L-Għaqda
Dinjija tas-Saħħa kmieni wara nofsinhar għolliet
l-iskala tal-allert tal-pandemija minn skala
ħamsa għall-skala sitta. Dan ifisser li issa
fil-fatt ġiet iddikjarata pandemija. S’issa ġew
konfermati 1,565 każ fil-pajjiżi tal-Unjoni
Ewropea u l-European Free Trade Area u
27,689 każ f’53 pajjiż ieħor madwar id-dinja.
Il-Kumitat fi ħdan il-Ministeru għall-Politika
Soċjali ltaqa’ tard wara nofsinhar biex jevalwa
s-sitwazzjoni fuq livell globali u kif din
tolqot lil Malta. Irid jingħad li s’issa ma ġie
rappurtat l-ebda każ ta’ Influwenza A (H1N1)
f’Malta.
Għal dawn l-aħħar ġimgħat il-Gvern baqa’ għaddej
bil-preparamenti. Il-Health Pandemic Committe
u n-National Strategic Pandemic Committee
baqgħu jiltaqgħu b’mod regolari. Kontinwament
qegħdin f’kuntatt mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u
mal-European Centre for Disease Prevention
and Control (ECDC) biex insegwu dak li
għaddej mhux biss fl-Ewropa, imma mad-dinja
kollha.
Sadanittant b’riferenza għal dak li ġie
rappurtat minn sezzjoni ta’ media barranija,
fejn qalu li persuna barranija li kienet f’Malta
kellu s-sintomi tal-Influwenza A (H1N1) wara li
din il-persuna telqgħet minn Malta,
l-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin qegħdin
f’kuntatt mal-Awtoritajiet Ġermaniżi biex
tinkiseb aktar informazzjoni dwar dan il-każ.
Id-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa u
Prevenzjoni tal-Mard f’dawn l-aħħar xhur żied
is-sorveljanza tiegħu u kull l-iċken suspett ġie
investigat. Ir-riżultati s’issa kienu kollha
negattivi.
L-Awtoritajiet tas-Saħħa jerġgħu jisħqu
l-importanza ta’ monitoraġġ kontinwu u jfakkru
lill-pubbliku li kull min jirritorna minn xi
pajjiż fejn hemm numru sostanzjali ta’ każijiet
u fi żmien 7 t’ijiem jiżviluppa d-deni u
s-sintomi tal-influwenza, għandu joqgħod id-dar
u jċempel għat-tabib. Il-pubbliku huwa għal
darba oħra imfakkar li l-aħjar mod biex wieħed
jilqa’ kontra t-tixrid tal-marda huwa permezz
tal-iġjene personali bħal għatiż f’tissue
li tiġi mormija minnufih u ħasil tal-idejn spiss
bl-ilma u bis-sapun. Kull min hu marid għandu
jżomm ’l bogħod min-nies oħra u ħadd m’għandu
jieħu l-mediċina Tamiflu mingħajr l-ordni
tat-tabib.
F’każ ta’ diffikulta l-pubbliku jista’ jċempel
għal parir fuq 21324086.