Il-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru
għal Għawdex se jippreżenta sensiela ta’
attivitajiet taħt l-isem Gran Castello Summer
Nights ’09. Il-programm ser jinkludi kunċerti
korali, tal-jazz u pjanu, teatru kontemporanju u
musical oriġinali dwar l-Assedju ta’ Għawdex
tal-1551.
Dan il-festival sajfi, li se jittella’ fuq
il-bastjun storiku ta’ San Ġwann fiċ-Ċittadella
se jiġi inawgurat nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Lulju
b’kunċert bil-pjanu ta’ kalibru għoli mill-pjanista
Malti Clifford Borg, akkumpanjat mill-vuċi
Għawdxija ta’ Miriam Christine Borg.
Clifford Borg, li ta kunċerti kemm Malta kif
ukoll barra minn xtutna, diġà stabilixxa lilu
nnifsu bħala talent mużikali f’dawn l-aħħar snin.
Bil-wirjiet tiegħu f’Londra, f’Pariġi,
f’Amsterdam, fi Brussell, fl-Eġittu, fl-Italja u
fil-Ġermanja, Borg għamel isem fix-xena
artistika lokali. L-istil mużikali tiegħu jvarja
minn stil tradizzjonali klassiku għal dak aktar
kontemporanju sintetizzat.
F’Mejju li għadda, Borg nieda t-tieni album
tiegħu Origin fil-Kavallier ta’ San Ġakbu u wera
li bħalissa huwa wieħed mill-aqwa pjanisti li
bil-mużika tiegħu joffri mużika chill-out
rilassanti lill-udjenza lokali.
Hu se jkun qed idoqq mużika mill-ewwel album
tiegħu Drifted, kif ukoll mit-tieni wieħed
Origin. Il-vuċi lokali ta’ Miriam Christine Borg
se tkun qed takkumpanja l-mużika ta’ Borg
b’kanzunetti ta’ Billie Holiday, Mia Martini,
Amy Winehouse, Sandy and Junior u Elena
Paparizou.
Id-dħul għall-istarlight recital ta’ nhar
il-Ġimgħa 10 ta’ Lulju 2009, li se jibda
fit-8.30 p.m., huwa b’xejn. Minkejja dan huwa
rakkomandat li wieħed jagħmel il-prenotazzjoni
minn qabel fuq in-numri tat-telefown: 21556125
jew 21566325.