‘MALTI? ... IVA U KBURI’ -
KORS GĦALL-EMIGRANTI MALTIN LI SER IKUNU
F’PAJJIŻNA DAN IS-SAJF
Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul
il-Ħajja fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni,
Kultura, Żgħażagħ u Sport qiegħed jorganizza
kors qasir dwar il-kultura Maltija għal dawk
l-emigranti Maltin li jkunu fostna matul
il-vaganzi tas-sajf: Malti? ... Iva u kburi.
Dan huwa kors ta’ sitt sessjonijiet ta’ siegħa
l-waħda, darba fil-ġimgħa.
L-iskop ewlieni tal-kors hu li
jrawwem identità ċivika u anke biex jintroduċi
ċerti kliem bażiku bil-Malti. Wara l-kors,
il-parteċipanti se jkunu kapaċi jsemmu
tradizzjonijiet, strumenti mużikali u ġrajjiet
importanti lokali. Matul is-sessjonijiet
il-parteċipanti se jiddiskutu wkoll xejriet ta’
tibdil fid-demografija ta’ pajjiżna u
jippreparaw riċetti tradizzjonali Maltin.
Il-ħlas tar-reġistrazzjoni
għall-kors huwa ta’ 10€.
Dawk l-emigranti Maltin li
jixtiequ jieħdu sehem, jew il-qraba ta’ dawk
l-emigranti Maltin li se jkunu fostna matul
is-sajf, huma mitlubin jagħtu d-dettalji tagħhom
lill-Adult Learning Unit, Direttorat
għat-Tagħlim Tul il-Ħajja (Tel. 2598 2444),
il-Furjana, sal-Erbgħa 15 ta’ Lulju, 2009.