Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tistabbilixxi illi l-Bandiera Nazzjonali ta’
Malta tikkonsisti f’ żewġ strixxi vertikali ndaqs, bajda ma’ l-arblu u ħamra
n-naħa ta’ barra. Rappreżentazzjoni tal-George Cross, mogħti lil
Malta mill-Maestà Tiegħu r-Re George VI fil-15 ta’ April, 1942, imdawra
bl-aħmar, tinsab fir-rokna ta’ fuq ta’ l-istrixxa l-bajda b’linja ħamra
fir-rokna ta’ fuq ta’ l-istrixxa l-bajda. Il-wisa’ tal-bandiera huwa ta’
darba u nofs l-għoli tagħha. (Ikklikkja fuq
il-bandiera għal verżjoni b’resolution għolja)
L-emblema ta’ Malta
L-Att dwar l-Arma u
s-Siġill Pubbliku ta’ Malta (Kap. 253) jiddeskrivi l-emblema ta’ Malta bħala
tarka li turi rappreżentazzjoni araldika tal-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta; fuq
it-tarka kuruna murali kulur id-deheb b’pusterla u tmien turretti (ħamsa minnhom
biss jidhru) li tirrappreżenta l-fortifikazzjonijiet ta’ Malta u tindika Belt
Stat; u madwar it-tarka girlanda magħmula minn żewġ fergħat, fil-lemin tagħha
Żebbuġa, fix-xelluq tagħha Palma, simboli ta’ paċi u tradizzjonalment assoċjati
ma’ Malta, kollha bil-kulur veru tagħhom u marbutin fit-tarf ta’ isfel
b’żigarella bajda fuq quddiem u ħamra fuq wara, li fuqha hemm miktuba l-kliem
"Repubblika ta' Malta" b’ittri kapitali suwed.
Il-bandiera Presidenzjali
ta’ Malta
Il-Proklama tat-12 ta’ Diċembru, 1988, stabbiliet
il-Bandiera Presidenzjali ta’ Malta. Din il-bandiera tittajjar fuq il-bini
tar-residenza uffiċjali u uffiċċji tiegħu u f’dawk l-okkażjonijiet kollha fejn
huwa jkun preżenti. Għandha l-istess proporzjon daqs il-Bandiera Nazzjonali u
tikkonsisti fi sfond ikħal bl-Arma ta’ Malta fin-nofs tagħha; u s-Salib ta’
Malta ta’ lewn id-deheb f’kull rokna.
Il-bandiera Merkantili
ta’Malta
L-Att dwar il-Bastimenti Merkantili (Kap. 234) stabbilixxa l-Bandiera Merkantili
ta’ Malta li tikkonsisti fi sfond aħmar bil-bordura bajda, b’Salib ta’ Malta
abjad fin-nofs tagħha.
Il-bandiera użata
mill-Arċisqof ta’ Malta
Il-bandiera li juża l-Arċisqof ta’ Malta tikkonsisti minn żewġ strixxi vertikali
ta’ l-istess daqs, l-isfar in-naħa ta’ l-arblu u l-abjad fuq barra.
Pennant
użat mill-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta
Il-pennant użat mill-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta
jikkonsisti fi sfond aħmar bis-simbolu tal-Forzi Armati lewn id-deheb fin-nofs
tiegħu.
Il-pennant użat mill-Kummisarju tal-Korp tal-Pulizija
jikkonsisti fi sfond ikħal bis-simbolu tal-Korp tal-Pulizija fin-nofs tiegħu.
2. a.
Hija d-drawwa illi l-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta tittajjar biss minn tlugħ
sa nżul ix-xemx fuq bini u arbli stazzjonarji fil-beraħ. Minkejja dan,
tista’ tittajjar bil-lejl f’okkażjonijiet speċjali u f’dan il-każ għandha
preferibbilment ikollha d-dawl fuqha.
b.
Il-Bandiera Nazzjonali għandha tittella’ bil-ħeffa u titniżżel u b’mod
ċerimonjali.
ċ.
Il-Bandiera Nazzjonali għandha tittajjar ħdejn il-bini prinċipali ta’
l-amministrazzjoni ta’ kull istituzzjoni pubblika, fil-ġranet kollha, meta
t-temp jippermetti, speċjalment fil-Festi Nazzjonali,.
d.
Il-Bandiera Nazzjonali għandha tittajjar matul il-ġranet ta’ l-iskola, fuq
jew ħdejn kull bini ta’ skola u ġewwa jew qrib kull post ta’ votazzjoni
fil-ġranet ta’ l-elezzjoni.
