KONFERENZA INTERNAZZJONALI TAL-FOLKLOR BĦALA
PARTI MILL-QALA INTERNATIONAL FOLK FESTIVAL
Għat-tieni sena
konsekuttiva il-Qala International Folk Festival se
jkun jinkludi Konferenza Internazzjonali tal-Folklor
li se tittella’ fit-tielet jum ta’ din l-attivita’.
It-tema tal-konferenza se tkun ‘Traditional Trades
of Malta & Gozo’. F’din il-konferenza se ssir
preżentazzjoni minn grupp folkloristiku mir-Russja,
filwaqt li l-kelliema prinċipali se jkunu Anton F.
Attard u Gwido Lanfranco, it-tnejn esperti
fis-suġġett.
Id-dettalji ngħataw
waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata
mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli
Lokali Chris Said u mis-Sindku tal-Qala Paul
Buttiġieġ.
Chris Said faħħar l-inizjattivi
li qed jieħdu diversi Kunsilli Lokali madwar Malta u
Għawdex li qed jisfruttaw l-iskemi ta’ attivitajiet
kulturali offruti mill-Gvern biex jorganizzaw
attivitajiet varji. Dawn l-attivitajiet qed jilħqu
l-iskop tagħhom li jiġġeneraw influss ta’ viżitaturi
kemm Maltin kif ukoll barranin lejn lokalitajiet li
mhux normali jattiraw turisti lejhom. B’hekk l-inħawi
kollha tal-gżejjer Maltin jibdew igawdu mill-industrija
tat-turiżmu.
Chris Said qal li
dawn l-istess attivitajiet qed iqarrbu l-komunitajiet
rispettivi lejn it-tradizzjonijiet tal-lokalitajiet
tagħhom u qed jgħinu biex iżommu ħajjin dawn l-istess
tradizzjonijiet.
Il-ħames edizzjoni ta’
dan il-festival annwali se ssir bejn il-Ħamis 16 u
l-Ħadd 19 ta’ Settembru li ġej. Dan il-festival hu
karatterizzat mill-parteċipazzjoni ta’ gruppi folk
internazzjonali kif ukoll bl-esportazzjoni
tal-wirjiet fi rħula oħra fil-gżira Maltija. Ta’
kull sena fih jieħdu sehem żewg gruppi
internazzjonali li jiżfnu f’kull serata. Din is-sena
se jieħdu sehem gruppi folk mir-Russja u mill-Italja
kif ukoll tliet gruppi lokali u l-grupp
organizzattiv Menhir Folk Group.
Il-festival jibda l-Ħamis
filgħaxija meta jsir defilé mill-parteċipanti kollha
li jitilqu minn ħdejn l-uffiċċji tal-Kunsilli Lokali
u jimxu sa Pjazza San Ġużepp fejn issir l-ewwel
serata.
Il-Ġimgħa hi dedikata
għal Malta hekk kif filgħodu ssir rappreżentazzjoni
f’Marsaskala filwaqt li filgħaxija ssir oħra f’San
Ġiljan. Din ‘l-esportazzjoni’ tal-wirjiet f’żewġ
lokalitajiet turistiċi Maltin, tgħin mhux ftit lill-festival
innifsu li jkun għaddej fil-Qala.
Is-Sibt filgħodu,
għat-tieni darba, se ssir il-Konferenza
Internazzjonali tal-Folklor fiċ-Ċittadella b’żewġ
kelliema esperti. Filgħaxija ssir serata oħra fi
Pjazza San Ġużepp u wara jkun hemm band lokali li
tanima lil dawk preżenti.
Il-Ħadd filgħodu se
jkun organizzat Tieġ Malti – li hu popolari ferm
mat-turisti u anki ma’ Maltin u Għawdxin. Wara
tinfetaħ wirja dwar oġġetti ta’ folklor li jinkludi
xogħol maħdum minn Qalin. Din il-wirja tkun animata
minn daqq folkloristiku minn grupp tal-Folklor
Għawdxi. Filgħaxija ssir is-serata finali bl-għoti
ta’ trofej lill-parteċipanti minn persuni distinti.