STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
MILL-ONOR. TONIO FENECH, MINISTRU TAL-FINANZI,
L-EKONOMIJA U INVESTIMENT DWAR IS-SITWAZZJONI
FINANZJARJA INTERNAZZJONALI – VALLETTA, 8 TA’
OTTUBRU 2008
Il-sitwazzjoni mħawwda preżenti fis-swieq
finanzjarji bdiet minħabba problemi ta’
finanzjament marbuta ma’ self sub-prime
(mhux ta’ kwalità) fuq xiri ta’ djar fl-Istati
Uniti. Dan wassal għall-problemi kbar f’uħud
mill-akbar istituzzjonijiet finanzjarji
importanti f’dak il-pajjiż, inkluż il-falliment
tal-Lehmann Brothers li kellu effett
devastanti fuq is-suq kif ukoll fuq il-fiduċja
fost l-istituzzjonijiet finanzjarji
internazzjonali.
Sadanittant, il-problema żviluppat fi kriżi ta’
nuqqas ta’ fiduċja fis-sistema. Din il-problema
nfirxet malajr f’ċentri finanzjarji oħra.
Preżentement, is-sitwazzjoni hija waħda fejn
is-swieq monetarji fejn banek isellfu lil
xulxin, mhux qed jaħdmu kemm fl-Istati Uniti kif
ukoll fl-Ewropa. Din il-problema tirrappreżenta
theddida għal ħafna banek minħabba li ma
jkollhomx aċċess immedjat għal-likwidità permezz
ta’ dan metodu tradizzjonali ta’ finanzjament u
allura, kulma jmur, qed ikollhom aktar
diffikultà biex jiffinanzjaw l-obbligi tagħhom
fis-suq.
Bħala reazzjoni għal dawn l-avvenimenti, il-Bank
Ċentrali Ewropew u banek ċentrali oħra għamlu
sforzi straordinarji biex jindirizzaw din
il-problema billi offrew likwidità prattikament
illimitata kuljum kemm fl-ewro kif ukoll
fid-dollaru Amerikan lis-swieq finanzjarji .
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta ħa sehem f’dan
l-isforz flimkien mal-banek ċentrali l-oħra
kollha ta’ l-Ewrosistema, għalkemm jidher li
prattikament il-banek Maltin ma kellhomx bżonn
jagħmlu użu minn dawn il-faċilitijiet.
Żvilupp ieħor importanti fil-politika monetarja
kienet l-azzjoni monetarja koordinata li
ttieħdet illum mill-Bank Ċentrali Ewropew u
l-banek ċentrali fl-Istati Uniti, l-Ingilterra,
il-Ġappun, il-Kanada, l-Iżvizzera u l-Iżvezja.
Permezz ta’ din l-azzjoni, tnaqqsu r-rati
uffiċjali tal-imgħax rispettivi tagħhom b’50
punt perċentwali.
Is-serjetà tal-kriżi preżenti tat ukoll lok għal
sforż koordinat mill-Gvernijiet tal-UE biex
jerġgħu jagħtu fiduċja fis-sistema bankarja
tal-Ewropa. Fuq livell Ewropew, il-Kunsill
tal-Ministri tal-Finanzi, l-ECOFIN, li fih
ipparteċipajt fis-7 ta’ Ottubru ħa deċiżjonijiet
u obbliga ruħu b’mod speċifiku sabiex jerġa’
jagħti fiduċja fis-sistema u jiżgura li s-swieq
finanzjarji jerġgħu jiġu għan-normal. B’mod
partikolari, il-gvernijiet tas-27 Stat Membru
ta’ l-Unjoni Ewropea huma obbligati li jieħdu
l-miżuri kollha neċessarji biex itejbu
l-istabbilità tas-sistema bankarja inkluż li
jagħtu appoġġ dirett lill-istituzzjonijiet
finanzjarji sistematiċi u biex iħarsu d-depożiti
tad-depożitanti individwali. F’dan ir-rigward,
ittieħdet id-deċizzjoni li għal perjodu inizjali
ta’ mill-inqas sena, nipprovdu garanzija
lill-individwi ta’ protezzjoni għal depożiti
għal ammont ta’ mhux inqas minn 50,000 Ewro.
Fuq livell nazzjonali, ittieħdu miżuri
mill-pajjiżi individwali biex isaħħu is-sistemi
bankarji. Dawn jinkludu skemi biex isaħħu
l-kapital ta’ wħud mill-banek li sofrew minħabba
riżultat ta’ telf fl-assi li kellhom jew
minħabba nuqqas ta’ fiduċja mid-depożitanti.
Il-Gvern u l-Bank Ċentrali ta’ Malta kienu
involuti ħafna fid-deċiżjonijiet koordinati li
għadhom kif ġew spjegati hawn fuq. Iżda tajjeb
nenfasizza li l-banek Maltin li huma fdati
bit-tfaddil u d-depożiti tal-Maltin mhumiex
għaddejjin mid-diffikultajiet li qed iħabbtu
wiċċhom magħhom banek f’pajjiżi oħra.