Il-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta, meta tinġarr waqt
purċissjoni ma’ bandiera jew bnadar oħra, għandha tkun fuq il-lemin tal-fila,
jiġifieri, fuq il-lemin tal-Bandiera Nazzjonali stess jew, jekk in fila ma’
bandieri oħra, tkun fuq quddiem tan-nofs ta’ dik il-fila.
Il-Bandiera Nazzjonali, meta tkun imdendla ma’
bandiera oħra ma’ xi ħajt b’arbli msallbin, għandha tkun fuq il-lemin, u l-arblu
tagħha għandu jkun imsallab fuq l-arblu tal-bandiera l-oħra.
Ħadd m’għandu jdendel xi bandiera oħra b’mod
ugwali, ogħla jew f”pożizzjoni ta’ aktar prominenza jew unur jew flok
il-Bandiera Nazzjonali; basta li xejn ma jżomm dak li soltu jsir meta
jiddendlu bnadar ta’ organizzazzjonijiet li tagħhom Malta hija membru
f’pożizzjonijiet ugwali, ta’ prominenza jew unur ugwali jew superjuri ma’
dik tal-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta; jew li jiddendlu bandieri ta’ pajjiżi
oħra f’ f’pożizzjonijiet ta’ l-istess prominenza jew unur ma’ dik
tal-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta matul żjarat ta’ Kapijiet ta’ Stat jew
Gvern jew meta jsiru laqgħat internazzjonali f’Malta.
Il-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta għandha tkun
fin-nofs u fl-ogħla pożizzjoni meta għadd ta’ bandieri jkunu ħdejn xulxin u
jittajru mill- arbli.
Meta bandieri jittajru minn arbli ma’ ġenb
xulxin, il-Bandiera Nazzjonali għandha tittella’ l-ewwel waħda u titniżżel
l-aħħar waħda. L-ebda bandiera jew pennant m’għandha tittajjar ogħla
mill-Bandiera Nazzjonali jew fuq il-lemin tagħha.
Purċissjoni bil-Bandiera Nazzjonali flimkien ma’ bandiera oħra.
Purċissjoni
bil-Bandiera Nazzjonali flimkien ma’ bandieri oħra.
Il-Bandiera
Nazzjonali ma’ bandiera oħra quddiem ħajt.
Il-Bandiera
Nazzjonali f’nofs u fl-ogħla pożizzjoni fi grupp ta’ bandieri.
e.Meta bandieri ta’ żewġ nazzjonijiet jew aktar ikunu qegħdin jittajru,
dawn għandhom jittajru fuq arbli separati fl-istess għoli. Il-bandieri għandhom
ikunu ta’ l-istess daqs. Il-prattika internazzjonali ma tippermettix li
bandiera ta’ nazzjon tittajjar ’il fuq minn dik ta’ nazzjon ieħor.
f.Meta l-Bandiera Nazzjonali tittajjar minn arblu għandha tittella’
sal-quċċata ta’ l-arblu, kemm-il darba ma tkunx mezzasta.
g.Il-Bandiera Nazzjonali, meta tittajjar mezzasta, għandha tittella’
sal-quċċata għal mument u wara titniżżel bilmod sal-pożizzjoni ta’ mezzasta.
Għandha terġa’ tittella’ sal-quċċata qabel ma titniżżel fi tmiem il-jum.
“Mezzasta” tfisser li l-Bandiera Nazzjonali titniżżel sa nofs id-distanza bejn
il-quċċata u isfel ta’ l-arblu. Jistgħu jitwaħħlu żigarelli tal-crepe
’il fuq mill-bandiera bħala sinjal ta’ luttu. Il-bandieri għandhom jittajru
mezzasta fuq bini tal-Gvern meta joħorġu struzzjonijiet għalhekk mill-Uffiċċju
tal-Prijm Ministru.
h. Meta jesponu l-Bandiera Nazzjonali b’mod ieħor milli
tittajjar minn arblu, għandha titqiegħed ċatta, b’dik in-naħa li tittajjar ma’
l-arblu fuq in-naħa tax-xellug ta’ l-udjenza, sew jekk tkun ġewwa kif ukoll
barra, jew imdendla b’mod illi t-tinjiet jaqgħu bħalli kieku kienet tittajjar
minn ma’ arblu.
L-ebda
bandiera jew pennant ma jistgħu jitqiegħdu f’pożizzjoni ogħla
mill-Bandiera Nazzjonali jew fuq il-lemin tagħha.
