impurtati, jista’ jkun li qegħdin iżommu prezz għoli artifiċjali. U
allura qegħdin neżaminaw l-istrumenti li aħna għandna f’pajjiżna jekk
dan huwiex il-każ, u jekk huwa l-każ allura mbagħad x’miżuri nistgħu nieħdu.
Għar-rigward tal-produttività, iċ-ċifri juru li qed ikollna titjib f’dak
li għandu x’jaqsam ma’ livell ta’ produttivita’ fis-setturi kollha
f’pajjiża, però għad fadlilna ħafna iżjed x’nagħmlu. Meta nqabblu l-produttivita’
ta’pajjiżna ma’ dik ta’ pajjiżi oħrajn bla dubju ta’ xejn wieħed jasal
għall-konklużjoni illi l-produttivita’ ta’ pajjiżna għandha titjieb u
għandha titjieb sostanzjalment. U nixtieq illi f’dak li għandu x’jaqsam
ma’ riformi fis-settur pubbliku, nsemmi hawnhekk lis-Sea Malta,
l-Air Malta,l-P.B.S, l-agenziji, l-korporazzjonijiet kollha li
fihom aħna qegħdin nikkonċentraw il-proċess ta’ riforma u ristrutturar,
hija parti minn strateġija ċara li għandha twassal għal żieda fil-produttivita’
f’pajjiżna. Jiġifieri mhix kwestjoni biss ta’ ristrutturar biex inaqqsu
l-livell ta’ sussidju illi sal-lum, tul is-snin, dawn l-agenziji, dawn
il-korporazzjonijiet kienu qegħdin jiddependu fuqhom biex jimxu ‘l
quddiem. Imma hija strateġija mmirata biex tgħolli l-livelli ta’ effiċjenza,
ngħollu l-livelli ta’ produttivita’ għal kull ħaddiem illi hemm impjegat
mas-settur pubbliku.
Għal dak
li għandu x’jaqsam max-xenarju finanzjarju, nerġa’ nirripeti dak li
għidt bħal-lum xahar, jiġifieri, l-effett tad-deċiżjoni li aħna ningħaqdu
fil-mekkaniżmu ta’ l-ERM II baqa’ pożittiv u l-indikazzjonijiet huma,
illi, filwaqt li bdejna s-sena bi trend fejn ir-riservi tagħna
kienu qegħdin jonqsu, dik it-trend issa twaqqfet u issa daret u
allura hemmhekk, l-indikazzjoni tidher li hija pożittiva. Naturalment,
tafu l-fluctuations li kellna f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa
ta’ l-euro mqabbla ma’ muniti oħrajn, u l-fatt illi l-euro
tilfet ftit mis-saħħa tagħha, f’ċertu sens, ivvantaġġja lilna f’dak li
għandu x’jaqsam mal-kompetittivita’ ta’ pajjiżna. U allura wieħed irid
ikompli jara anke l-iżviluppi li se jseħħu f’dan il-qasam partikolari.
Però għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ERM II u d-deċiżjoni li aħna
ħadna, jidher illi kull xahar li għadda dik id-deċiżjoni iktar
tikkonsolida l-aspetti pożittivi tagħha. Naturalment tfisser ukoll illi
l-Gvern irid jibqa’ determinat illi jaħdem f’termini ta’ Pjan ta’ Konverġenza
biex it-targets stabbiliti fi pjan ta’ tliet snin li għamilna
lilna nfusna, inkunu nistgħu nilħquhom.
F’dak li
għandu x’jaqsam mas-suq tax-xogħol, mal-labour market, jirriżulta
illi n-numru ta’ nies gainfully occupied, meta tikkalkula kollox,
kemm full-timers, kemm part-timers, żdied fl-ewwel
quarter meta mqabbel mas-sena li għaddiet, b’0.7%. Il-qagħad,
f’Mejju, niżel għal 6,571, in-nies li qegħdin jirreġistraw fil-part
one tar-reġistru. Fl-informazzjoni li għandi, dan in-numru kompla
niżel, jiġifieri f’Ġunju u f’Lulju, l-aħħar ċifra li għandi tmiss is-6,300.
Dan ifisser illi kellna tnaqqis fil-qagħad ta’ 12% meta mqabbel ma’ l-istess
xahar tas-sena li għaddiet, jiġifieri Mejju ma’ Mejju n-numru ta’ nies
jirreġistraw naqsu bi 12%.
Għal dak
li għandu x’jaqsam mat-turiżmu, għalkemm qegħdin naraw, u anke l-kuntatti
tagħna mas-settur u l-laqgħat li għamilna jien u l-Ministru tat-Turiżmu,
u qegħdin nagħmlu u nkomplu nagħmlu ma’ min hu operatur fis-settur fil-livelli
stabbiliti, jidher li hemm din il-bidla ta’ preferenza bejn booking
minn żmien qabel għal booking fiż-żmien qasir. U allura s-settur,
u rrid ngħid anke l-Gvern, għaddejjin minn din is-sitwazzjoni fejn aħna
konna mdorrijin nipproġettaw minn disa’ xhur qabel, minn tnax-il xahar
qabel, x’se jkunu l-bookings minn quddiem, jidher illi t-trend
f’dan is-settur, u dan donnu hija xi ħaġa fl-Ewropa kollha, u anke
fil-Mediterran, niżlet s’issa għall-bookings li qed isiru
f’perjodu ħafna inqas. U allura huwa diffiċli, mhux bħal qabel, biex
inti tipproġetta bejn wieħed u ieħor l-occupancy, jew per eżempju
kif se tkun ix-Xitwa li ġejja jew kif se tkun il-bidu tas-sena d-dieħla.
Imma
ċ-ċifri s’issa qegħdin juru li s’issa, sa Mejju, kellna żieda ta’ sitt
elef u kważi erba’ mitt turist meta mqabbel ma’ l-istess perjodu
tas-sena li għaddiet, dan ifisser żieda ta’ turisti f’pajjiżna ta’
1.7%. Kellna żieda ta’ 2.1% li kienu turisti u li telqu minn Malta
permezz ta’ l-ajru. It-total ta’ ljieli li
qattgħu f’pajjiżna dawn it-turisti huwa stmat li kien ta’ 3.4 miljuni.
Dan ifisser żieda ta’ 0.7% fuq l-istess perjodu
tas-sena li għaddiet. Jidher ukoll li hemm titjib, jew żieda, f’dak li
għandu x’jaqsam mal-flus li jonfqu t-turisti f’pajjiżna, li tirriżulta
li hija 3.7% aktar minn dik li kellna s-sena li għaddiet. U allura l-ispiża
għal kull ras ta’ turist żdiedet b’1.6%.
Għal dak
li għandu x’jaqsam ma’ safar ta’ Maltin, jidher illi minn Jannar sa
April ta’ din is-sena, kellna kważi 60,000 Malti jew Maltija li siefru.
Dan ifisser żieda ta’ 5.2% mqabbel ma’ l-istess perjodu tas-sena li
għaddiet. Jiġifieri għandna numru sewwa ta’ żieda ta’ Maltin li siefru.
L-istess f’dak li għandu x’jaqsam mal-cruise passengers, kellna
żidiet sostanzjali, total li telqu din is-sena ta’ cruise liner
passengers, kien ta’ 74,000, meta mqabbel mas-sena li għaddiet, jiġifieri
żieda’ ta 22,000 cruise passengers li ġew Malta. Wieħed irid
iżomm quddiem għajnejh ukoll illi f’dan il-perjodu sena ilu, it-terminal
kien għaddej minn element ta’ kostruzzjoni u allura kien hemm effett
is-sena li għaddiet għal dak li għandu x’jaqsam mal-cruise liners
li kienu qed jidħlu f’pajjiżna, però jibqa’ l-fatt li hawn żieda ta’
kważi 41%, 41.5% ta’ cruise liner passengers li qed jiġu
f’pajjiżna.
Għal dak
li għandu x’jaqsam ma’ l-occupancy, ukoll għal perjodu Jannar sa
Marzu, għax din iċ-ċifra li għandi, kellna żieda f’Marzu ta’ din is-sena.
L-occupancy telgħet għal 51.5%, dan ifisser żieda ta’ kważi
għaxar punti perċentwali meta mqabbel ma’ l-istess perjodu s-sena li
għaddiet.
Fil-qasam tal-manifattura, f’April ta’
din is-sena kellna titjib ta’ 12% f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ordnijiet
ġodda għall-esportazzjoni. Jiġifieri f’April daħlu ordnijiet ġodda
għall-esportazzjoni li b’kollox kienu 12% iżjed mill-istess ċifra illi
kellna f’April tas-sena li għaddiet. L-ikbar setturi li qed jagħtuna
sinjali pożittivi għal din iż-żieda f’ordnijiet huma fil-qasam tal-farmaċewtika,
chemicals and chemical products, makkinarju elettroniku u
equipment.
Però
mill-banda l-oħra għandna tnaqqis f’dak li għandu x’jaqsam mal-manifattura
għas-suq lokali. Fil-fatt l-index ta’ l-ordnijiet il-ġodda
f’April f’dak li għandu x’jaqsam mas-suq lokali, juri tnaqqis ta’ 2.2%
meta mqabbel ma’ l-istess xahar tas-sena li għaddiet. Din probabbilment
hija spjegabbli, għaliex f’dan il-quarter imqabbel mal-quarter
tas-sena li għaddiet, il-livell ta’ importazzjoni li aħna għandna
huwa sostanzjalment ogħla minn dak li kellna bħal dan żmien sena.
