Stqarrija mill-Ministeru
tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja dwar il-’Youth
in Action’ u l-‘Lifelong Learning’ Programmes
tal-2010
Il-Kummissjoni Ewropea
infurmat lill-Aġenzija li hi nkarigata mill-programmi
tal-Unjoni Ewropea (EUPA) fi ħdan il-Ministeru
tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, li kienet qed
tissospendi temporanjament l-azzjonijiet li jaqgħu
taħt il-Youth in Action u l-Lifelong Learning
Programmes tal-2010.
Dan qed isir bi
prekawzjoni sakemm tkun sodisfatta li l-miżuri
kollha ta’ assikurazzjoni ikunu adotatti mill-Aġenzija
EUPA.
Il-Kummissjoni talbet
informazzjoni mingħand l-Aġenzija dwar miżuri
konkreti li ttieħdu jew hemm ippjanat li jittieħdu.
Kull sena, awdituri indipendenti jagħmlu verifiki
tal-finanzi u s-sistemi u wara jagħmlu rapport
b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet biex jassiguraw
kontrolli operattivi u finanzjarji li jkun hemm
bżonn jiġu mplimentati.
L-EUPA qed taħdem bla
waqfien biex taġġorna l-proċeduri bl-iskop li
tassigura li jkollha sistema ta’ rappurtaġġ kif
rakkomandat mill-Awdituri u l-Kummissjoni Ewropea.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja hu
kommess li jassigura li dawn ir-rakkomandazzjonijiet
ikunu implimentati.
Filwaqt
li esprimiet id-diżappunt tagħha dwar din is-sospensjoni,
il-Ministru Dolores Cristina tat struzzjonijiet
lill-uffiċjali tal-Ministeru biex, immexxija
mis-Segretarju Permanenti, jieħdu l-passi kollha
meħtieġa immedjatament. Fil-ġimgħat li ġejjin
il-Kummissjoni mistennija tinforma l-Ministeru
x’għandu jsir biex il-programmi milquta jkunu
jistgħu jitkomplew f’qasir żmien.
Il-Kummissjoni talbet
lill-EUPA biex tkompli tonora l-obbligi kuntrattwali
li daħlet għalihom fis-sejħiet preċedenti kemm tal-Youth
in Action kif ukoll tal-Life Long Learning.
Il-parteċipazzjoni
tal-organizazzjonijiet u individwi Maltin
fil-programm ċentrali tal-Life Long Learning mhux se
jkunu affettwati. Il-mobilita’ ta’ parteċipanti
barranin f’dawn il-programmi, li kellhom jiġu
f’Malta, ukoll mhux se tkun milquta.
Kull
min għandu xi diffikulta jew jixtieq kjarifiki dwar
din il-kwistjoni huwa mitlub iċempel fuq in-numru
tat-telefon 2558 6130 għal aktar tagħrif.