DISKORS
MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTTOR EDWARD FENECH
ADAMI, PRESIDENT TA’ MALTA FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ
TAL-ĦDAX-IL PARLAMENT – VALLETTA, 10 TA’ MEJJU
2008
Sur President
Onorevoli Membri
tal-Kamra tad-Deputati
Bħala President ta’
Malta għandi l-kompitu kostituzzjonali, li
fil-ftuħ ta’ dan il-Parlament, nippreżenta l-programm
li l-Gvern qed jipproponi għal-leġislatura li
ġejja. Dan il-programm, imfassal fid-dawl
tal-proposti li tressqu quddiem l-elettorat,
huwa maħsub biex pajjiżna jkompli jaħtaf l-opportunitajiet
u jirbaħ l-isfidi li għandu quddiemu.
Din hija l-ewwel
leġislatura li qed tibda b’pajjiżna bħala Stat
Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, integrat b’mod sħiħ
fil-familja Ewropea ffurmata minn sebgħa u
għoxrin pajjiż. Illum pajjiżna jinsab fuq
quddiem nett tal-proċess ta’ għaqda Ewropea:
huwa parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja,
juża l-munita komuni Ewropea - l-ewro - u
jagħmel parti miż-żona ta’ ċirkolazzjoni libera
Ewropea magħrufa bħala ż-żona Schengen.
F’dan il-qafas,
il-Gvern qiegħed jiddikjara d-determinazzjoni
tiegħu li, flimkien mas-soċjetà ċivili kollha,
jaħdem biex ikabbar il-ġid komuni mibni fuq dawk
il-valuri li sawru l-identità tagħna bħala
Maltin tul is-sekli.
Il-qofol hu li
naħdmu flimkien. Il-koperazzjoni u r-rispett
reċiproku huma l-pedament biex naffrontaw
b’suċċess l-isfidi li għandna quddiemna. Fost
dawn l-isfidi, kif ilkoll nafu, hemm
il-prezzijiet dejjem jogħlew ta’ ħwejjeġ
essenzjali bħaż-żejt u ċ-ċereali. Hemm
il-kompetizzjoni dejjem tiħrax kemm
fil-manifattura, fis-servizzi, kif ukoll
fil-kisba ta’ l-investiment.
Ma tgħaddix ġurnata
waħda li fl-aħbarijiet ma nisimgħux bl-isħab
iswed li qed jinġema’ fuq ix-xefaq
internazzjonali. F’dawn il-ġimgħat il-kriżi
kotrot u jidher li se tiggrava. Madankollu
l-Gvern huwa qalbu qawwija li l-poplu tagħna
kapaċi jieħu ħsieb id-dar komuni tagħna kif
għamel anki meta t-theddid kien aktar kiefer.
Ilkoll nafu li minħabba s-sinjali
minaċċjużi li qed jidhru fuq l-orizzont
internazzjonali, hawn anki xi industriji, u mhux
mill-iżgħar, li qegħdin jibżgħu dwar
il-prospetti tagħhom fil-ġejjieni qrib.
Din hi theddida li kulħadd qed
jaffaċċja fid-dinja tal-lum. Il-Gvern jemmen li
kapaċi nirbħuha, mhux biss billi niżguraw
produttività ogħla, imma wkoll billi nkunu
kreattivi u dejjem lesti nibdlu l-prodotti u
s-servizzi tal-lum b’oħrajn ta’ valur miżjud
ogħla.
L-IŻVILUPP
SOSTENIBBLI: MIRA EWLENIJA
F’din
il-perspettiva, il-Gvern qiegħed jipproponi li
jimplimenta programm politiku li jkollu
l-iżvilupp sostenibbli bħala l-fus ċentrali li
madwaru jdur kollox.
Għall-Gvern,
it-tħaddim tal-proġett ta’ żvilupp sostenibbli
hu proposta ta’ għażla fondamentali mill-poplu
Malti u Għawdxi. Hija għażla konxja li f’kull
deċiżjoni ma nqisux biss l-interessi immedjati
tagħna, iżda wkoll dawk tal-ġenerazzjonijiet
futuri.
