DISKORS MILL-ONOR, EDWARD FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TA' L-ISKAMBJU TA' AWGURI GĦAS-SENA L-ĠDIDA
MAL-KORP DIPLOMATIKU - AUBERGE DE CASTILLE - IL-ĠIMGĦA, 11 TA' JANNAR 2002
Waqt li nagħtikom merħba, għan-nom tiegħi u tal-kollegi tiegħi kollha nixtieq lilkom u lill-familji tagħkom
l-awguri tas-sena l-ġdida.
Nixtieq ukoll nieħu din l-opportunità biex inwassal, permezz tagħkom,
l-awguri u l-isbaħ xewqat mill-Gvern u l-poplu ta' Malta lill-Gvernijiet u lill-popli rispettivi tagħkom.
Sensiela waħda ta' ġrajjiet tiddomina l-ħsibijiet tagħna fis-sena li għadna kemm ħriġna
minnha. Bla dubju ta' xejn, l-attakki tal-11 ta' Settembru għad jibqgħu stampati fil-memorja
ta' kull individwu għal kemm idum ħaj. Għal ħafna żmien, il-komunità internazzjonali se
tibqa' tbati l-impatt ekonomiku ta' dawn l-attakki. Bla dubju ta' xejn iżda,
l-akbar effett tagħhom żgur se jkun il-mod kif se jbiddlu l-ideat u
l-azzjonijiet tagħna fir-rigward ta' dak li nqisu bħala l-vantaġġi u
d-djufija ta' dinja dejjem aktar globalizzata.
Il-mod kif tfaċċat l-alleanza mondjali virtwali kontra t-terroriżmu hija
r-risposta immedjata u inkoraġġanti kontra l-attakki tal-11 ta'
Settembru. Dak li aktar jimliena bil-kuraġġ huwa l-fatt li l-qirda tal-manifestazzjoni viżibbli
tat-terroriżmu hija biss il-bidu ta' din il-ħidma. Din trid tkun akkompanjata minn sforz kontinwu u determinat biex jiġu eliminati
r-raġunijiet li bħall-għeruq imantnu l-għadab, il-fanatiżmu u
l-preġudizzju li fuqhom jixxettel it-terroriżmu. Kif jgħallmuna l-ġrajjiet reċenti, u dawk anqas reċenti, dawn huma
l-għedewwa veri tas-soċjetà ċivilizzata - aktar terribbli għaliex, għalkemm mistmerra u perikolużi fihom infushom - jitqanqlu minn motivi profondi
fin-natura umana.
Hawn Malta qed inbatu mill-istess impatt ekonomiku u politiku ta' dak li ġara fil-11
ta' Settembru u qegħdin nagħtu sehemna attivament fl-alleanza
mondjali. Ħadd miċ-ċittadini tagħna ma kien vittma diretta
tat-traġedja. Il-ħsibijiet tagħna jingħaqdu ma' dawk li kienu anqas ixxurtjati minna u nixtieq li permezz
ta' dawk fostkom li jirrappreżentawhom, mill-ġdid intenni lill-familji tagħhom
is-sentimenti tagħna ta' simpatija u solidarjetà.
Jekk nagħtu ħarsa aktar wiesgħa lejn dak li ġara matul l-aħħar
sena, naraw is-solita taħlita ta' żviluppi pożittivi u oħrajn anqas pożittivi. Għal Malta, wieħed mir-raġunijiet għal tħassib serju joħroġ
mill-fatt li matul il-biċċa l-kbira tas-sena s-sitwazzjoni tal-Lvant Nofsani baqgħet dejjem tmur għall-agħar. Xi drabi kien hemm ħjiel
ta' xi titjib. Iżda, il-gravità persistenti tas-sitwazzjoni ma tistax tiġi
injorata. Wieħed irid iħares lura ftit tas-snin, u jqabbel
is-sitwazzjoni preżenti ma' dik li kienet hemm fid-disgħinijiet, biex wieħed japprezza dan
il-fatt.
Malta tilqa' u tinkoraġġixxi l-enerġija mħedda li biha l-Istati Uniti qed jistinkaw għall-ideal tal-paċi bejn l-Israel u
l-Palestinjani. Bl-istess mod aħna nilqgħu u nappoġġjaw
il-mod li bih l-Unjoni Ewropea qiegħda tkompli tfittex rwol aktar dirett u insistenti
fir-reġjun. Inħossuna maħsuda u mnikkta b'din it-traġedja umana li qed tiżvina kemm lill-Israeliti kif ukoll
lill-Palestinjani. Aħna ma naqblux ma' l-idea li hemm xi konnessjoni ġustifikabbli u diretta bejn
l-iżvilupp fil-Lvant Nofsani u dak li ġara banda oħra. B'mod partikolari nixtiequ nirreżistu l-idea li
l-isforzi kollha b'riżq il-koperazzjoni reġjonali fil-Mediterran għandhom ikunu subordinati għas-sitwazzjoni fil-Lvant
Nofsani.
