DISKORS MILL-ONOR.
LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IS-SEMINAR
DWAR IL-KONTROLL FINANZJARJU INTERN PUBBLIKU,
GĦALL-MANAGEMENT ANZJAN TAS-SETTUR
PUBBLIKU, F’DAR IL-MEDITERRAN GĦALL-KONFERENZI,
VALLETTA. – IT-TLIETA 13 TA’ MEJJU 2008
Nirringrazzjakom talli għoġobkom taċċettaw din
l-istedina għal dan is-seminar dwar il-Kontroll
Finanzjarju Intern Pubbliku. Nirringrazzja
lid-Diviżjoni ta’
l-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet
Finanzjarji fl-Uffiċċju tal-Kabinett li qed
torganizza dan is-seminar.
Meta, fil-leġislatura li għaddiet kelli
r-responsabbiltà tal-finanzi ta’ pajjiżna kont
għamilt erba’ miri:-
·li nilħqu konsolidazzjoni fiskali;
·li nnaqqsu n-nefqa ta’ l-amministrazzjoni
pubblika;
·li nimplimentaw riformi strutturali
sabiex insaħħu l-kompetittività ta’ pajjiżna;
·li nkomplu ninvestu fis-settur produttiv
ta’ pajjiżna.
Flimkien ilħaqna dan il-proġett ambizzjuż;
flimkien poġġejna l-finanzi pubbliċi f’qagħda
b’saħħitha. Dan ġab benefiċċji sostanzjali għal
pajjiżna, li wassal għad-dħul ta’ l-Ewro
fil-bidu ta’ din is-sena. Nieħu din
l-opportunità sabiex nirringrazzja lil kull
wieħed u waħda minnkom hawnhekk għall-għajnuna
tagħkom biex ilħaqna dawn il-miri.
Imma kif tafu, il-Gvern f’din il-leġislatura qed
jippjana sabiex jilħaq miri aktar ambizzjużi.
Illum kulħadd jaqbel li qegħdin ngħixu f’dinja
dinamika li tinbidel kuljum, fejn
il-kompetizzjoni internazzjonali dejjem tiżdied,
u għalhekk ma nistgħux inserrħu moħħna fuq dak
li diġà lħaqna. Is-swieq finanzjarji
internazzjonali qed jaffetwaw l-ekonomiji, fi
żmien meta l-prezz taż-żejt u ċ-ċereali qiegħed
dejjem jiżdied. Biex negħlbu dawn l-isfidi hemm
bżonn l-impenn ta’ kulħadd. Waħda mill-inizjattivi
prinċipali li rridu nieħdu għall-ekonomija hija
li nkomplu nżidu l-produttività,
li hija kruċjali għall-kompetittività
ta’ pajjiżna.
Aħna ntrabatna li jkollna surplus
fil-budget sas-sena elfejn u għaxra. Fil-kuntest
ta’ dawn l-isfidi, l-istrateġija tal-Gvern hi li
jżid
l-effiċjenza, il-kontabbiltà u t-trasparenza
fis-settur pubbliku. Hawnhekk nerġa’ ndur
fuqkom, u kif għamilt fl-2004, nitlob l-impenn
tagħkom biex nilħqu dawn il-miri.
Irrid u nistenna li jkollna wkoll gvernar tajjeb
u xieraq. Il-poplu
tagħna jrid li nkomplu nsaħħu d-demokrazija u
t-trasparenza.
Fil-programm tal-Gvern, li tħabbar nhar is-Sibt
fil-ftuħ tal-Parlament, saret referenza għal
diversi liġijiet fosthom :
·il-Liġi dwar l-Amministrazzjoni Pubblika,
·il-Liġi dwar il-Libertà
ta’ l-Informazzjoni, kif ukoll
·il-Liġi dwar
il-Protezzjoni tal-Whistleblowers.
L-abbozz dwar l-Amministrazzjoni Pubblika
jafferma l-prinċipji ta’ l-amministrazzjoni
pubblika bħala strument għall-ġid komuni u
jipprovdi għall-applikazzjoni ta’ dawn
il-prinċipji fis-settur pubbliku kollu. Dawn
l-inizjattivi, flimkien ma’ oħrajn, huma
intenzjonati sabiex ikomplu jżidu t-trasparenza
u l-kontabbiltà fis-servizz pubbliku.