L-iżvilupp
sostenibbli għandu tliet dimensjonijiet ewlenin
– dik ekonomika, dik soċjali u dik ambjentali.
L-isfida għalina lkoll hi li niżguraw li
l-iżvilupp ekonomiku jkompli għaddej, mgħejjun
mill-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni, il-mutur
l-aktar qawwi ta’ l-iżvilupp soċjali,
b’attenzjoni ferm akbar għall-ambjent. Billi
nqisu dawn it-tliet dimensjonijiet f’rabta
bejniethom, inkunu qed inpoġġu l-persuna, kull
persuna f’pajjiżna, fiċ-ċentru tal-ħidma kollha
tal-Gvern.
Kwestjoni
preliminari, iżda fondamentali, li tolqot
l-aspetti kollha tal-kwalità tal-ħajja tal-poplu
tagħna kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku ta’
pajjiżna, hija l-ippjanar u l-użu ta’ l-ispazju
tagħna: sew l-art, sew il-baħar kif ukoll
l-ajru. Il-Gvern fi ħsiebu jittratta din
il-kwestjoni fl-aspetti kollha tagħha u fost
ħwejjeġ oħra, se jwettaq żewġ riformi.
Waħda: L-użu ta’
l-artijiet li għandu f’idejh il-Gvern se jiġi
ppjanat b’mod sistematiku skond il-prinċipji ta’
l-iżvilupp sostenibbli.
L-oħra: Jikkonkludi
r-riforma meħtieġa fil-liġijiet li jirregolaw
kirjiet ta’ propjetajiet bl-għan prinċipali li
jsir l-aħjar użu minnhom, u filwaqt li tingħata
protezzjoni lill-inkwilini preżenti fejn hi
meħtieġa, issir ukoll ġustizzja mas-sidien.
Barra minnhekk, il-Gvern se jkompli bit-tisħiħ
tal-politika biex ħafna aktar familji jsiru
sidien ta’ djarhom, billi jirriforma l-iskemi
eżistenti u jestendi l-iskemi ta’ għajnuna
lill-koppji ġodda u lil dawk li qed jixtru
l-ewwel dar tagħhom. Se jkompli wkoll
bil-programm ta’ l-Awtorità tad-Djar għall-bini
ta’ djar u skemi oħra, inkluż bi sħubija
mas-settur privat.
Marbut ma’ dan hemm
ukoll l-importanza tas-settur agrikolu li għandu
impatt dirett fuq l-ambjent ġenerali u fuq
l-ispazji miftuħa fil-kampanja tagħna.
Għaldaqstant il-Gvern irid li l-bdiewa full-time
jingħataw titolu aħjar fuq ir-raba’ tal-Gvern li
jinsab f’idejhom bi qbiela ħalli jkun jista’
jiżdied l-investiment biex jintlaħqu livelli
ogħla ta’ sostenibbilità.
It-territorju ta’
Malta jiġbor fih medda wiesgħa ta’ baħar u huwa
mogħni b’portijiet mill-isbaħ u b’faċilitajiet
li jistgħu jikkompetu sew mal-pajjiżi
tal-madwar. Għalhekk, il-Gvern se jkompli
jisfrutta l-potenzjal kbir ta’ Malta bħala
pajjiż marittimu b’ħidma effettiva u koordinata
għall-iżvilupp u l-immaniġġjar ta’ l-ispazju
marittimu, taż-żona kostali, u tal-portijiet.
L-iżvilupp
sostenibbli jitlob li l-ekonomija, il-ġid
soċjali u l-ambjent jintisġu b’mod bilanċjat
f’kull livell tal-ħidma tal-Gvern.
ŻVILUPP EKONOMIKU
Il-pjan tal-Gvern
għall-ekonomija għandu żewġ elementi ewlenin:
tibdil fis-sistema tat-taxxi li għandu jistimola
aktar attività ekonomika, u l-ħolqien ta’ aktar
xogħol u xogħol aħjar.