Iżda fl-istess waqt, ma nistgħux ninjoraw ir-riperkussjonijiet negattivi li l-ġrajjiet tal-Lvant Nofsani qed ikollhom fuq il-proċess tal-koperazzjoni
Ewro-Mediterranja. B'mod konsistenti aħna esprimejna l-ansjetà tagħna dwar kemm
tista' tkun instabbli u inċerta ż-żona Mediterranja. Dan jitqanqal
mill-fatturi bażiċi politiċi, ekonomiċi u soċjali li huma inerenti f'dan ir-reġjun u li jeħtieġu soluzzjoni fil-qafas tal-konsultazzjonijiet u
l-koperazzjoni reġjonali. Il-Proċess ta' Barċellona jippreżenta
l-aqwa opportunità għal din il-koperazzjoni. Hemm inizjattivi oħra, bħalma huwa l-Forum
Mediterranju, li huma wkoll ta' siwi f'dan ir-rigward, u li tagħhom Malta hija promotriċi u parteċipanti
attiva. Aħna nibqgħu impenjati bis-sħiħ biex inżommu u ntejbu
r-relevanza u l-vijabilità ta' dawn il-proċessi.
Mil-lat pożittiv, is-sitwazzjoni fil-Balkani baqgħet stabbli f'dawn l-aħħar
xhur. Membri tan-NATO u l-Unjoni Ewropea komplew jibnu bl-inizjattiva fil-Maċedonja, fuq dik
l-azzjoni kuraġġuża u f'waqtha li kienu ħadu
fil-Kosovo. Ir-riżultati s'issa kienu wkoll inkoraġġanti. Fis-snin reċenti
r-reġjun tal-Balkani kellu aktar minn biżżejjed traġedji li jitqanqlu meta ma jitrażżnux il-preġudizzju u
l-fanatiżmu. Il-ġrajjiet ta' l-aħħar sentejn,
madankollu, jaffermaw mill-ġdid il-valur ta' koperazzjoni internazzjonali effettiva li għenet biex issolvew anke dawk il-problemi
li, f'ċerti waqtiet, kienu jidhru bla soluzzjoni.
Bilanċ simili ta' konsiderazzjonijiet pożittivi u negattivi jitfaċċa
fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika internazzjonali li għaddejjin
minnha. Matul l-aħħar sena din waqgħet ġo fażi negattiva li mbagħad ħżienet aktar bil-ġrajjiet tal-11
ta' Settembru. Fl-istess waqt il-proċess tal-koperazzjoni internazzjonali
baqa' għaddej. Din is-sena rat id-dħul tant mistenni taċ-Ċina
fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. F'Doha, il-prospetti għal sensiela ġdida
ta' negozjati kummerċjali wkoll ingħataw spinta siewja 'l
quddiem.
Forsi l-aspett l-aktar inkoraġġanti fl-aħħar żviluppi kien bla dubju
ta' xejn il-fatt li qajla qajla qed tiżdied l-evidenza li l-komunità internazzjonali għandha riservi
ta' adattabilità u solidarjetà, li jippermetulha tiffaċċja
l-aktar sfidi kbar u straordinarji. F'dan is-sens ir-reazzjoni mondjali għall-ġrajjiet tal-11
ta' Settembru ma kenitx fenomenu iżolat.
Din seħħet fil-kuntest tal-prontezza tal-potenzi l-kbar li jsolvu d-diffikultajiet tagħhom, kultant bil-wisq sensittivi u
kumplessi, permezz tad-djalogu kalm u bil-paċenzja. F'għadd sostanzjali
ta' drabi, in-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra qed jitħallew jeżerċitaw ir-rwol
siewi, u ta' spiss indispensabbli, tagħhom biex jiu attakkati l-problemi u solvuti
l-kwistjonijiet bejn l-istati.
Minn kull aspett, l-għoti tal-premju Nobel lill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tagħha kien simboliku għal żminijietna u assigurazzjoni pożittiva għal ġejjieni.
