STQARRIJA TAL-KUMITAT
PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI
TAL-PARLAMENT
Rappreżentanti
tal-Kummisjoni Djoċesana Żgħażagħ tippreżenta
kopja tal-Memorandum, intitolat “Iż-Żgħażagħ
dwar iż-Żwieġ u l-Familja” lill-Kumitat
Permanenti tal-Affarijiet Soċjali.
Fuq inizjattiva
tal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, żgħażagħ
minn madwar Malta ltaqgħu sabiex jiddiskutu
l-akbar kapital fis-soċjetà – il-familja. Għal
dan il-għan il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ
ippreparat mistoqijiet gwida sabiex jiġi diskuss
aħjar x’jifhmu ż-żgħażagħ b’familja u dak kollu
li jista’ jsaħħaħ jew idgħajjef il-familja, kemm
fil-preżent kif ukoll fil-futur. It-tweġibiet
għal dawn il-mistoqsijiet inġabru f’Memorandum
li jinsab fuq
http://www.kdz.org.mt/assets/files/Iz-zghazagh%20u%20l-familjafinal.pdf
.
Nhar it-3 ta’ Marzu 2009,
il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ kienet waħda
minn għaqdiet nazzjonali taż-żgħażagħ mistiedna
sabiex jiddiskutu s-suġġett “Iż-Żgħażagħ u
l-Familja” mal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali
tal-Parlament Malti. Waqt il-laqgħa l-Membri
tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali wrew
lir-rappreżentanti tal-għaqdiet mistiedna li
huma lesti jilqgħu kull stedina minn għaqdiet
taż-żgħażagħ għaliex jixtiequ jisimgħu aktar
liż-żgħażagħ. Għalhekk il-Kummissjoni Djoċesana
Żgħażagħ laqgħet l-istedina tal-Kumitat dwar
l-Affarijiet Soċjali u waqt laqgħa li kienet
saret fl-Università ta’ Malta, stiednet
lill-Membri Parlamentari miż-żewġ naħat
tal-Kamra sabiex jisimgħu liż-żgħażagħ
x’għandhom xi jgħidu fuq il-familja.
Intant, il-Memorandum jgħid
li ż-żgħażagħ ta’ dawn l-għaqdiet qablu li
l-familja hija l-ewwel komunità ta’ persuni li
b’imħabba, impenn, rispett u solidarjetà jaqsmu
kollox bejniethom. Il-familja hija primarjament
għaqda formali u dejjiema bejn mara u raġel,
permezz ta’ żwieġ, kemm quddiem l-Istat u kemm
quddiem il-Knisja. Il-familja taqsam il-valuri,
taqsam id-dħul finanzjarju ta’ min jaħdem ma’
min ma jaħdimx, taqsam l-ikel u tipprovdi l-kenn
u s-sapport lil xulxin. Il-familja
tikkontribwixxi wkoll għall-kura fit-tul u kura
informali u t-trobbija sana tat-tfal. Il-membri
tal-familja jagħmlu x-xogħol domestiku flimkien
u jqattgħu ħin ta’ divertiment u mistrieħ
flimkien. Is-soċjetà Maltija hija
intrinsikament mibnija fuq il-valur tal-familja
u allura kull sforz għandu jsir sabiex din
l-istituzzjoni tkompli tissaħħaħ b’mod
komprensiv. Jekk tissaħħaħ il-familja –
tisaħħaħ is-soċjetà.
Fil-Memorandum, iż-żgħażagħ
iddiskutew ukoll x’għandha tkun il-politika
tal-Istat dwar il-familja, inkluż proposti
innovattivi fuq x’għandu jipprovdi l-Istat qabel
u wara ż-żwieġ. Il-Kummissjoni Djoċesana
Żgħażagħ ser formalment tippreżenta dan
il-Memorandum lill-ogħla awtoritajiet
tal-pajjiż.
Din
il-laqgħa tal-Kumitat tmexxiet mill-President
tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali l-Onor
Edwin Vassallo u pparteċipaw fid-diskussjoni
l-Onor Michael Gonzi u l-Onor Anthony Zammit.