Jidher illi għandna importazzjoni ta’ prodotti f’pajjiżna minn pajjiżi
fl-Ewropa u anke minn pajjiżi barra mill-Ewropa, li huwa ħafna ikbar
minn dak li kellna bħal dan iż-żmien sena u naturalment dan qed ikollu
effett fuq il-bilanċ tal-pagamenti tagħna speċjalment fuq il-current
account.
L-aħħar
punt illi xtaqt nagħmel fuq il-finanzi tal-Gvern. L-ispiża tal-Gvern
għal dak li għandu x’jaqsam minn Jannar sa Mejju, ikopri s’issa 40.7% ta’
dak li kien budgeted. Dan ifisser li
qegħdin bejn wieħed u ieħor fil-livelli li ġew budgeted. Id-dħul
ta’ l- income tax, V.A.T u social security, però,
jirrapreżentaw 31% ta’ dak li ġie budgeted. Sabiex ikollna idea,
bħal dan iż-żmien sena, jiġifieri fl-istess perjodu, biex wieħed ikun
jista’ jagħmel paragun, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ispiża, konna
qegħdin fl-istess livell, jiġifieri s-sena li għaddiet konna 40.9% għal
dak li kien ġie budgeted. Din is-sena qegħdin 40.7%, għal dak li
għandu x’jaqsam mad-dħul, is-sena li għaddiet konna daħħalna 33% ta’ dak
li kien ġie budgeted. Din is-sena daħħalna s’issa, 31% ta’ dak
li kien ġie budgeted. Għidt diġa’
f’okkażjonijiet oħrajn, it-trend kompliet. Qed indaħħlu iżjed
minn dak li kien ġie budgeted f’dak li għandu x’jaqsam mal-VAT,
però inqas, minn dak li kien ġie budgeted għal dak li għandu
x’jaqsam ma’ l-Income Tax.
Madanakollu f’dawn il-ġranet li għaddew, erġajna dħalna f’din l-analiżi
għaliex għandna xi dħul inqas, ta’ xi żewġ miljuni, bejn wieħed u ieħor,
minn dak li suppost huwa budgeted s’issa, u jidher illi
m’għandniex problemi hemmhekk. Imma qed isir ix-xogħol biex dak li
għandu jitħallas, jitħallas. U hemm raġunijiet partikolari; jista’ jkun
is-settur, il-cash flow tas-settur, iddeċidew li jitfgħu l-flus
tagħhom f’pagamenti ta’ affarijiet oħrajn u ppostponew l-pagamenti għal
dak li għandu x’jaqsam ma’ l-income tax, però ma jidhirx li hemm
sinjali li wieħed għandu jinkwieta fuqhom u nibqgħu ottimisti li sa
l-aħħar tas-sena f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dħul ta’ Gvern, inkunu
nistgħu nilħquh.
Jiġifieri
l-pożizzjoni hija din, għandna ċertu sfidi, u l-ikbar sfida li qiegħda
tirriżultalna u tinkwietana, huwa l-impatt tal-prezz taż-żejt, li qed
ikollu impatt awtomatikament fuq ħafna affarijiet, imma b’mod
partikolari, l-ispiża tal-Gvern għal dak li għandu x’jaqsam
mal-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku, l-enerġija, u naturalment mal-produzzjoni
ta’ l-ilma. Il-Gvern qiegħed jeżamina s-sitwazzjoni b’mod kostanti,
minn ġurnata għal ġurnata.
Is-sena
li għaddiet konna ħadna d-deċiżjoni li nintroduċu s-surcharge ta’
17% f’mument meta l-prezzijiet taż-żejt kienu mal-ħamsin dollaru l-barmil.
Illum tlajna għal sittin dollaru u anke iżjed, kull barmil, u l-indikazzjonijiet
li s-settur mondjali qiegħed jagħti, huwa li dan il-prezz se jkompli jiżdied
anke fix-xahrejn li ġejjin. U allura, element li ftit li xejn wieħed
ikollu kontroll fuqu, qed ikollu impatt fuq pajjiżna bħalma jkollu fuq
pajjiżi oħrajn. Però pajjiżna, peress li għandu ekonomija miftuħa
ħafna, u jiddependi ħafna miż-żejt illi huwa jimporta u jixtri fuq is-suq,
din probabbilment hija l-ikbar ostaklu li jista jkollna għall-ħidma
ekonomika tagħna u għat-targets illi aħna rridu nilħqu.
Madanakollu jidhrilna li qegħdin f’sitwazzjoni li s’issa nistgħu
nikkontrollaw, imma nirriservaw l-pożizzjoni biex naraw l-iżviluppi kif
iseħħu minn mument għal mument.
Jiena naħseb
li bħala introduzzjoni dawk kienu l-punti li xtaqt insemmilkom u issa
tistgħu tagħmlu l-mistoqsijiet bħas-soltu, u nipprova nwieġeb sa fejn
nista’.
Kurt Sansone – Maltatoday
F’intervista li tah il-Professur Edward Scicluna tal-MCESD għal
Financial and Business Times, hu qal li d-deċizjoni li ħa l-Gvern li
meta dħallna fl-ERM II li jabbraċċah ma rata fissa, ma’ l-Ewro, kienet
waħda mill-aktar pariri ħżiena illi seta’ jingħata ’l Gvern. Għaliex
prattikament ifisser li dak is-shock absorber li tagħtik anki l-ERM
II ta’ 15% fluctuation, il-Gvern iddeċieda li jirrifjutah u ma
jużahx. X’inhuma l-kummenti tiegħek fuq dan?
Il-Professur
Scicluna qal ukoll li bħalissa għaddej ukoll minn waħda mill-itwal,
forsi mhux l-aktar fonda, imma l-itwal reċessjonijiet mit-Tieni Gwerra
Dinjija lil hawn. U s’issa ma jidhirx li hemm sinjali li l-ekonomija qed
tikber. Tant hu hekk li inti semmejt tnaqqis mill-income tax,
però wkoll in-NI, is-social security li l-Gvern daħħal xi 2.6
miljun anqas fl-ewwel ħames xhur tas-sena, li hija indikatur illi l-ekonomija
qed tiċkien. Xtaqt ukoll il-kummenti tiegħek fuq dan. U l-Professur
Scicluna qal ukoll illi wisq jibża’ li inti bħala Prim Ministru m’intix
tingħata pariri ekonomiċi li jistgħu jkunu tajbin.
Donnu
hemm il-politika tal-Gvern illi jnaqqas id-deficitat all
costs però m’intkomx taraw l-istampa aktar wiesa’ li dak li qed
jagħmel il-Gvern jista’ wkoll qed ikollu impatt fuq it-tkabbir ekonomiku.
Jiġifieri jġibu agħar milli hu. X’taqt il-kummenti tiegħek fuq dan, u
fuq l-inflazzjoni x’bi ħsiebu jagħmel il-Gvern b’mod konkret. L-ekonomisti
qalu wkoll li parti mill-problema hu l-konsum żejjed li qed iwassal
għall-inflazzjoni.
Kien
hemm ir-Ripatriation Scheme illi setgħet tefgħet flus żejda fl-ekonomija
filwaqt illi għandek is-setturi produttivi qed jonsqu, però għandek dawn
il-piżijiet minn barra li qed jogħlew l-inflazzjoni. Kif se jirreaġixxi
l-Gvern għal din is-sitwazzjoni?
Prim Ministru
Fuq
dak li qal il-Professur Scicluna illi d-deċiżjoni tal-Gvern illi
jingħaqad fl-ERM II u kienet xi deċiżjoni ħażina. Din hija pożizzjoni li
hija kontradetta kompletament, mhux biss bil-pariri ta’ l-esperti
ekonomiċi illi aħna għandna. Imma hija kontradetta kompletament ukoll
mill-analiżi li saru, mill-iStandard and Poor’s, mill-analiżi li
saret mill-istess Kummissjoni Ewropea, minn kull min b’xi mod jew ieħor
analizza d-deċizjoni tal-Gvern b’mod oġġettiv.
Jiġifieri hija kontradizzjoni assoluta, anzi dan meħud bħala sinjal
pożittiv ħafna u għen biex nistabbilixxu b’mod kategoriku d-determinazzjoni
tagħna illi aħna l-ekonomija tagħna nagħtuha dak il-livell ta’
kompetittività li jixirqilha li aħna nġibu l-finanzi ta’ pajjiżna
f’pożizzjoni soda u li aħna nindirizzaw l-oqsma ta’ spiża li għandna
f’pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ spiża tal-Gvern, ma’ dak li
għandu x’jaqsam ma’ korporazzjonijiet, jiġifieri nirrispetta l-opinjoni
tal-Professur Scicluna, però ma naqbilx ma’ l-argument li qed jagħmel.
L-istess
ma naqbilx li qed jgħid li qegħdin f’riċessjoni. Assolutament m’huwiex
il-każ. Malta naturalment għandha ekonomija miftuha, tiddependi ħafna
fuq l-ekonomija tad-dinja, partikolarment l-ekonomija Ewropea li mhix
għaddejja minn mument pożittiv. Anki għar-raġunijiet tas-sitwazzjoni
ekonomika globali, u anki b’effett ta’ dak li kont qed insemmi għal dak
li għandu x’jaqsam mal-prezz taż-żejt, però tasal biex tgħid
għall-inflazzjoni le.
