STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGHOL U L-FAMILJA
Qed issir referenza
għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex
temporanjament tissospendi l-partecipazzjoni ta’
Malta fil-Programmi ‘Youth in Action’ u ‘Lifelong
Learning’. Kuntrarjament għal dak li qed jiġi
allegat fil-midja, m'hemm ebda indikazzjoni ta'
frodi jew saħansitra xi suġġeriment mill-Kummissjoni
Ewropea f'dan is-sens.
Lanqas
hu minnu li l-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi
(OLAF) għamel xi investigazzjoni fuq il-ħidma tal-Ministeru
għall-Edukazzjoni, Impjieg u
l-Familja bħala l-Awtorita’
Nazzjonali tal-Programmi jew tal-European Unit
Programme Agency (EUPA) bħala aġenzija li
timplimenta dawn il-Programmi.
Anke
l-allegazzjoni li l-Awdituri tal-Kummissjoni Ewropea
issospendew il-parteċipazzjoni ta Malta
fil-Programmi wara li rrifjutaw il-verifiki
tal-finanzi fuq xogħol li sar minn awdituri fi ħdan
l-EUPA m’hix korretta.
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex
temporanjament tissospendi l-Programmi ‘Youth in
Action’ u ‘Lifelong Learning’ hija
prekawzzjoni sakemm jiġu msaħħa proċeduri
amministrattivi ta’ kontroll u rappurtar
fl-Awtorita’ Nazzjonali u l-EUPA. Din is-sospensjoni
titneħħa ladarba l-Kummissjoni Ewropea tkun
sodisfatta li l-miżuri korrettivi ġew implimentati.
F’dan ir-rigward qed jittieħdu l-azzjonijiet kollha
neċessarji biex din is-sospensjoni titneħħa
mill-iktar fis possibli.
Il-Kummissjoni talbet lill-EUPA biex tkompli tonora
l-kuntratti li daħlet għalihom ma’ individwi u
organizzjonijiet taħt iż-żewġ Programmi ‘Youth in
Action’ u ‘Lifelong Learning’. Barra minn
hekk il-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet
Maltin u individwi fl-azzjonijiet ċentralizzati mhux
ser tkun affettwata. Il-mobilità ta’ ċittadini ta'
pajjiżi oħra lejn Malta tibqa’ wkoll eliġibbli taħt
l-azzjonijiet deċentralizzati.
B’referenza għal dak li ġie rappurtat li wieħed
mill-managers tal-Programmi hu Alessandro Cristina,
iben il-Ministru Dolores Cristina, irid jiġi
preċiżat li hu ġie impjegat mal-EUPA wara sejħa
pubblika seba’ snin ilu. Hu kien daħal f’dan
l-impjieg wara proċess kompetittiv ta’ ingaġġ. Dak
iż-żmien il-Ministru Cristina ma kenitx il-Ministru
responsabbli
ghall-Edukazzjoni.