Il-Gvern hu impenjat
li sa l-aħħar ta’ l-2010 il-bilanċ finanzjarju
tiegħu jispiċċa f’surplus u mhux f’deficit. Din
hi mira ambizzjuża partikolarment fid-dawl
tas-sitwazzjoni ekonomika internazzjonali li
qiegħda tolqot ukoll lil pajjiżna. Iżda hi mira
li tista’ tintlaħaq jekk nibqgħu determinati li
nkomplu nżommu l-finanzi tagħna fis-sod.
Għalhekk il-Gvern se jkompli jikkontrolla u
jnaqqas l-ispiża pubblika kull fejn hu indikat.
Fl-istess ħin se jsir l-investiment kollu
meħtieġ biex is-servizzi pubbliċi essenzjali
jkunu aktar effettivi u aktar effiċjenti.
Il-Gvern se jaħdem biex kulħadd ikun jagħraf sew
x’jiswew dawn is-servizzi għaliex ir-realtà hi
li xejn mhu b’xejn; dak li jingħata b’xejn xorta
għandu prezz li qed jaqa’ fuq kull min iħallas
it-taxxi.
Il-bidliet fit-taxxi
li l-Gvern se jintroduċi matul din
il-leġislatura huma maħsuba biex tkompli tiġi
stimulata l-attività ekonomika waqt li jiġi
ppremjat ix-xogħol. Fl-istess ħin il-Gvern fi
ħsiebu jħarrax il-ġlieda kontra l-evażjoni
tat-taxxa u kontra kull forma ta’ abbuż jew
evażjoni kemm fiskali kif ukoll mill-benefiċċji
soċjali. Fost il-miżuri konkreti, il-Gvern fi
ħsiebu:
• Ikompli
jnaqqas l-Income Tax;
• Iżid
l-inċentivi u l-miżuri biex iħajjar aktar nisa
jidħlu u jibqgħu fid-dinja tax-xogħol;
• Ikompli
jneħħi t-taxxa tal-wirt;
• Ineħħi
t-taxxi tat-tluq bl-ajru, tal-credit cards, u
tat-television;
• Jibdel
it-taxxa fuq il-karozzi;
• Jestendi
l-eżenzjoni mit-taxxa tad-dħul ta’ parti minn
nefqa ta’ l-anzjani, persuni b’diżabilità, u
l-familji tagħhom fuq servizzi residenzjali
privati jew fuq servizzi f’darhom;
• Jeżenta
mit-taxxa tad-dħul il-kera ta’ propjetajiet li
għandhom kirjiet residenzjali kontrollati.
Il-Gvern impenjat li
jwettaq politika li toħloq aktar xogħol u xogħol
aħjar, ħaġa li nistgħu nagħmlu biss jekk nagħrfu
naddattaw għall- kompetittività globali filwaqt
li nisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet fis-suq
li nfetaħ għalina permezz ta’ sħubija fl-Unjoni
Ewropea. Fl-istess ħin, il-Gvern se jaħdem biex
nersqu aktar viċin il-miri ta’ l-istrateġija ta’
Lisbona, strateġija li għalina primarjament
tfisser:
•
Kompetittività akbar permezz ta’ produttività
ogħla;
• Sehem
akbar għas-settur privat u b’mod speċjali
għall-imprendituri u s-self employed iż-żgħar
billi titnaqqas il-burokrazija, jitnaqqsu
l-ispejjeż u tiżdied l-effiċjenza tas-servizzi
pubbliċi;
• Poplu aktar edukat u
mħarreġ aħjar;
• Aktar
xogħol, b’aktar nisa jaħdmu, u b’pagi u
kundizzjonijiet aħjar għax naħdmu prodotti u
servizzi b’valur miżjud ogħla mil-lum;
•
Aġġornament kontinwu ta’ l-oqsma ekonomiċi li
nattiraw biex niżguraw li nkunu kompetittivi;
• Ekonomija
aktar miftuħa, b’anqas monopolji u b’anqas xkiel
mill-Gvern jew mill-burokrazija.
Il-Gvern, permezz
tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ, se
jinvesti fi proġetti, bl-għajnuna tal-Fond
Soċjali Ewropew, sabiex jiġi inċentivat
ix-xogħol u jissaħħaħ it-taħriġ. Il-Gvern irid
li jkun aktar faċli għall-ħaddiema li jsibu
xogħol jew li jerġgħu jidħlu fid-dinja
tax-xogħol jekk ikunu spiċċaw bla xogħol.