Jiena
tajt iċ-ċifri, issa ċ-ċifri jitkellmu weħedhom. Dawn statistika
ppubblikata, mhux qed nivvintahom jien. Tistgħu tivverifikawhom u jkun
hemm iva, ċifri li jistgħu jkunu indikattivi li tibda tgħid imma dawn
jista’ jkun sinjal li jista’ jkun preokkupanti, però mbagħad meta tidħol
fir-raġunijiet tibda ssib ir-raġunijiet.
Per
eżempju tas-social security, dħalna fiha, u jidher ċar illi hemm
element ta’ arretrati sostanzjali illi għad irid jiġi rkuprat, u r-raġunijiet
ikunu kwistjoni ta’ cash flow. Jiġifieri fis-settur inti jkollok
operaturi, minn dawk l-operaturi l-kbar dawn, mhux l-operaturi ż-żgħar,
illi jiġi mument fejn jixxuttjaw il-flus li huma jkollhom fuq
prijoritajiet oħrajn u jipposponu l-pagamenti tagħhom jiġifieri wieħed
irid joqgħod daqsxejn attent.
Naturalment jiena mhux qed ngħid illi nieħdu l-affarijiet qisu kollox
ward u żahar, assolutament mhux hekk imma wieħed irid janaliżża ċ-ċirkostanzi
partikolari, kultant ikun hemm ċirkostanzi partikolari li jiddependu jew
jagħtuk stampa, jagħtuk ċifra, għal quarter waħda, u għalhekk
aħna dejjem ngħidu, isma noqogħdu attenti, għax aħna għandna ekonomija
illi hija staġjonali ħafna, l-istaġonalità ta’ l-ekonomija tagħna
tiddependi fuq il-perijodu tas-sena, tiddependi fuq it-turizmu,
tiddependi fuq ħafna affarijiet. U allura huwa perikuluż illi wieħed
jasal għal konklużjonijiet mgħaġġlin meta inti tara quarter
wieħed, normalment trid tara perijodu ħafna itwal minn hekk biex tibda
tasal għal konklużjoni.
L-indikazzjonijiet
illi l-Gvern għandu bħalissa, hija li l-ekonomija għaddejja mill-istess
diffikultajiet li għaddejjin l-ekonomiji l-oħrajn, Ewropej u anki
mondjali, però hemm indikaturi, hemm indikazzjonijiet illi jinkoraġġuna
għal ġejjieni.
Għar-rigward ta’ l-argument illi aħna moħħna biex innaqqsu d-deficit
at all costs mingħajr ma nagħtu każ ta’ affarijiet oħrajn, naħseb
illi r-risposta toħroġ mill-istess miżuri illi aħna ħabbarna fil-budget
għal din is-sena, fejn ħabbarna diversi inizjattivi oħrajn illi wħud
minnhom, anzi hemm lista twila ta’ inizjattivi illi huma indirizzati
speċifikament biex jistimulaw l-attività ekonomika biex ngħinu s-settur
ekonomiku tagħna, biex ninċentivaw l-intrapriżi ż-żgħar u ngħinu lil
pajjiżna biex jimxi ’l quddiem, jiġifieri mhux veru illi dan hu għax
il-Gvern qed jikkonċentra biex inaqqas id-deficit akkost ta’
kollox, jiena ngħid irridu nnaqqsu d-deficit u mixjin biex
innaqsu d-deficit.
Mixjin biex nikkontrollaw l-ispejjez tal-Gvern. Huwa tajjeb, naħseb illi
din hija xi ħaġa li ilna ngħidu, kulħadd jgħid u l-operaturi ekonomiċi
kollha ta’ pajjiżna jgħidu li hemm bżonn illi l-Gvern jiddedika enerġija
u attenzjoni kbira għat-tnaqqis tad-deficit u għal tnaqqis ta’ l-ispiża
tal-Gvern u qed nagħmlu hekk.
Però
assolutament ma naqbilx mal-kritika illi aħna moħħna fid-deficit
biss, anzi nerġa’ nirrepeti, id-direzzjoni li aħna tajna fil-bidu
tas-sena kienet illi aħna se nenfasizzaw l-ispiża li għandna bżonn
nagħmlu biex nistimulaw l-ekonomija f’pajjiżna u nieħdu l-inizjattivi
anki dawk li jistgħu jkunu ftit kontroversjali eżempji huma l-golf
course, eżempji huma d-deċiżjonijiet ta’ proġetti oħrajn li wħud
minnhom ħaddniehom, uħud minnhom għad irridu noħduhom fil-ġimgħat illi
ġejjin, jiġifieri rridu nagħmlu ħilitna biex l-ekonomija tagħna
tiżviluppa, inkella jkun inutli. Inti id-deficit ma tinidirizzahx
billi tikkontrolla l-ispiża biss, id-deficit tindirizzah billi
tistimula l-attività ekonomika, li tkun hi dik l-attività u trid tiġi
mis-settur privat mhux mis-settur pubbliku biex toħloq dik l-attività u
toħloq il-postijiet tax-xogħol.
Però
mhux hekk biss, imma investejna ħafna iżjed milli konna qed ninvestu
qabel fil-qasam edukattiv f’pajjiżna biex ikollna università aħjar, u
issa biex ikollna sistema edukattiva mill-livell kindergarten,
sal-livell sekondarju illi tagħmel qabża fil-kwalità. Jiġifieri ħadd ma
jista’ jgħid illi qed innaqqsu l-ispejjeż. Il-verità hija li qed
nixxiftjawha l-ispiża, tal-flus li jħallsu t-taxxi l-poplu minn sussidju
għas-Sea Malta għal spiża akbar fl-Università. Nagħti eżempju la
qed insemmi s-Sea Malta għax magħha nsemmi t-Tarzna, insemmi l-PBS,
insemmi dak kollu.
Dawk
l-organizazzjonijiet illi kienu qed jixorbu miljuni kbar ta’ sussidji
allura għaddew minn ristrutturazzjoni biex jippermettu lill-Gvern
inaqqas id-deficit imma anki jdawwar l-ispiża tiegħu għal fuq
dawk is-setturi illi għandhom bżonn biex jiżviluppaw ’l quddiem. L-istess
ngħid illi qegħdin nonfqu ħafna iżjed illi qatt infaqna qabel, ma’ dak
li għandu x’jaqsam mal-qasam ambjentali, ħadd ma jista’ jmeri illi dan
il-Gvern f’din is-sena b’mod partikolari qed jinvesti miljuni kbar ta’
liri fil-qasam ambjentali, fil-qasam ambjentali għandek firxa illi tibda
mill-infrastruttura tat-toroq tagħna u tibqa’ għaddejja sa kif
nittrattaw l-iskart f’pajjiżna. Jiġifieri ma naqbel assolutament xejn
illi jiġi xi ħadd u jgħid qisu d-deficit huwa l-punt ċentrali ta’
l-attività.
Għar-rigward ta’ l-inflazzjoni, kif għidt diġà, l-inflazzjoni hemm
raġunijiet għaliha, parti minnha u hi spjegabbli bl-effetti li qed
ikollu l-prezz taż-żejt, bl-effetti tad-deċiżjoni tal-Gvern tas-surcharge
allura li dak imponejna u li kellu effett fuq l-għoli tal-ħajja però
jirriżultalna iva, jew aħjar hemm indikazzjonijiet illi jista’ jkun li
ċertu prodotti illi suppost il-prezzijiet tagħhom bil-kompetizzjoni
f’pajjiżna naqsu m’humiex qed jonsqu, jew ma jidhrux illi qegħdin jonsqu
kif suppost qegħdin jonsqu.
Għandna strutturi f’pajjiżna li qegħdin għal ta’ l-apposta mwaqqfa biex
inkunu nafu jekk hemmx kartell, jekk hux qed ikun hemm min b’mod
artifiċjali jistabbilixxi l-prezz u f’dak il-każ f’pajjiżna nieħdu
azzjoni biex nintervjenu, imma rridu nkunu ċerti minn din is-sitwazzjoni
u allura kompletament ir-risposta hija li jekk jirriżultalna li hemm dan
it-tip ta’ affarijiet allura l-istrutturi kollha li għandna fil-pajjiż
li l-iskop tagħhom huwa preċiżament li nindirizzaw dawn l-issues,
jagħmlu hekk u jagħmlu hekk immediatament. Xi ħadd ieħor Fr Noel?
Noel Grima – The Malta Independent on Sunday
Prim
Ministru, f’Novembru li ġej ħa jkun hawn iċ-CHOGM, il-meeting tal-Commonwealth
Heads of Government illi se jkun l-ikbar laqgħa fid-dinja wara l-G8
u wara se jkun hemm xi ħaġa f’New York ta’ l-United Nations.
Tista’ tassigura lill-poplu Malti illi l-Gvern u l-Forzi tas-Sigurtà
huma totalment preparati li ma jiġrix dak li ġara ġo Londra u illi
fil-każ ukoll illi jkun hawn in-No Global ikun hawn miżuri biex
niffrankaw?