Il-Bandiera
Nazzjonali li tkun esposta ċatta f’postijiet pubbliċi mingħajr arblu
Il-Bandiera
Nazzjonali għandha titqiegħed fuq in-naħa tal-lemin tal-kelliem
Is-Salut
Meta tittella’ ma’ arblu
f’sala pubblika jew awditorju, il-Bandiera Nazzjonali għandha tokkupa
l-pożizzjoni ta’ unur u titqiegħed fuq il-lemin tal-kelliem waqt li jkun iħares
lejn l-udjenza. Kull bandiera oħra esposta fuq platform għandha titqiegħed fuq
ix-xellug tal-kelliem hekk kif iħares lejn l-udjenza.
Meta
l-Bandiera Nazzjonali tintuża biex tgħatti tebut, għandha titqiegħed b’mod li l-George
Cross ikun fuq in-naħa tar-ras u fuq l-ispalla x-xellugija. M’għandhiex
titħalla tmiss ma’ l-art, l-anqas titniżżel fil-qabar.
Il-Bandiera
Nazzjonali ta’ Malta m’għandha tiksi l-ebda parti ta’ xi vettura.
a.Meta jkun f’Malta l-President għandu jkollu l-Bandiera Personali tiegħu
ma’ l-arblu tan-nofs tal-vettura u meta jkun abbord bastiment militari Malti fuq
in-naħa tal-lemin tal-bastiment. Meta l-President ikun jivvjaġġa fl-istess
vettura ma’ xi ħadd ta’ l-istess grad, il-bandiera tal-Kap ta’ Stat li jkun fuq
iż-żjara għandha tingħata l-pożizzjoni ta’ kortesija fuq in-naħa tal-lemin. Meta
jkun barra minn Malta, il-President għandu jkollu l-Bandiera Nazzjonali fuq
il-lemin u l-Bandiera Personali tiegħu fuq ix-xellug tal-vettura tiegħu.
b.Il-Prim Ministru għandu jkollu l-Bandiera Nazzjonali ma’ l-arblu tan-nofs
tal-vettura tiegħu minbarra meta jkun qed jivvjaġġa fl-istess vettura ma’ xi
ħadd ta’ l-istess grad tiegħu; f’dan il-każ il-bandiera tal-Kap tal-Gvern li
jkun fuq iż-żjara għandha tingħata l-pożizzjoni ta’ kortesija fuq in-naħa
tal-lemin.
c.Ambaxxaturi barranin akkreditati Malta, organizzazzjonijiet ibbażati
f’Malta jew konferenzi li jsiru f’Malta, għandu normalment ikollhom il-bandieri
tagħhom fuq in-naħa tax-xellug tal-vettura. Kapijiet ta’ Stat jew Gvern li jkunu
fuq żjara għandu normalment ikollhom il-bandieri tagħhom ma’ l-arblu tan-nofs
tal-vettura tagħhom, għalkemm xejn m’għandu jżommhom milli jimxu fuq id-drawwiet
ta’ pajjiżhom.
d.Il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta
jistgħu jtajru l-pennants tagħhom mill-arblu tan-nofs tal-vetturi
tagħhom. Minbarra kif diġà msemmi aktar qabel, u kif hemm indikat għall-Arċisqof
ta’ Malta li jista’ jtajjar il-bandiera tiegħu mill-arblu tan-nofs tal-vettura
tiegħu, l-ebda persuna oħra f’Malta ma tista’ ttajjar bandiera jew pennant
fuq il-vettura tiegħu.
e.
Biex itajru l-Bandiera Nazzjonali fuq il-vetturi tagħhom, l-Ambaxxaturi Maltin
barra minn Malta għandhom jimxu fuq id-drawwiet tal-pajjiż li miegħu jkunu
akkreditati
Bastimenti f’ibħra
territorjali Maltin għandhom jimxu fuq drawwiet marittimi internazzjonali.
a.Bastimenti militari Maltin għandu jkollhom il-Bandiera Nazzjonali ta’
Malta bħala l-ensign tagħhom.
b. Bastimenti ċivili Maltin għandu jkollhom il-Bandiera
Merkantili ta’ Malta bħala l-ensign tagħhom.
Bastimenti
militari Maltin għandu jkollhom bandiera kwadra ħamra bil-George Cross
fuq sfond kwadru fin-nofs tagħha. F’kull rokna tal-kwadru aħmar għandu jkollha
Salib ta’ Malta abjad.