Il-komunità dinjija għadha ma waslitx fl-istadju fejn tkun lesta li tafda f'idejn
in-Nazzjonijiet Uniti r-responsabbiltà sħiħa għaż-żamma tal-paċi u
s-sigurtà, kif wieħed kien jittama wara aktar minn nofs seklu mit-twaqqif tagħha. Iżda hemm mod ġdid u impressjonanti li permezz tiegħu
l-proċessi multilaterali stabbiliti qed isiru elementi integrali fil-ħajja u
l-operat tal-komunità internazzjonali.
Matul l-aħħar ftit jiem, parti kbira miċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea bdew jipparteċipaw
fl-istadji finali ta' inizjattiva b'sinifikat kbir u influwenti, politiku daqskemm
ekonomiku. Is-sostituzzjoni ta' tnax-il valuta nazzjonali bl-ewro qiegħda sseħħ fil-kuntest
ta' ambjent mondjali ekonomiku u politiku li huwa anqas minn dak ideali. B'danakollu l-mod kalm u bla
intoppi, anzi wieħed jista' jgħid spirituż, li bih din qed tiġri, issorprenda anke lill-osservaturi
l-aktar ottimisti. Hawnhekk, bla dubju, għandna lezzjoni għal dawk kollha li bbażaw iżżejjed fuq
l-istatistiċi għerja dwar il-livell ta' l-appoġġ u
l-involviment popolari fl-Unjoni Ewropea.
Malta ħadet sehem fl-inżul u t-tlajja' ta' l-aħħar tnax-il
xahar. L-ekonomija żgħira u miftuħa tagħna ġiet affettwata b'mod dirett mill-ġrajjiet
internazzjonali, billi wriet xi tkabbir f'termini nominali iżda tnaqqis ħafif
f'termini reali. Il-mod ta' kif dan kien ikkawżat minn fatturi esterni jidher ċar
mill-fatt li s-setturi li l-aktar intmessu huma dawk l-aktar esposti għal kurrenti mondjali; prinċipalment is-settur ta' l-elettronika fl-industrija tal-manifattura, u t-turiżmu fis-settur tas-servizzi.
Partijiet oħra ta' l-ekonomija qed juru riżultati pożittivi li jikkonfermaw l-adattabilità fundamentali ta' l-ekonomija u s-sodizza politika li fuqhom hija bbażata. L-għan ewlieni tal-Gvern jibqa' dak li jistinka biex jipprovdi liċ-ċittadini Maltin kollha l-opportunitajiet li jippermettulhom li jiżvolġu r-rwol attiv u produttiv tagħhom fis-soċjetà u fl-istess waqt jirnexxu bħala individwi. Aħna nibqgħu kostantement attenti għall-ħtieġa li jinżamm il-bilanċ ġust bejn dawk il-miżuri li jsaħħu t-tkabbir ekonomiku u dawk li jassiguraw it-tgawdija mistħoqqa tal-benefiċċji soċjali u d-drittijiet ċivili. Daqstant ieħor inħabirku wkoll b'mod kostanti biex nassiguraw bilanċ korrett bejn l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali mal-miżuri li qed nieħdu.
Għandi qalbi qawwija li l-indikaturi bażiċi huma pożittivi u inkoraġġanti. Iż-żieda fin-nies okkuppati bi qligħ matul l-aħħar sena kienet kemxejn ogħla miż-żieda fit-total tan-nies li jridu jaħdmu, biex b'hekk ir-rata tal-qgħad inżammet baxxa. Ir-rata ta' l-inflazzjoni baqgħet f'livell aċċettabbli, filwaqt li fl-istess żmien kien hemm żieda relattivament ogħla fid-dħul medju. Il-pjan biex jitnaqqas id-defiċit tal-Gvern għadu għaddej fuq ir-rotta soda li qabad.
Dan ifisser li anke f'perjodu ekonomiku relattivament diffikultuż konna kapaċi nimxu 'l quddiem b'miżuri mmirati lejn riformi ekonomiċi u soċjali fuq medda twila. Matul is-sena għaddejna numru sinifikanti ta' liġijiet ġodda u introduċejna riformi amministrattivi f'għadd ta' setturi importanti. Dawn jinkludu s-settur finanzjarju, il-politika soċjali, id-dwana, l-għajnuna statali, l-ippjanar tal-politika reġjonali, it-trasport, l-enerġija u l-ambjent.