U
tista’ tirrasigura wkoll lill-poplu Malti li l-isptar u c-Civil
Protection huma ppreparati biżżejjed biex fil-każ, alla ħares qatt
li jiġri xi ħaġa hekk, ikunu kull ħadd jaf fejn għandu jmur u x’għandu
jagħmel u x’inhuma d-doveri u l-proċeduri li għandu jsib.
Prim Ministru
L-ewwel
nett nieħu l-okkażjoni biex għal darba oħra nesprimi s-solidarjetà
tiegħi mal-Gvern Ingliż u l-poplu Ingliż wara l-attakki terroristiċi
illi seħħew il-bieraħt lula. Huma ħwejjeġ illi wieħed jikkundannahom bla
ebda riservi ta’ xejn u fil-kuntest partikolari ta’ kif seħħew aktar u
aktar wieħed jixxokkja lilu nnifsu għaliex li fid-dinja li qegħdin
ngħixu llum fiha, il-millenju l-ġdid propju meta l-aktar pajjiżi
b’saħħithom ekonomikament qegħdin jiltaqgħu flimkien ma’ l-aktar pajjiżi
fqar fid-dinja biex jindirizzaw il-faqar, biex jindirizzaw il-mard, biex
jindirizzaw in-nuqqas ta’ l-edukazzjoni fl-aktar pajjiżi fqar fid-dinja,
propju fil-ġurnata meta dawn il-pajjiżi qed jiltaqgħu biex isibu s-soluzzjonijiet
għal pajjiżi l-fqar f’dik il-ġurnata jsir attakk terroristiku,
affarijiet illi jwaħħxuk fl-istorja tal-bniedem l-kontradizzjoni fit-terminu
ta’ kif iseħħu l-affarijiet huwa striking f’dan il-każ. Jiġifieri
din hija xi ħaġa li veru impressjonatni.
It-timing
ta’ attakk terroristiku fl-istess ġurnata li l-aktar pajjiżi b’saħħithom
fid-dinja qegħdin jiltaqgħu biex jagħtu każ ta’ l-aktar pajjiżi foqra.
Din hija striking, tolqtok bl-aktar mod qawwi, u tesponi l-falsità
ta’ dawn illi jippretendu illi għandhom xi messaġġ illi jridu jpoġġu
quddiem id-dinja. Permezz ta’ dawn l-attakki terroristiċi, tesponi
bl-aktar mod qawwi, tikxef bl-aktar mod qawwi l-falsità ta’ dak li qed
isir minn dawn il-gruppi terroristiċi, però ħa niġi għall-punt ċentrali
tal-mistoqsija.
Iva,
il-laqgħa tal-Kapijiet tas-Stati tal-Commonwealth li se ssir
f’Novembru hija l-ewwel nett waħda mill-akbar jekk mhux l-akbar laqgħa
li qatt saret fl-istorja ta’ pajjiżna li se ġġib flimkien 52, 53 Kap ta’
Stat Pajjiżi Membri tal-Commonwealth f’pajjiżna.
Qatt
ma kellna xi ħaġa bħal dik u se tkun qed isseħħ, x’aktarx f’kuntest
internazzjonali li ser jagħti ċ-CHOGM, l-importanza forsi anki iżjed
milli wieħed irid jaħseb, għaliex se jkun hemm il-laqgħa anki fin-nazzjonijiet
uniti, u qed nitkellem ukoll żviluppi għal dak li għandu x’jaqsam mal-pajjiżi
fqar fid-dinja fid-development aid, Summit li se jkun ta’
ċertu importanza u s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti qed
jagħti l-importanza għal dak is-Summit u allura jiddependi ħafna
x’se jkun ir-riżultat ta’ dak is-Summit li se jkollu rifless żgur
fuq il-laqgħa taċ-CHOGM li ssir Malta.
Naturalment, l-organizzazzjoni ta’ din il-laqgħa f’pajjiżna tinvolvi
ħafna, ħafna aktar affarijiet - mill-aspett loġistiku se tinvolvi mhux
biss li se jkollok Kapijiet ta’ l-Istat li ġejjin f’pajjiżna, imma
mijiet ta’ ġurnalisti, jekk mhux eluf ta’ ġurnalisti, illi jkunu qegħdin
f’pajjiżna u se tkun okkażjoni tad-deheb għal pajjiżna illi jesponi lilu
nnifsu u l-istorja tiegħu, il-kultura tagħna, l-ospitalità tagħna
f’vetrina mad-dinja kollha, u allura rridu li tkun suċċess. Suċċess fl-organizazzjoni,
suċċess fil-kontenut, waħda mill-elementi importanti biex tkun suċċess
hija miżuri ta’ sigurtà u ordni biex inkunu in place biex inkunu
ċerti li l-affarijiet isiru kif għandhom isiru.
Jiena
nista’ nassigura f’dan l-istadju li l-Forzi ta’ l-Ordni kollha
f’pajjiżna huma konsistentement għaddejjin b’laqgħat biex issir l-organizazzjoni
kollha u qed ikun hemm kuntatti wkoll fi Gvernijiet oħra biex naraw
għajnuna, expertise li jistgħu jipprovdulna biex inkunu ċerti li
jkollna kollox f’postu u l-proċess għaddej, għadu mhux konkluż imma
jiena sodisfatt b’dak li s’issa qiegħed isir, naturalment il-loġistika
għal dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà tinkludi wkoll l-eventwalitijiet
ukoll li jista’ alla ħares qatt jinqala’ xi ħaġa u allura li nkunu ċerti
wkoll ikollna in place s-servizzi kollha li jkun hemm bżonn,
jiena semmejt l-isptar u l-protezzjoni ċivili. Għal grazzja ta’Alla
għandha servizzi ta’ saħħa u servizzi ta’ sptar illi huma eċċellenti,
servizz ta’ protezzjoni ċivili illi wkoll huwa eċċellenti, però rridu
nkunu ppreparati għal sitwazzjonijiet illi jistgħu jkunu bħalhom qatt ma
rajna qabel.
Dan
kollu qegħdin naħsbu fuqu u ma nixtieqx nidħol fid-dettall la issa u
lanqas’ il quddiem, għaliex tistgħu tapprezzaw illi miżuri ta’ sigurtà
huma miżuri ta’ sigurtà, però li nista’ naċċerta lill-kulħadd illi huwa
aspett importanti ta’ l-organizzazzjoni kollha, sħiħa, kumplikata ta’
din l-event importanti ħafna għal pajjiżna.
Mario Micallef – PBS
Kumitat li kont waqqaft inti dwar ir-riforma tal-pensjonijiet kellu
jippreżentalek rapport finali bir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, xtaqt
insaqsi l-ewwel nett jekk dan ir-rapport ġiex ippreżentat,
il-konklużjonijiet prinċipali tiegħu u d-direzzjoni li se jieħu l-Gvern
issa b’dan ir-rapport jekk ġie ppreżentat. Grazzi.
Prim Ministru
Ir-risposta hija iva, ġie ppreżentat lili propju jumejn ilu, u allura
fost affarijiet oħrajn f’dan il-weekend għandi ħafna x’naqra. Ma’
l-ewwel daqqa ta’għajn jidher illi huwa rapport tajjeb. Ġabar ġo fiħ
ir-reazzjonijiet tal-pubbliku kollu ta’ l-organizzazzjonijiet,
tas-soċjetà ċivili li kellna għal White Paper illi ppubblikajna.
Il-grupp jidher illi rfina, aġġusta l-proposti, uħud mill-proposti illi
kellu fil-White Paper u allura għandu issa pożizzjoni aġġornata
skond ir-reazzjonijiet illi kien hemm, però b’mod illi finalment l-iskop
finali ntlaħaq. Jiġifieri li jkollna sistema ta’ pensjonijiet
sostenibbli u adegwata, u nenfasizza l-kelma adegwata għaliex l-ikbar
sfida ta’ pajjiżna hija l-adegwatezza tal-pensjonijiet. “Adegwata”
tfisser jiġifieri illi min joħroġ bil-pensjoni minn hawn u għaxar snin
oħra, jirċievi pensjoni li tista’ tiggarantilu li jgħix il-kwalità
tal-ħajja li tibqa’ kwalità tal-ħajja tajba.
Il-konklużjoni
hija, jew l-aktar konklużjoni ovvja li kulħadd qabel fuqha hija, li ma
nistgħux ma nagħmlu xejn. Illi jekk ma nagħmlu xejn inkunu qegħdin
nipperikolaw l-għixin għal ġenerazzjonijiet tal-pensjonanti fis-snin
illi ġejjin, u allura għandna r-responsabbiltà illi nieħdu d-deċiżjonijiet.
Ir-ritmu tad-deċiżjonijiet u r-ritmu tal-bidliet jistgħu jiġu mifruxa
kif tafu fuq medda ta’ żmien, però l-bidliet iridu jsiru.
Jekk
tippermettili ma rridx nidħol fid-dettall f’dan il-mument, però nista’
ngħid illi l-ħsieb tal-Gvern huwa illi jippubblika wkoll dan ir-rapport,
jiġifieri biex il-pubbliku kollu jkun jaf kif żammejnieh infurmat
b’kollox, biex inkomplu inżommuh infurmat ukoll bl-analiżi li sar minn
dan l-grupp u allura bir-rakkommandazzjonijiet finali li issa qed
jitpoġġew fuq il-mejda.
