STQARRIJA MILL-MINISTERU
GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
Malta
tissieħeb mal- Aġenzija Internazzjonali dwar
l-Enerġija li Tiġġedded. (IRENA)
Malta b’effett minn din il-ġimgħa saret waħda
mill-pajjiżi membri tal-Aġenzija Internazzjonali
dwar l-Enerġija li Tiġġedded. Il-ftehim kien
iffirmat minn Godwin Sant, id-Direttur
tal-Enerġija fl-Awtorita ta’ Malta dwar
ir-Riżorsi, għan-nom tal-Gvern Malti.
Iċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-istatut
tal-Aġenzija minn 22 pajjiż fosthom Malta saret
fiċ-Ċentru Internazzjonali tal-Kungressi f’Sharm
El Sheikh fl-Eġittu fi tmiem it-tieni sessjoni
tal-Kummissjoni Preparatorja. B’hekk il-membri
ta’ IRENA issa telgħu għal 136 pajjiż membru.
IRENA hi l-ewwel organizzazzjoni internazzjonali
li qed tikkonċentra esklussivament dwar
l-enerġija li tiġġedded. Il-mira ta’ IRENA hi li
tagħti appoġġ lejn il-bidla li qed issir
għall-użu tal-enerġija li tiġġedded madwar
id-dinja. Għal dan l-iskop se tkun qed tipprovdi
appoġġ u tagħti pariri kemm lill-pajjiżi
industrijalizzati kif ukoll dawk li qed
jiżviluppaw.