LABORATORJU INDIPENDENTI
MALTI JIKSEB AKKREDITAZZJONI INTERNAZZJONALI
Solid Base
Laboratory, laboratorju
indipendenti u privat Malti li jagħmel testijiet fuq
materjal li jintuża mill-industrija tal-kostruzzjoni,
ingħata akkreditazzjoni min-NAB-MALTA, Bord
Nazzjonali għall-Akkreditazzjoni li għandu
rikonoxximent internazzjonali.
Dan ifisser li l-laboratorju
għandu l-kompetenza teknika meħtieġa biex jagħmel
testijiet fuq proġetti ta’ kostruzzjoni u jara li
dawn huma strutturalment sodi mis-sisien
sal-materjal użat. Ifisser ukoll li t-testijiet li
jagħmel huma rikonoxxuti barra minn Malta.
Iċ-ċertifikat ta’
akkreditazzjoni kien ippreżentat lil Solid Base
Laboratory mis-Segretarju Parlamentari
għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli
Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, Chris Said waqt
żjara li għamel fil-laboratorju li jinsab fil-Qasam
Industrijali f’Tal-Ħandaq.
Is-Segretarju
Parlamentari Chris Said qal li din l-akkreditazzjoni
hi l-ogħla livell ta’ kredibilità li jista’ jkollu
laboratorju biex kisibha. Solid Base Laboratory
kien eżaminat fuq il-ħila tar-riżorsi umani, il-management,
il-metodi ta’ ttestjar li juża, l-apparat li jinżamm
kalibrat, kif ukoll il-parteċipazzjoni fi proġetti u
skemi ma’ laboratorji oħra.
Il-laboratorju hu
akkreditat biex jagħmel testijiet fuq tarmak, asfalt,
siment u concrete. L-akkreditazzjoni hi
xhieda li t-testijiet li jagħmel ikunu preċiżi u ta’
min joqgħod fuqhom. Dan hu l-ewwel laboratorju Malti
li jopera f’dan is-settur u li kiseb din l-akkreditazzjoni
internazzjonali.
L-akkreditazzjoni
ingħatat wara li saru l-verifiki tekniċi neċessarji
min-NAB-MALTA. Dan il-Bord, li hu rikonoxxut madwar
l-Ewropa, kien responsabbli mill-analiżi u mill-eżamijiet
meħtieġa u li permezz tagħhom kien stabbilit li l-laboratorju
jilħaq il-kriterji tal-istandard internazzjonali
għal laboratorji MSA EN ISO/IEC 17025.
Solid Base
Laboratory ilu jopera
mill-2005 u tul is-snin investa madwar żewġ miljun
ewro biex illum għandu apparat tal-ogħla kalibru li
permezz tiegħu jistgħu jsiru t-testijiet meħtieġa u
bi preċiżjoni daqs laboratorji barranin. Dan
il-laboratorju jħaddem 31 ruħ u ħadem fuq diversi
proġetti tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, tal-Malta
International Airport, ta’ SmartCity Malta, tal-Malta
Industrial Parks, ta’ Elbros Construction
u Vassallo Builders Group Ltd.
Is-Segretarju
Parlamentari, Chris Said qal li f’Malta bħalissa
hawn seba’ laboratorji, f’oqsma differenti, li
għandhom akkreditazzjoni. Fl-Ewropa kollha hemm
12,000 laboratorju akkreditat. Huwa qal li l-Gvern
għamel investiment qawwi biex dan is-servizz ta’
akkreditazzjoni jkun jista’ jiġi offrut lokalment.
Illum NAB-Malta jħabbatha ma’ bordijiet ta’
akkreditazzjoni ewlenin oħra fl-Ewropa u dan
bis-saħħa tal-iffirmar ta’ ftehim multilaterali mal-European
Co-operation for Accreditation Bodies. Din hi
magħmula mill-bordijiet kollha tal-istati membri
tal-Unjoni Ewropea, tal-pajjiżi tal-EFTA u
tal-pajjiżi kandidati għal sħubija fl-UE.
Sa ftit taż-żmien
ilu, laboratorji Maltin li kienu interessati li
jkollhom dan ir-rikonoxximent internazzjonali
kellhom japplikaw ma’ bordijiet Ewropej u
għaldaqstant l-ispejjeż kienu ferm ogħla. Issa li l-akkreditazzjoni
qed tingħata
direttament minn Malta, il-ħlas hu ferm anqas.
Is-Segretarju
Parlamentari, Chris Said qal li dawn it-tip ta’
rikonoxximenti jaqblu perfettament mal-Viżjoni 2015
tal-Gvern hekk kif waħda mill-miri tagħha hu li
Malta tkun ċentru ta’ eċċellenza fil-manifattura u
fis-servizzi ta’ valur miżjud.