Aħna
nixtiequ li sa l-aħħar ta’ din is-sena jekk jista’ jkun inkunu
f’pożizzjoni li nkunu ppubblikajna l-liġijiet għal bidliet illi
jimplimentaw l-ewwel fazi.
Glen Bedingfield – One News
F’dawn il-jiem kien hemm f’intervista ma’ xi stazzjon barrani
b’dikjarazzjoni tal-Ministru Austin Gatt li sas-sena d-dieħlu rridu
jkunu nbiegħu l-entitajiet governattivi kollha. Ir-reaction għal
dik, u inċidentalment ukoll b’rabta ma’ Austin Gatt numru ta’
Chairmen jew jirriżenjaw jew ma jintalbux illi jkunu nominati jew
jitneħħew u tant li kien hemm artiklu fil-gazzetta ta’ wieħed minn dawn
l-ex-Chairman li hemm xi ħaġa ħażina. X’inhu jiġri? Għaliex qed
ikun hemm dawn il-ħafna jew riżenji jew tkeċċijiet u jekk il-Gvern bi
ħsiebu jagħmel xi ħaġa biex jirranġa din is-sitwazzjoni, għax jista’
jkun il-Gvern, il-mod ta’ kif il-Gvern qed jittratta lil dawn il-persuni
li qed twassal għal din is-sitwazzjoni.
Prim Ministru
Fuq
l-ewwel mistoqsija din l-intervista, ma nafx, għadni ma dħaltx fiha din
li semmejtli, żgur hemm pjan ta’ privatizzazzjoni illi ħabbarnieh,
qiegħed pubbliku, huwa parti mill-budget tagħna, mixjin b’dawk it-targets
kultant tilħaq dak it-target u kultant jinqalgħu issues li
tkun trid tindirizzahom, però hemm pjan stabbilit li ilu stabbilit - ma
għamilnihx issa, imma anki fil-budget ta’ din is-sena indikajna fejn
hemm irregultajiet, xejn ta’ barra minn hawn. Il-proċess ta’
privatizzazzjoni hu proċess importanti għal pajjiż. Jien nenfasizza li
għamilna l-Freeport per eżempju, qed jagħtina r-riżultat.
Il-Freeport,
il-bidliet illi kien hemm, l-investiment illi ġie imħabbar ftit ġranet
ilu, l-investiment li se jsir fil-privat ta’ miljuni kbar ta’ liri. Il-fatt
illi t-throughput tal-container qiegħed konsistentement
jiżdied, il-fatt illi l-Freeport miexja fid-direzzjoni fejn se
jkollha tespandi l-impjiegi tagħha huma pozittivi. It-tħabbira li saret
dan l-aħħar mill-MIA, il-performance tal-MIA, jittratta wkoll
mir-riżultat. Jiġifieri dawn kollha li kienu jikkritikaw dawn l-affarijiet
naħseb illi jistgħu jagħlqu ħalqhom għaliex issa għandhom ir-riżultati.
Issa
bħalma rnexxielna f’dawk l-affarijiet irridu nkomplu wkoll f’affarijiet
oħrajn fejn jidhrilna li l-Gvern għandu jirtira mill-ispazju illi sa
llum qed jokkupa biex iħalli lill-privat jokkupa dak l-ispazju, għaliex
nafu li l-privat jista’ jagħmel biċċa xogħol aħjar, aktar effiċjenti, u
jġib aktar ġid lejn il-pajjiż, u t-track record s’issa huwa
pożittiv u allura fuq dan l-aspett ta’ privatizzazzjoni, mixjin,
nirrepeti skond il-pjan li aħna stabbilejna.
Dwar
iċ-Chairpersons, ħa niftehmu, jiena meta laqqajt iċ-Chairpersons
ta’ l-entitajiet pubbliċi kollha sena ilu, jekk issibu r-rapporti
tagħkom ta’ dak inhar issibu li jiena ċ-Chairpersons għedtilhom
li m’hawn ħadd illi għandu ċens perpetwu. U l-Gvern jirriserva d-dritt
illi x’ħin jidhirlu li għandu jġedded iġedded fejn jidhirlu illi għandu
jbiddel, ibiddel. Anki jekk ikun Chairman miexi tajjeb jista’
jkun li jkun wasal il-mument illi nbiddluh. M’hemmx ċens perpetwu.
Issa
jkun hemm sitwazzjonijiet fejn persuna tkun għażiltha, tkun tajtha
challenge, jista’ jkun li dak ic-challenge ma laħqithiex u
xorta jista’ jkun hemm oħrajn diversi raġunijiet, però l-Gvern ikun
wasal għal deċiżjoni illi wasal iż-żmien illi ma jġeddidx jew inkella
jista’ jkun l-individwu jew il-persuna stess, hi stess, titlob li ma
tiġġeddidx. Jiġifieri din li norbtu kollox ma’ Austin Gatt, imma skużi,
taħt il-Ministeru ta’ Austin Gatt għandek il-kooperazzjonijiet kollha,
issa mhux bilfors hekk? Kieku naqbad dawk il-korporazzjonijiet u naqsam
tnejn tnejn hekk il-Ministri qisni qed inqassam iċ-ċiċri.
Allura jiġri illi dak telaq wieħed sar ieħor floku u nnomina ieħor
minflok, il-fatti huma illi l-korporazzjonijiet l-aktar importanti,
il-maġġoranza tal-korporazzjonijiet jaqgħu taħt il-Ministru Austin Gatt,
issa nerġa’ nirrepeti jkun hemm sitwazzjonijiet fejn individwu illi
talbu jitilqu jew li ma iġġedditx in-nomina u kien hemm sitwazzjonijiet
fejn iva l-Gvern ddeċieda li jittermina. Dak hu kriterju tal-Gvern,
il-Gvern iżomm dik id-deċiżjoni, jekk jidhirlu li ċ-Chairman irid
jinbidel, iva jinbidel. U hekk għandna nagħmlu, fl-opinjoni tiegħi, mela
l-Gvern għandu xi mażżra ma saqajh illi ma jistax jieħu deċiżjonijiet
dawk id-deċiżjonijiet li huma tajbin.
Jiġifieri li nista’ ngħid huwa illi d-deċiżjonijiet illi l-bidliet illi
seħħew fil-korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà
tal-Ministru Austin Gatt kollha, kollha jiġu u jsiru permezz
tal-Kabinett. Hija deċiżjoni kollettiva tal-Kabinett u dan il-Gvern
jimxi b’dan il-mod u kull ħatra ġdida jew kull bidla ġdida fil-livelli
tal-korporazzjonijiet u tal-bordijiet, anki ta’ l-inqas bord, jiġu
approvati mill-Kabinett u allura naħseb illi dawn it-teoriji illi hawn
xi wħud illi jħobbu jagħtuhom.
Amanda Ciappara - In-Nazzjon
Wara
d-deċiżjoni li ħaddtu dwar l-ewwel golf course li għandha ssir,
kien hemm diversi reazzjonijiet, per eżempju tal-GRTU, tal-MHRA, u
kollha kienu pożittivi. Però l-MHRA talbet lill-Gvern biex issa ma
jiqafx hawn, però jieħu ċerta deċiżjonijiet oħra fuq golf
courses li għandna bżonn aktar f’pajjiżna. F’hiex wasal dan
il-proġett fosthom dik li qed tissemma f’Għawdex?
Prim Ministru
Naħseb illi kif għidt tajjeb inti hemm reazzjonijiet pożittivi,
naturalment se jkollna wkoll diskussjonijiet ma l-NGO’s ambjentali
għaliex hemm potenzjal illi forsi ma ħariġx b’saħħtu biżżejjed illi
għalkemm aħna konxji tal-fatt li meta aħna nieħdu d-deċiżjoni illi
nirriservaw parti sostanzjali ta’ art biex issir golf course,
effettivament qed nirriservaw parti sostenzjali ta’ art li se tgħin għal
attività ekonomika tagħna. Hija kruċjali għal qasam tat-turiżmu f’dan
il-każ, però li tfisser dejjem illi għandhom spazju ta’ art riservata
għaliha. Nispera illi kulħadd induna wkoll illi l-Gvern indika spazju ta’
art illi hija ferm akbar mill-ispazju li se tiġi okkupata mill-golf
course u dan sar apposta biex inkunu imlaħalħin biżżejjed ħalli fl-area
stess fejn hemm f’dik l-area aspetti illi rridu nissalvagwardjaw
il-landscape ta’hemmhekk huwa parti mil-landscape Malti
nkunu nxxamplati biżżejjed li nistgħu nissalvagwardjawh. Dan il-ġmiel ta’
din is-site partikolari li tagħtina din il-flessibbiltà li l-ebda
site Malta oħra ma setgħet tagħtina.
Il-fatt
li aħna nistgħu niddisinjaw, bil-pariri ta’ l-esperti naturalment,
nistgħu niddisinjaw golf course ta’ livell għoli ħafna però illi
jintegra ruħu man-natura tal-landscape Maltija. Interessanti
doppjament però huwa illi ma’ ġenb din is-site hemm area
sabiħa immens li mhix parti mill-golf course għaliex mhix parti
mis-site li se tiġi rriservata illi jista’ jkun, anzi l-ħsieb
tagħna huwa illi nużaw dan l-investiment fil-golf course, biex
din l-area tkun tista’ titgawda mill-Maltin u mill-Għawdxin u
ntellgħulha l-istandard tagħha u l-kwalità tagħha u allura minn
aspett ta’ natura, minn aspett ambjentali nkunu għamilna rebħa kbira
anki għal mod ta’ kif nistgħu niżviluppaw. U bi ħsiebna naraw u
nesploraw il-possibbiltà ta’ involvement tal-NGO’s f’dan il-ħsieb,
f’dan il-kunċett ta’ żvilupp ambjentali f’dik l-area sabiħa ħafna
f’pajjiżna.