B’mod partikolari, il-banek Maltin m’għandhomx
problemi ta’ finanzjament b’riżultat
tal-iffriżar tas-swieq monetarji
internazzjonali. Il-banek f’Malta ma jisselfux
mis-swieq internazzjonali sabiex ikollhom minn
fejn isellfu u, għaldaqstant, m’għandhomx
il-problemi ta’ likwidità li qed ikollhom banek
f’xi pajjiżi oħra. L-akbar sors ta’ fondi għal
banek f’Malta huma d-depożiti tal-klijenti
taghhom. Sa l-aħħar ta’ Awwissu, id-depożiti
minn residenti f’Malta kienu jlaħħqu t-8.5
biljun ewro, li jammontaw għal darba u nofs
il-Prodott Gross Domestiku ta’ Malta. Mill-aħħar
tal-2007, dawn id-depożiti żdiedu b’158 miljun
ewro. Barra minn hekk, il-banek tagħna
m’għandhomx titoli asset backed securities
li kkawżaw tant ħsara lill-banek barranin u li
huma l-kawża primarja tat-taħwid li hemm
fis-swieq internazzjonali.
Il-Bank Centrali ta’ Malta u l-Awtorità
għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta kienu
kontinwament f’kuntatt mas-suq hekk kif kien
hemm l-ewwel sinjali ta’ dan it-taħwid, u kienu
qed isegwu x’inhu jiġri fil-banek sabiex jaraw
kienx hemm xi problemi li jitolbu għal azzjoni
immedjata. Sallum ma kienx hemm sinjali ta’
diffikultajiet f’dawn il-banek. Fil-fatt,
is-sitwazzjoni llum hija dik kif ikkonfermata
mill-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF,
f’Ġunju li għadda, u ċioe li l-banek tagħna
għandhom kapital tajjeb, għandhom ratio
għoli ta’ likwidità u għandhom portfolios
li huma diversifikati.
Aħna nifhmu li l-problemi li qed jolqtu s-swieq
finanzjarji bħalissa u l-impatt fuq
il-prezzijiet ta’ ħafna assi u titoli jistgħu
ikollhom effett negattiv fuq il-portfolios
tal-investimenti ta’ xi banek individwali. Dan
jista’ jirriżulta li dawn jiddikjaraw profitti
anqas għal din is-sena iżda, kif diġà għidt,
il-banek tagħna għandhom kapital suffiċjenti
biex ikampaw f’din is-sitwazzjoni.
Il-Ftehim milħuq ilbieraħ mis-27 pajjiż
jistabbilixxi parametri li fihom għandha
tingħata rispons f’waqtha f’każ li tinqala’
kriżi fi Stat Membru.
Il-Gvern irid jenfasizza li minn assessment
dettaljata li għamilna tal-pożizzjoni tal-banek
tagħna, l-istituzzjonijiet tagħna huma sodi,
għandhom likwidità suffiċjenti u kapitalizzati
adegwatament.
Madankollu, jekk tinqala’ xi problema
fl-istituzzjonijiet finanzjarji lokali, il-Gvern
irid jassigura lid-depożitanti kollha li se
jintervieni kif meħtieġ biex jappoġġja dik
l-istituzzjoni f’dak kollu li hemm bżonn biex
tkun sostnuta l-istabbiltà tas-sistema
finanzjarja ta’ pajjiżna.
Dawn l-azzjonijiet jistgħu jinkludu
r-rikapitalizzazzjoni, garanziji bankarji jew
mod oħra meqjusa bħala opportuni
fis-sitwazzjoni. L-ECOFIN qabel dwar numru ta’
prinċipji li l-azzjonijiet għandhom jittieħdu
b’konformità magħhom.
Il-fiduċja tad-depożitanti fis-sistema bankarja
tagħna tibqa’ kruċjali u għalhekk qbilna
flimkien mal-Ministri l-oħra tal-ECOFIN li
nsaħħu s-safety net provduta
lid-depożitaturi billi ngħollu l-livell ta’
protezzjoni minn € 20,000 għal € 100,000
b’effett immedjat. Nenfasizza li din
id-deċiżjoni ma ħadnihiex għaliex hemm xi dubji
fuq is-saħħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji
tagħna iżda b’konformità ma’ numru ta’ stati
ġirien u biex niżguraw li d-depożitant Malti
jkollu l-istess livell ta’ protezzjoni bħal fi
Stati Membri oħra tal-UE.
Aktar minn hekk, kif diġà għedt, irridu nibqgħu
attenti u għalhekk il-Gvern hu impenjat biex
jiżgura l-istabbiltà tal-banek f’Malta.
Fl-aħħarnett, nenfasizza li f’mumenti bħal dawn
huwa vitali li tinzamm il-fiduċja fil-banek
tagħna u fl-istituzzjonijiet li jirregolawhom.
Jiena konvint li ma hemmx għalfejn wieħed
jallarma ruħu, mhux biss għax il-banek tagħna
jitmexxew fuq bażi soda, iżda wkoll sforz
l-impenn qawwi li għandha favur il-protezzjoni
tad-depożitanti.
Konklużjoni
1.L-istituzzjonijiet finanzjarji f’pajjiżna
huma b’saħħithom u għadhom is-saħħa finanzjarja
kemm f’assi kif ukoll likwidità.
2.Biex inserrħu moħħ in-nies qed ngħollu d-deposit
protection scheme għal €100,000.
3.Jekk f’ċirkustanzi straodinarji xi bank
f’pajjiżna jkollu xi diffikultà, il-Gvern ser
jintervieni kif ikun meħtieġ biex jipproteġi
l-istituzzjonijiet finanzjarji u d-depożitanti.