L-Att dwar l-Arma u s-Siġill Pubbliku ta’ Malta (Kap.
253) jistabbilixxi li jkun illegali li xi ħadd ikasbar pubblikament bi kliem,
ġesti, kitba, stampata jew le, bi stampi jew b’xi mod ieħor viżibbli jew li b’xi
mod iħassar, il-Bandiera Nazzjonali ta’ Malta jew l-Arma ta’ Malta.
Jistabbilixxi wkoll li huwa illegali li żżid f’xi disinn il-Bandiera Nazzjonali,
l-Arma jew Armi ta’ qabel ta’ Malta, għal xi għan ikunu xi jkun, mingħajr
l-awtorità bil-miktub tal-Prim Ministru, jew mhux skond xi kundizzjoni mogħtija
bil-miktub minn xi awtorità.
Qatt m’għandu jiżdied jew jitwaħħal fuq
il-Bandiera Nazzjonali, jew xi parti minnha, xi sinjal, insinja, ittra, kelma,
figura, disinn, stampa jew tpinġija ta’ xi ġeneru ieħor.
Barra minn meta bastimenti jkunu qed jimxu fuq
drawwiet marittimi internazzjonali, il-Bandiera Nazzjonali m’għandha titbaxxa
għal ħadd u xejn. Bandieri reġimentali, bandieri lokali, bandieri ta’
organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet għandhom jitbaxxew bħala sinjal ta’
rispett lejn il-Bandiera Nazzjonali.
Il-Bandiera Nazzjonali qatt m’għandha tittajjar
bil-George Cross fuq in-naħa ta’ isfel ħlief bħala sinjal ta’ hemm kbir.
Il-Bandiera Nazzjonali m’għandhiex tintuża biex
tgħatti monument jew plakka kommemorattiva f’ċerimonji ta’ kxif. Għandha tkun
distintiv li jiġbed l-attenzjoni waqt iċ-ċerimonja u biex jgħattu għandhom
jintużaw l-abjad u l-aħmar, mhux fi proporzjonijiet tal-Bandiera Nazzjonali.
Il-Bandiera
Nazzjonali m’għandha qatt u bl-ebda mod tintuża għal skopijiet ta’ reklamar. Ma’
l-arblu u mal-ħabel li magħha tittella’ u tittajjar il-Bandiera Nazzjonali
m’għandhomx jitwaħħlu sinjali ta’ reklamar.
Il-Bandiera Nazzjonali m’għandha qatt tintuża
bħala panneġġ tkun xi tkun l-għamla tiegħu, qatt ma tinġibed lura, jew ’il fuq,
f’tinjiet, iżda dejjem għandha titħalla tittajjar u mitluqa għal riħha.
Waqt iċ-ċerimonja tat-tlugħ u l-inżul tal-Bandiera
Nazzjonali jew meta l-Bandiera Nazzjonali tkun għaddejja f’parata jew
sfilata, dawk kollha preżenti għandhom iħarsu lejn il-Bandiera Nazzjonali u
joqogħdu dritti. Dawk preżenti libsin l-uniformi għandhom jagħtu s-salut
militari. Meta ma jkunux bl-uniformi, l-irġiel għandhom ineħħu l-għata minn
fuq rashom. Il-barranin ukoll għandhom joqogħdu dritti. Is-salut
lill-Bandiera Nazzjonali waqt l-isfilata għandu jingħata fil-ħin li din tkun
għaddejja minn quddiemhom.
Kull meta l-Bandiera Nazzjonali tinżeba’ fuq ġenb ta’ bastiment
jew ajruplan, in-naħa ta’ ma’ l-arblu għandha titqies dejjem bħala l-pruwa
tal-bastiment jew in-naħa ta’ quddiem ta’ l-ajruplan u n-naħa ta’ barra
tal-bandiera għandu jħares lejn il-poppa tal-vapur jew in-naħa ta’ wara ta’
l-ajruplan.
Ajruplani
militari Maltin għandu jkollhom fuq il-ġwienaħ u fuq il-fuselage
marka ċirkulari magħmula minn George Cross imdawwar bl-aħmar f’nofs
ċirku abjad ġo ċirku aħmar.
Ajruplani
militari Maltin għandu jkollhom rudder jew finflash
magħmul minn żewġ strixxi vertikali ndaqs, waħda bajda u l-oħra ħamra, bil-George
Cross fuq l-ewwel terz tal-parti l-bajda fuq quddiem.