Jekk
għandniex ikollna golf course oħra f’Malta jew le, issa għandna
l-golf course tal-Marsa illi nixtieq narah ikompli jiżviluppa,
nixtieq narah itejjeb anki l-kwalità tiegħu u interessanti li min hu
responsabbli mill-golf course tal-Marsa ħarġu wkoll favur il-golfcourse l-ġdida għar-raġunijiet illi kif spjegaw huma meta jkollok
dan it-tip ta’ turiżmu dak li jkun jieħu pjaċir ivarja l-esperjenza
tiegħu meta jkun qiegħed f’pajjiżna. U allura tajjeb li għandna l-golf
course il-Marsa, tajjeb illi se jkollna wkoll il-golf course
l-ġdid issa l-Mellieħa.
Dwar
il-golf course ta’Għawdex, assolutament, id-deċiżjoni diġà
ttieħdet fis-sens illi aħna naqblu li għandu jkun hemm il-golf course
fis-sit illi ġie identifikat però dik hija inizjattiva tal-privat. Mhix
inizjattiva tal-Gvern. Fil-privat hemm investitur partikolari li għandu
dan il-proġett illi ilu jiddiskuti ma’ l-Awtorità ta’ l-Ippjanar biex
jiżviluppa dan il-proġett u naturalment dak l-investitur bħal dak ta’
Malta jrid jasal għal proġett illi jkun skond il-kriterji u l-parametri
stabbiliti mill-Awtorità ta’ l-Ippjanar, u l-informazzjoni illi għandi
hija li għaddejjin bil-proċess biex f’Għawdex ukoll dan il-proġett ta’
investitur privat ikun skond il-parametri stabbiliti mal-Planning
Authority u nittama illi malajr kemm jista’ jkun din tingħalaq, għax
jekk se naslu għal konklużjoni li se nibqgħu ntawlu fuq din il-golf
course ta’ Għawdex allura nieħdu d-deċiżjoni li ma ssirx hemmhekk u
ssir xi mkien ieħor.
Jiġifieri jiena l-appell tiegħi hu li malajr kemm jista’ jkun wieħed
jasal għal konklużjoni biex din il-golf course isir għaliex
Għawdex għandu bżonn li hemm dan is-servizz biex itejjeb il-kwalità
tal-prodott turistiku tiegħu. Għandu bżonn ukoll ta’ faċilitajiet oħrajn
u nieħu pjaċir illi ġew imħabbra wkoll f’dawn il-ġranet illi għaddew,
għaliex Għawdex għandu bżonn ta’ faċilità ta’ Conference Tourism
ħafna iżjed milli għandu llum u ħadt pjaċir illi investitur privat ukoll
fil-proġett illi akkwista f’dawn l-aħħar ġranet b’approvazzjoni tal-Planning
Authority, se jkun qed jiżviluppa proġett partikolari illi se
jintroduċi f’Għawdex servizzi ta’ faċilitajiet għall-Konferenzi li sa
llum Għawdex ma għandux.
Dan
kollu flimkien mas-suċċess illi qed ikollu s-servizz tal-helicopter
anki għal dawk kollha li tant qalu affarijiet fuq is-servizz tal-helicopter
hawnhekk għandhom tweġiba ċara daqs il-kristall. Nispera li, jien
imma ma nafx, f’dan il-pajjiż min ikun tkellem b’mod ftit xhur ilu u
jirrealizza li għamel żball ma jkollux l-irġulija u jgħid isma jiena
għamilt żball, ma ġara xejn ngħidilu jien jekk ma jgħidiex hu, imma anki
s-servizz tal-helicopter u anki minn hawn u ftit ġranet oħra se
jerġa jibda x-xogħol fuq il-proġett ta’ l-Imġarr, fuq it-terminal ta’ l-Imġarr.
Jiġifieri x-xogħol illi aħna ħabbarna fil-ġimgħat illi għaddew fuq it-tempji
tal-Ġġantija u l-proċess illi issa għaddej biex dak il-ġojjell illi aħna
għandna tagħna aħna nagħmluh, jiena ngħid, statement ta’ l-identità
tagħna Maltija.
Dawn
l-affarijiet kollha flimkien se jpoġġu lil Għawdek f’destinazzjoni
speċjali. Diġà hija destinazzjoni speċjali, imma se npoġġu lil Għawdex
bħala destinazzjoni speċjali u unika, esperjenza għat-turist, barrani
jew anki jista’ jkun Malti li tkun esperjenza eċċezzjonali. Jiġifieri
dan kollu wieħed irid jarah f’dan il-qafas, illi l-istrateġija tagħna
hija illi aħna noħorġu l-ġmiel kollu ta’ pajjiżna fl-aspetti kollha li
għandu, sia bħala ambjent, sia bħala storja, però anki bħala esperjenza
turistika.
Glen Bedingfield – One News
Fuq
il-helicopter, għandek xi ċifri?
Prim Ministru
Iċ-ċifri ġew imsemmija mill-manager tas-servizz innifsu illi
laħqu ċ-ċifri tas-servizz li kien qiegħed jiġi pprovdut sa qabel,
mis-servizz preċedenti, u l-indikazzjonijiet huma pożittivi ħafna għal
dawn ix-xhur tas-sajf li ġejjin.
Rosanne Zammit – The Times
Wara
d-deċiżjoni tal-Libja, imbagħad tat-Tuneżija biex ikabbru l-fishing
zone tagħhom, Malta riċentement ressqet First Reading
fil-Parlament biex, naħseb, tagħmel xi ħaġa simili. Xi jfisser
eżattament dan il-First Reading u kemm nistgħu nagħmlu xi ħaġa
simili aħna. Jekk nagħmlu xi ħaġa simili tkun għal Malta, għall-Ewropa?
X’jiġri eżattament?
U
in view tal-prezz dejjem jogħla taż-żejt, is-surcharge ta’
17% ħa tiġi revised upwards?
Prim Ministru
Dwar
il-fishing zone, hemm regolamenti internazzjonali, ħadd mhu qed
jgħid li l-Libja għamlet xi ħaġa li ma kellix dritt tagħmel. Kellha
dritt li tagħmilha. Ħadd mhu qed jgħid li t-Tuneżija għamlet xi ħaġa li
ma kellix dritt tagħmel. Kellha dritt li tagħmilha. Malta għandha d-dritt
bħalma għandhom pajjiżi oħrajn, li hi wkoll tiddikjara l-fishing
zone. U hekk sejrin nagħmlu. Hija deċiżjoni
tal-Cabinet, wara diskussjoni li kellna fl-aħħar laqgħa tal-Cabinet,
il-ġimgħa li għaddiet, jew din il-ġimgħa, u d-deċiżjoni kienet li
aħna wkoll niddikjaraw l-fishing zone tagħna.
Madanakollu, irrid ngħid li aħna ma waqqafniex l-kuntatti fuq livelli
diplomatiċi, kemm mal-Libja, kemm mat-Tuneżija, biex il-ħin kollu
nfittxu l-aħjar soluzzjonijiet għas-sajjieda Maltin. Id-deċiżjoni tal-Libja
u tat-Tuneżija, għalkemm irrid nghid, id-deċiżjoni tat-Tuneżija għad
trid tiġi ċċarata iżjed, però ż-żewġ deċiżjonijiet at face value
jidhru illi għandhom impatt fuq is-sajjieda Maltin, u allura aħna
għandna l-obbligu, li mhux biss niddijkaraw il-fishing zone tagħna,
imma għandna l-obbligu u d-dmir li nkomplu fuq livelli diplomatiċi biex
naraw kif nistgħu nipproteġu bl-aħjar mod possibbli s-sajjieda Maltin.
Dwar
is-surcharge, ma nixtieqx nidħol f’iktar dettall. Nerġa’ ngħid
dak li għidt l-ewwel, qegħdin inkwetati ħafna bil-prezz taż-żejt, li
tela’ għal-livelli record, qatt ma kien, u li l-indikazzjonijiet
huma li se jkompli tiela’. F’dan l-istadju aħna għandna surcharge
ta’ 17% u l-Gvern qiegħed janalizza s-sitwazzjoni. X’se jkunu d-deċiżjonijiet,
dak issa naraw fil-ġimgħat illi ġejjin.