Dawn il-programmi jridu jkunu implimentati
f’qafas fejn il-management fis-servizz
pubbliku jrid iżomm ruħu aġġornat ma’ l-aħħar
prattiċi filwaqt li nistinkaw sabiex innaqsu
l-piż bla bżonn ta’ l-amministrazzjoni pubblika
fuq is-setturi produttivi tal-pajjiż.
Intom qed tistinkaw sabiex ikunu żgurati l-aħjar
metodi, trasparenti u adekwati, li jipprovdu
assikurazzjoni raġjonevoli li l-fondi pubbliċi
jintużaw għall-iskopijiet identifikati
mill-Gvern u approvati mill-Parlament.
Il-ħidma tagħkom hija għodda ewlenija biex
inżidu l-effiċjenza u l-effettività tas-Settur
Pubbliku. Għalhekk il-Gvern ser isaħħah
il-funzjoni ta’ l-awditjar intern u jinvesti
sewwa fl-aħjar riżorsi u jikkonsolida
l-kontrolli interni fis-servizz pubbliku.
Il-kontroll finanzjarju intern pubbliku huwa
mibni fuq tliet prinċipji fundamentali:
·l-kontabbiltà maniġerjali - din hija
r-responsabbiltà tagħkom;
·awditjar intern, u
·l-armonizzazzjoni ta’ metodi komuni ta’
kontroll intern fis-Settur Pubbliku - dawn ta’
l-aħħar
huma r-rwoli tad-Diviżjoni ta’
l-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet
Finanzjarji.
Dawn it-tlieta flimkien jipprovdu l-bażi li biha
jintlaħqu l-miri tad-deċentralizzazzjoni u din
tiġi ffaċilitata permezz ta’ moniteraġġ u
kontroll iċċentralizzat. Il-mudell adottat
mill-Gvern fl-2004, fejn il-Kapijiet
tal-Ministeri, Dipartimenti u Entitajiet ġew
fdati bir-responsabbiltà li jimmaniġjaw
il-Ministeri, id-Dipartimenti u l-Entitajiet
waqt li l-Gvern Ċentrali eżerċita moniteraġġ u
kontroll skond il-mandat tal-poplu, ta riżultati
pożittivi. Dan l-arranġament li kien suċċess
f’dawn l-aħħar snin, ser insaħħuh u jiena
konvint li dan il-proġett varat illum ser jgħin
sabiex jerġa’ jkollna suċċessi f’din
il-leġislatura.
L-ewwel pilastru tal-kontroll finanzjarju intern
pubbliku huwa li noħolqu ambjent ta’ kontroll
effettiv mill-management ta’ kull
Ministeru, Dipartiment u Entità tal-Gvern. Dan
huwa xogħolkom. Eżempju tajjeb minn fuq, minn għandkom
bħala kapijiet,
jinfluenza l-ambjent ta’ kontroll fl-entitajiet
li tmexxu. Dan huwa l-pedament tal-komponenti
kollha tal-kontroll intern. Il-Malti jgħid
l-eżempju jkaxkar u hekk intom tridu tkunu ta’
eżempju għal dawk ta’ madwarkom u
għall-impjegati tagħkom. Dan jinkludi
l-professjonalità u l-integrità ta’ l-individwu,
il-valuri etiċi kif ukoll il-kompetenza u
l-obbligazzjonijiet ta’ l-individwu. Dan kollu
għandu
effett fuq il-kontroll intern ta’ l-entità.
It-titjib tal-kontroll intern ser jiġi megħjun
mill-Gvern b’numru ta’ inizjattivi ġodda
fix-xhur li ġejjin.
Il-Gvern dalwaqt ser jintroduċi l-Corporate
Governance Framework għall-entitajiet
pubbliċi u Kodiċi ta’ Etika aġġornat
għall-Membri tal-Bordijiet ta’ l-Entitajiet
pubbliċi. Il-Gvern ser jintensifika wkoll
il-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet
b’diversi inizjattivi.
Nagħlaq billi nirringrazzjakom għall-assistenza
li tajtu lill-Financial Management Monitoring
Unit (FMMU) liema Unit kienet u
għadha titlob minn għandkom informazzjoni sabiex
twettaq xogħolha sew. Ninsab ċert li ħa tagħtu
l-istess appoġġ lid-Diviżjoni ta’
l-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet
Finanzjarji immexxija
mis-Sinjura Rita Schembri, partikularment
fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-kontroll
finanzjarju intern pubbliku.