Fost ir-riżultati li l-aktar li għandhom implikazzjonijiet profondi għal tul ta' żmien, nixtieq insemmi s-suċċess fir-ristrutturar tal-forum għad-djalogu soċjali u ekonomiku permezz tat-twaqqif tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-konklużjoni tax-xogħol tat-Task Force għar-ristruttar tat-tarznari u l-emendi kostituzzjonali li saħħew is-sistema tal-Gvern Lokali. F'dan il-kuntest nixtieq insemmi wkoll il-pubblikazzjoni reċenti ta' abbozz leġislattiv dwar ir-relazzjonijiet industrijali u t-tkomplija tax-xogħol fuq ir-riforma fl-għajnuna soċjali u l-privatizzazzjoni.
Matul l-aħħar tnax-il xahar in-negozjati li qed nagħmlu biex nissieħbu ma' l-Unjoni Ewropea mxew 'il quddiem b'mod sodisfaċenti ħafna. Għadna f'pożizzjoni tajba biex nilħqu l-għanijiet bażiċi tagħna li nissieħbu fl-Unjoni
Ewropea fit-tkabbir li jmiss. Hemm indikazzjonijiet konvinċenti li teżisti r-rieda politika u l-kundizzjonijiet tħejjew biex dan it-tkabbir iseħħ sal-bidu ta' l-2004. Dan ifisser li n-negozjati għat-tkabbir li qed isiru magħna, u mal-kandidati avvanzati l-oħra, għandhom ikunu mitmuma sa l-aħħar ta' din is-sena.
In-negozjati għas-sħubija jkomplu joffrulna kemm sfida kif ukoll opportunità. L-isfida tiġi l-ewwelnett mill-kumplessità teknika u mill-istess enormità tax-xogħol li jrid isir. L-opportunità teżisti fil-mod kif il-proċess ta' l-iżvilupp nazzjonali tagħna jista' jiġi kumplimentat, anzi msaħħaħ, mill-eżerċizzju ta' l-adattament meħtieġ għas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea.
Miż-żewġ lati, l-esperjenza kienet ta' suċċess aktar milli mistenni. Tassew inqawwi qalbi bil-mod kompetenti li bih l-amministrazzjoni ta' Malta qed tlaħħaq max-xogħol involut, kif ukoll bil-mod bla intoppi kif l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi leċislattivi u amministrattivi tagħna ma' dawk ta' l-Unjoni Ewropea qed tlaħħaq mal-ħtiġiet u l-għanijiet bażiċi tagħna fil-qasam soċjo-ekonomiku.
F'kuntest usa', l-iżviluppi fi ħdan l-Unjoni Ewropea jikkostitwixxu sorsi mġedda ta' interess u motivazzjoni fil-mixja tagħna lejn is-sħubija. Filwaqt li l-Unjoni qed tħejji lilha nfisha biex tiddibatti l-evoluzzjoni tagħha fil-ġejjieni, diġà qed jidher ċar li l-aktar karatteristiċi essenzjali tal-metodu komunitarju - jiġifieri l-prinċipji ta' solidarjetà u s-sussidjarjetà - se jiġu rafforzati dejjem aktar. Daqskemm il-prinċipju tas-solidarjetà jorbot flimkien lill-membri ta' l-Unjoni, daqstant ieħor il-prinċipju tas-sussidjarjetà jassigura li n-nazzjonijiet u l-popli li jsawruha jżommu identità distinta minn xulxin. Ta' l-istess importanza għalina hija d-dimensjoni esterna li l-Unjoni dejjem interpretat fil-prinċipju tas-solidarjetà - biex b'hekk tassigura l-apertura tagħha lejn id-dinja 'l barra minnha u l-impenn tagħha favur il-koperazzjoni
internazzjonali.
Huwa għalhekk li aħna konvinti li s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea għad tkabbar il-ħila tagħha biex tiżviluppa dejjem iżjed ir-relazzjonijiet bilaterali u biex tiżvolġi rwol attiv fl-inizjattivi b'riżq il-paċi u l-koperazzjoni. Huwa f'dan l-ispirtu li nħares 'il quddiem bil-ħerqa lejn l-opportunitajiet li se jfeġġu quddiemna fix-xhur li ġejjin biex naħdmu flimkien.
Qabel nagħlaq, nixtieq nagħtikom mill-ġdid ix-xewqat sbieħ tiegħi waqt li nawgura li t-tħabrik tagħna lkoll flimkien, għad ikun kontribut siewi favur it-tkabbir tar-relazzjonijiet bilaterali ta' bejnietna, kif ukoll favur il-ħidma kollettiva għall-promozzjoni tal-paċi u l-ftehim reġjonali u
internazzjonali.