Karl StagnoNavarra – Net
News
Appropożitu ta’ l-inflazzjoni, meta kont qed tirreferi fuq li l-Gvern
jeżamina, permezz ta’ l-istrumenti li għandu, jekk hemmx xi affarijiet
impurtati, fost dawn hemm il-mediċinali u ħafna nies jitkellmu fuq
il-mediċina. Semmejt il-kelma wkoll cartels, mhux se nidħol
fil-mertu jekk hemm akkużi jew le, il-Gvern jista’ jintervjeni
fil-kwistjoni tal-mediċinali? Kif u fejn? Diġà hemm il-Gvern, wieħed
mill-ikbar xerrejja tal-mediċini li qed tisparalu n-nefqa. Kwistjoni
oħra hija dwar l-immigrazzjoni klandestina. Jidher li dan is-Sajf se
jkompli jikber l-ammont ta’ nies li jaslu, però fl-istess ħin hemm ukoll
kwestjoni finanzjarja tal-Gvern li qed tisparalu wkoll in-nefqa tiegħu,
mhux mistennija, għal aktar ċentri. Fl-istess ħin ukoll, qed jinbet
ċertu element ta’ razziżmu, qed naraw anke fil-gazzetti, ċertu attakki
fil-konfront ta’ l-immigranti. Inti tinkwetak din is-sitwazzjoni u
f’dan il-kuntest, ġej Malta wkoll Frattini, x’għandek tgħidlu lil
Frattini għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-għajnuna diretta ta’ l-Unjoni
Ewropea lejn Malta?
Prim Ministru
L-ewwelnett
fuq tal-mediċini. Fix-xhur illi għaddew, jiena waqqaft grupp ta’
esperti li magħhom hemm ukoll rappreżentanti tas-settur kummerċjali
f’pajjiżna, jiġifieri ta’ l-importaturi tal-mediċini ta’ l-ispiżjara
wkoll, biex jagħmlu analiżi tas-sitwazzjoni f’pajjiżna, u jispjegaw jew
jidħlu f’iżjed dettall, għar-raġunijiet li jista’ jkun qed iwasslu għal
żieda fil-prezz tal-mediċini.
Dan
l-eżerċizzju fil-fatt tlesta fil-ġranet li għaddew, għalhekk għidtilkom
fil-weekend naħseb għandi ħafna x’naqra! Huwa studju
interessanti li juru li hemm ċertu mediċini, li effettivament raħsu,
hemm oħrajn li żdiedu, però l-iktar ħaġa interessanti hija illi l-ispiża
globali żdiedet jew qiegħda tiżdied iktar milli minħabba raġunijiet ta’
żieda fil-prezzijiet imma pjuttost minħabba raġunijiet ta’ konsum ħafna
ikbar milli qatt kellna qabel.
Dan qed
iġegħilna nħarsu mill-viċin lejn sistemi tagħna, sistemi ta’ kontrolli
li aħna għandna, ħalli nkunu ċerti illi l-affarijiet qegħdin isiru kif
għandhom isiru u li jkollna f’pajjiżna dak li dejjem kellna, jiġifieri
mediċini li jkunu skond il-bżonn ta’ pajjiżna, ta’ l-aħjar kwalita’ u li
jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Jiġifieri hemm element qawwi soċjali li
jibqa’ ċentrali għall-Gvern. Aħna għandna dmir bħala Gvern li nipprovdu
l-poplu tagħna bil-mediċini li għandu bżonn jew li jkollu bżonn u li
jkunu l-aħjar mediċini possibbli¸ però rridu wkoll li jkollna sistema li
tkun sostenibbli.
U allura
qegħdin naraw is-sistema kollha kif inhi, l-effett jew l-impatt
tas-sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ mediċini, xi tfisser jew x’effett qed
ikollha fuq il-prezzijiet u qegħdin nesploraw x’alternattivi hemm li
jistgħu jippermettulna bħala pajjiż. Nixtru l-mediċini, però nixtruhom
bi prezzijiet irħas minn dawk li qed nixtruhom bħalissa. Jiġifieri hemm
ħafna xogħol illi sar fil-ġimgħat illi għaddew illi issa wasal għal
rapport b’rakkommandazzjonijiet u dawn se nkunu qegħdin nanalizzawhom
fil-ġranet li ġejjin, u jistgħu jkunu li jwassluna għal ċertu
deċiżjonijiet.
Dwar l-immigrazzjoni
rregolari. F’pajjiżna, iva nikkonferma, din hija preokkupazzjoni kbira.
Numri, s’issa, għadna qegħdin f’Lulju, diġa’ ssuperaw l-agħar sena li
kellna li kienet l-2002. U l-pressjoni hija kbira mhux żgħira. Il-Gvern
sadanittant għaddej bil-ħidma tiegħu kemm fl-open centres kif
ukoll fil-closed centres. F’dawn iċ-ċentri ta’ detenzjoni qed
isir xogħol ta’ kostruzzjoni, ta’ maintenance, biex l-ambjent
fejn jinżammu dawn l-immigranti rregolari jkun hemm ambjent xieraq
għalihom, però fl-istess ħin ambjent illi jkollna kontroll tas-sitwazzjoni
u li f’dak il-perjodu ta’ żmien inkunu nistgħu nanalizzaw il-każijiet
partikolari illi għandna.
Hija
issue illi aħna mbuttajna, qegħdin nimbuttaw u se nkomplu nimbuttaw
fuq livell Ewropew. Hemm ħafna affarijiet li nistgħu nagħmlu flimkien,
aħna qegħdin ngħidu illi hemm inizjattivi ta’ repatriation li
nistgħu nieħdu bħala pajjiżi Ewropej, flimkien. Aħna qegħdin ngħidu l-Unjoni
Ewropea għandha tpoġġi fondi għad-dispożizzjoni biex inkunu nistgħu mhux
biss nagħmlu repatriation, imma dawk li jiġu rikonoxxuti bħala
rifuġjati uffiċjalment jiġu integrati fil-komunitajiet fejn hemm il-bżonn
għalihom. Ninnutaw li ttieħdet deċiżjoni riċenti biex jiġi pprovdut
miljun euro illi aħna qed nifmuh bħala sinjal nominali għax
b’miljun euro lanqas biss nibdew. Imma l-fatt illi l-Unjoni
Ewropea rrikonoxxiet għall-ewwel darba dan is-settur, din it-tema, din
iċ-challenge, u allura bdiet tpoġġi finanzi għall-ewwel darba,
anke jekk nominali għaliha, naħseb huwa pożittiv.
Lill-Kummissarju
Frattini, se nirrepetu dan il-messaġġ li aħna ilna nagħmlu, m’għandniex
dubju illi l-Kummissarju Frattini jifhimna forsi iżjed minn ħaddieħor,
għax ġej minn pajjiż li wkoll qed ikollu problemi kbar b’riżultat ta’
immigrazzjoni irregolari, jiġifieri l-Italja. U allura l-pożittiv huwa
li hemm Kummissarju jifhem żgur l-identita’ u d-dimensjoni tal-problema
u jifhem ħafna iżjed li għal pajjiż żgħir bħal Malta din toħloq problema
u sfidi li pajjiżi oħrajn, proporzjonalment lanqas biss ixommu. Tagħna
hija ħafna, ħafna ikbar.
Madanakollu hemm aspett iktar wiesa’, jiġifieri illi l-problema ta’ l-immigrazzjoni
irregolari mhix se tissolva qatt billi aħna naħdmu iżjed fuq ir-repatriation,
ta’ l-integrazzjoni. Il-problema għandha dnub tan-nisel, DNA tagħha,
sors oriġinali tagħha u dak huwa d-dimensjoni tal-faqar tal-pajjiżi minn
fejn dawn huma ġejjin. U għaldaqstant huwa importanti li nħarsu lejn is-sors
oriġinali tal-problema, u nifhmu kemm huwa importanti dak li ġie diskuss
fil-laqgħat tal-G8. U nifhmu kemm huwa importanti illi l-pajjiżi
b’saħħithom ekonomikament, jgħinu lill-pajjiżi fqar. U nifhmu kemm huwa importanti issa, is-summit
li ġej tan-Nazzjonijiet Uniti. U nifhmu allura kemm huwa importanti
jekk dan is-suġġett naqbduh eventwalment fil-Commonwealth Heads of
Government.
Dawn
l-issues jindirizzaw is-sors oriġinali tal-problema - il-faqar li
jeżisti b’mod partikolari fil-kontinent Afrikan, partikolarment fis-sub-saharan
area, illi dik is-sitwazzjoni partikolari qiegħda tikkawża dan
il-moviment ta’ miljuni ta’ nies illi jirriskjaw ħajjithom biex
jippruvaw isibu ħajja aħjar. Naturalment hemm aspetti oħrajn, ta’ min
jisfrutta lil dawn in-nies, ta’ traffikar, jiġifieri hija kkomplikata
ħafna. Però dan hu l-messaġġ illi aħna bħala pajjiż inwasslu fil-livell
Ewropew u lill-Kummissarju Frattini.
Interessanti illi f’dawn il-ġranet li għaddew ġiet floated l-idea
li jkun hemm laqgħa tal-pajjiżi li huma l-iktar milquta, però
bil-parteċipazzjoni tal-Libja u pajjiżi oħrajn possibbilment, biex jiġi
diskuss dan is-suġġett. Malta offriet li tkun il-host, li żżomm
il-laqgħa f’pajjiżna. Naraw l-iżviluppi li se jkun hemm. L-offertà ta’
Malta ġiet apprezzata ħafna, però issa naraw il-parteċipazzjoni x’se
tkun u ma tkunx, u allura nittamaw li ssir din il-laqgħa u jekk issir
nittamaw li jkollha effetti pożittivi.