Fil-qasam tas-saħħa
u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-Gvern se
jintervjeni fejn ikun hemm prattiċi ħżiena ta’
xogħol, inkluż biex jiżgura li ma jintużawx
aktar forom ta’ kuntratti ta’ impiegi li jwasslu
biex iċaħħdu lill-ħaddiema minn kundizzjonijiet
u benefiċċji li għandhom dritt għalihom.
Minkejja s-sehem
relattivament żgħir tas-settur tal-biedja u
s-sajd fl-ekonomija, il-Gvern jemmen li dawn
huma żewġ setturi importanti, mhux biss
għall-persuni li jaħdmu fihom, imma għall-pajjiż
kollu. Għandhom sehem strateġiku fil-kuntest
tal-politika ġenerali tal-Gvern favur l-iżvilupp
sostenibbli u anki fid-dawl tal-kriżi
internazzjonali ta’ l-ikel. Għaldaqstant,
il-Gvern se jkompli jsostni investimenti fi
strutturi li jħaddmu l-bdiewa, raħħala u
sajjieda anki permezz ta’ għajnuna minn fondi
ta’ l-Unjoni Ewropea.
Meta t-turiżmu jmur
tajjeb iħalli effett pożittiv fuq ħafna oqsma
ekonomiċi oħra. Il-Gvern se jibqa’
jinkoraġġixxi l-investiment f’dan is-settur –
investiment li hu primarjament Malti – u jħaddem
politika għat-tkabbir tas-swieq tagħna billi
niddiversifikaw il-prodott li noffru u s-swieq
li nattiraw lejn pajjiżna permezz ta’ politika
ta’ trasport li, waqt li tinċentiva l-akbar
numru ta’ konnessjonijiet bl-aħjar prezzijiet,
tiżgura li l-Air Malta tibqa’ ass strateġiku
għal pajjiżna.
Il-Gvern jemmen li
m’għandux jidħol f’attività jew setturi
ekonomiċi li jistgħu jirregolaw lilhom infushom
bir-regoli tas-suq u bl-inizjattiva privata.
Il-Gvern iqis li l-irwol ta’ l-istituzzjonijiet
hu li jappoġġjaw il-kummerċ. Bħala regolatur u
koordinatur, il-Gvern se jappoġġja s-settur
privat b’kunsens bejn il-partijiet soċjali,
speċjalment il-unions u l-korpi kostitwiti.
ŻVILUPP SOĊJALI
Mingħajr koeżjoni u
ġid soċjali ma jistax ikun hemm tkabbir
ekonomiku, u wisq anqas żvilupp sostenibbli.
Il-Gvern jemmen li
l-ġid soċjali ta’ pajjiżna hu mibni fuq
il-familja u jqis il-vokazzjoni ta’ min jidħol
għaliha patrimonju mill-aktar prezzjuż
tas-soċjetà tagħna. Filwaqt li l-Gvern
jibqa’l-ħin kollu impenjat biex iħares
id-drittijiet fondamentali u naturali ta’ kull
persuna fis-soċjetà tagħna, irid li jagħti
l-aqwa importanza lis-saħħa, l-iżvilupp u
l-ħarsien tat-tfal, kemm jista’ jkun fi ħdan
familja stabbli u b’saħħitha mibnija fuq
iż-żwieġ.
Ma nistgħux, iżda,
ma naffrontawx ċerti realtajiet li qed niltaqgħu
magħhom fis-soċjetà llum. Għalhekk il-Gvern bi
ħsiebu jipproponi leġislazzjoni bil-għan li jiġu
mħarsa minn kull sfruttament persuni li jgħixu
flimkien barra mir-rabta taż-żwieġ.