Fuq
ir-razziżmu. Din hija naturalment waħda mill-iktar affarijiet
inkwetanti, bħalma ġara f’pajjiżi oħrajn illi ffaċċjaw il-problema ta’
l-immigrazzjoni irregolari, kien hemm setturi f’soċjetajiet oħrajn illi
rreaġġixxew għal dawn il-problemi billi ħareġ iżjed l-effett ta’
razziżmu f’soċjeta’ oħra. Ma naħsibx li f’pajjiżna nistgħu ngħidu li
wasalna s’hemm, imma jdejquni ċertu kummenti illi jfissru illi aħna
għandna nikkunsidraw lil dawn in-nies mhux bħala bnedmin imma bħala
oġġetti u jiena ma naqbilx, u l-Gvern tiegħi ma jaqbilx, illi għandna
nieħdu dik l-attitudni. Dawn jibqgħu bnedmin, persuni, umani bid-dinjita’
kollha li tixirqilhom, aħna għandna obbligu mhux biss legali
bil-konvenzjonijiet internazzjonali li aħna dħalna għalihom, imma
obbligu ta’ poplu b’valuri qawwija li jirrispetaw id-dinjita’ umana. U
allura rridu nżommu dan kollu waqt li nindirizzaw il-problema ta’ l-immigrazzjoni
rregolari, però konxji wkoll tal-pressjonijiet kbar li aħna għandna
f’pajjiżna u rridu nfittxu soluzzjonijiet għal din il-problema, però li
jirripettaw id-dinjita’ tal-persuni li aħna qegħdin nittrattaw magħhom.
Nikkundanna jien, l-inċidenza hija żgħira ħafna, però nikkundanna kull
forma ta’ espressjoni razzista li jista’ jkun hawn mhux biss f’pajjiżna
imma f’pajjiżi oħrajn.
Fr Noel Grima – The Malta Independent on Sunday
Fuq
dan is-suġġett, ftit relatat però. F’dawn il-ġranet kien hemm dak l-issue
li qajjem Tony Zarb fuq il-ħaddiema Indjani u li ’l bieraħ il-Gvern
u l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni ħareġ stqarrija fuqha wkoll. Dawn huma
ħaddiema bil-work permits li kienu qegħdin jiġu impjegati, li
huma impjegati biż-Lm2 fil-ġimgħa. Issa, kif ġara
dan? Kif jista’ jiġri dan? Kif ma jinqabadx? U kif isir xogħol fuq l-Isptar
tal-Gvern jiġifieri, kif ukoll dawn qegħdin jieħdu xogħol il-ħaddiema
Maltin? U allura dik l-inizjattiva li tħabbret bħal lum tmint ijiem minn
żewġ Ministri biex dawn jiġu regolarizzati u hija aktar inċentiv biex
isiru aktar minn dan it-tip ta’ sfruttament?
Prim Ministru
L-ewwel
nett ħa nkunu ċari. F’dan il-każ dawn huma
ħaddiema regolari bil-permessi kollox eċċ. Biex ħarġu dawk il-permessi
l-employer ta l-informazzjoni ta’ x’tip ta’ ħaddiema u r-raġunijiet
għaliex ikun irid jimpjega dawk il-ħaddiema u jkun ħareġ il-permess bil-kundizzjonijiet
li jkun taħ l-employer. U dawn il-kundizzjonijiet ikunu fissru l-minimum
wage jew il-paga li tkun aħjar mill-minimum wage, il-kundizzjonijiet
partikolari. Infakkar li meta għamilna l-liġi l-ġdida dwar ix-xogħol u
r-relazzjonijiet industrijali, taħt dik il-liġi għall-ewwel darba fl-istorja
ta’ pajjiżna ħarġu regolamenti li jipproteġu d-drittijiet ta’ ħaddiema
barranin li jkunu qed jaħdmu hawn Malta naturalment b’mod illegali. U
allura hemm protezzjoni. Din il-liġi tagħna lil dawn il-ħaddiema illi
m’għandhomx ikollhom kundizzjonijiet inqas minn ħaddiema sħabhom li
jkunu qegħdin jaħdmu fuq dan ix-xogħol jew jkollhom minn ta’ l-inqas il-kundizzjonijiet
minimi stabbiliti bil liġi tagħna. Jiġifieri dak li għandu x’jaqsam mal-minimum
wage, dak li għandu x’jaqsam mal-leave, dak li għandu
x’jaqsam mas-sick leave. Kollox huwa
stabbilit. L-informazzjoni li għandi fuq dan il-każ huwa illi dawn
il-ħaddiema ngħataw dawn il-kundizzjonijiet, però jirriżulta illi wara
li ġew ħadmu hawn Malta l-employer ma kienx qed jagħtihom dak li
kien obbligat li jagħtihom.
L-informazzjoni
li għandi hi li huma stess, il-ħaddiema marru jirraportaw il-każ lid-Direttur
tax-Xogħol, is-Sur Frank Pullicino, fil-5 ta’ Lulju li għadda. Dakinhar
stess id-Direttur tax-Xogħol ħa azzjoni. Bagħat għar-rappreżentant ta’
l-employer u dakinhar stess dan ir-rappreżentant ta’ l-employer
jew l-employer kellu jagħti lil dawn il-ħaddiema l-arretrati
kollha ta’ paga li kellu jagħtihom skond il-liġijiet Maltin. Din l-informazzjoni
li jiena għandi. Jiġifieri minn naħa tad-Dipartiment tax-xogħol l-azzjoni
saret, saret anki b’koordinazzjoni tal-General Workers Union li
intervjeniEt ukoll fl-isem ta’ dawn il-ħaddiema, u d-Direttur tax-Xogħol
qiegħed isegwi mill-viċin x’qed jiġri minn dawn il-ħaddiema u jara li l-kundizzjonijiet
stabbiliti, nerġa’ nirrepeti sia fil-kundizzjonijiet minimi stabbiliti
mill-liġi Maltin, però anki bil-kuntratti tax-xogħol li għandhom dawn l-individwi
jkunu seqwiti u ma jkunx hemm abbuż. U jekk ikun hemm abbuż il-Gvern
irid, id-Direttur tax-Xogħol għandu l-instructions jieħu l-passi
skond il-liġi fil-konfront ta’ l-employer li jkun qed jabbuża.
Dwar
jekk dawn il-ħaddiema, għalhekk qed ngħid nagħmlu differenza li
nisseparaw din l-issue mill-issue li ttratta l-Ministru
Galea għaliex dik kienet xi ħaġa oħra, dawn ħaddiema irregolari illi
wieħed issa jaqbel kif jittratta l-ħruġ tal-permessi. Il-proċess kollu
imma m’għandux x’jaqsam ma’ dan il-każ partikolari. Dawn kienu regolari
bil-permessi kollha in place, ma kien hemm xejn li ma kienx qed
isegwi dik il-parti tal-proċedura. Li kien hemm f’dan il-każ jidher,
inpoġġiha hekk għax id-Direttur tax-xogħol irid jagħmel l-investigazzjoni.
Jidher li l-employer ma kienx qed iħallas l-ammonti ta’ flus.
Dwar
li dawn jieħdu postijiet tax-xogħol tal-Maltin, naħseb illi dan il-punt
ħareġ ukoll waqt il-Press Conference illi għamlu l-Ministru Louis
Galea u l-Ministru Tonio Borg, huwa fatt u jiena dan nafu jien personali
fis-sens illi jien għamilt ħames snin bħala Ministru tal-Politika
Soċjali. Laqgħat, mhux l-ewwel darba li kelli imma partikolarment ma’
kuntratturi fil-qasam tal-kostruzzjoni f’pajjiżna imma mhux dak il-qasam
biss li kienu jgħiduli li mhux qed isibu ħaddiema Maltin li kienu lesti
li jidħlu għal xogħlijiet li huma kellhom bżonn u li minħabba f’hekk
il-kuntratturi li kellhom kuntratti li rebħu b’tenders u t-target
dates u d-deadlines ma kinux qed ilaħħqu ma’ dawk id-deadlines
għax ma kinux qed isibu biżżejjed Maltin li jimlew dawk il-postijiet
tax-xogħol. Huwa f’dawk is-sitwazzjonijiet illi l-unit li hija
responsabbli għal ħruġ ta’ working permits, tikkunsidra dan kollu
u tara jekk effettivament il-kategorija ta’ impjieg jekk tkunx
kategorija ta’ impjieg li tkun qiegħda vera tieħu l-postijiet tax-xogħol
tal-Maltin jew inkella jkunx il-każ fejn il-Maltin ma jkunux iridu
jidħlu f’dak it-tip ta’ xogħol.
Kurt Sansone – Maltatoday
Rigward ir-rapport ta’ l-Imħallef Debasquale?
Prim Ministru
Le,
kif għidtilkom kemm-il darba nħalli kompletament f’idejn l-Imħallef,
però bħalma kien hemm jidhirli kumment ukoll f’dawn il-ġranet illi
għaddew, u jirriżulta bħala fatt illi l-Imħallef Debasquale qaddej
b’ritmu qawwi ta’ xogħol fis-sens illi qiegħed jintervista wieħed wieħed
in-numru ta’ nies sostanzjali li kienu involuti f’dak il-każ però ma
nixtieqx nikkummenta. Nerġa’ nirrepeti illi nħalli f’idejn l-Imħallef
biex jagħmel ir-rapport tiegħu kif jidhirlu hu.