Il-Gvern se jkompli
jaħdem, flimkien ma’ l-imsieħba soċjali, biex
joħloq l-aħjar ċirkostanzi għall-bilanċ bejn
il-familja u x-xogħol billi jkompli jippromwovi
dawk il-miżuri fuq il-postijiet tax-xogħol li
jagħtu kas il-bżonnijiet tal-familja. F’dan
ir-rigward il-Gvern irid li jaħdem b’mod
pożittiv sabiex in-nisa u l-irġiel jiksbu
opportunitajiet aħjar ta’ edukazzjoni, taħriġ u
xogħol fl-istess waqt li jkunu jistgħu jidħlu
għal responsabbilitajiet fil-familja.
Waqt li se jkompli
jnaqqas l-abbuż fis-servizzi soċjali, il-Gvern
fi ħsiebu:
• Ikompli
jissussidja l-kontijiet tad-dawl u l-ilma,
b’aċċenn partikolari fuq familji li huma l-aktar
fil-bżonn;
• Jieħu
l-passi meħtieġa biex isaħħaħ ir-regolatur
responsabbli mill-Protezzjoni tal-Konsumatur u
mill-Kompetizzjoni u jinkorpora fih
ir-responsabbilità tal-monitoraġġ
tal-prezzijiet, partikolarment dawk essenzjali,
bħall-ikel u mediċini;
• Isaħħaħ
l-iskemi favur l-anzjani biex jibqgħu jgħixu
f’darhom, isaħħaħ u jtejjeb il-pensjonijiet, u
jkompli l-immodernizzar tar-Residenza San
Vinċenz de Paule u djar oħra;
•
Jiżviluppa skemi ġodda biex ħafna aktar persuni
b’diżabilità jsibu jaħdmu u jibqgħu jgħixu
fil-komunità, jinforza aktar ir-regoli dwar
l-aċċessibilità, u jirratifika l-Konvenzjoni
tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Persuni
b’Diżabilità;
• Jaġġorna
l-istruttura ta’ appoġġ soċjali, diġà
b’saħħitha, biex jibqa’ jiġi assigurat li ħadd
ma jaqa’ lura u fejn kull persuna tiġi mgħejjuna
tintegra ruħha b’mod sħiħ fis-soċjetà.
F’pajjiżna kiber
il-fenomenu ta’ nies barranin li jiġu hawn mhux
bħala turisti iżda biex ifittxu ħajja aħjar
fl-Ewropa jew kenn mill-persekuzzjoni. Il-Gvern
se jkompli jindirizza l-isfida ta’
l-immigrazzjoni illegali b’politika bilanċjata
li tkun ħanina ma’ min ħaqqu l-għajnuna u
iebsa ma’ min m’għandux jedd li jibqa’ hawn
Malta.
Is-saħħa hija
l-kundizzjoni ewlenija għall-iżvilupp ta’ kull
persuna. Il-Gvern se jaħdem biex jassigura li
l-Isptar Mater Dei iservi ta’ xprun biex ngħollu
l-kwalità u l-livell tas-servizz tas-saħħa, li
jibqa’ b’xejn. Iżda issa l-Gvern se jiffoka
b’aktar prijorità, l-ewwel, fuq l-edukazzjoni u
l-promozzjoni dwar stili ta’ ħajja li jagħtuna
saħħitna u jgħinu nżommu l-mard ’il bogħod minna
u mill-familji tagħna, u, it-tieni, fuq il-kura
primarja ħalli naslu għal sistema ta’ saħħa
aktar organizzata li taqdi l-pazjenti aħjar u
mill-viċin.
Fost il-miżuri
konkreti l-Gvern fi ħsiebu:
• Jinseġ
il-kliniċi tat-tobba tal-familja u ċ-ċentri
tas-saħħa flimkien f’katina ma’ Mater Dei u
jifrex l-iskema ta’ l-Ispiżjar ta’ l-Għażla
Tiegħek;
• Isaħħaħ
il-programm ta’ screening bikri dwar l-istat ta’
saħħa fiżika u intellettwali tat-tfal;
•
Jindirizza b’aktar qawwa l-ġlieda lill-mard
tal-kanċer, kemm fil-prevenzjoni kif ukoll
fit-trattament;
•
Jikkontrolla dejjem aħjar il-prezzijiet
tal-mediċini;
•
Jintroduċi skemi biex jattira aktar żgħażagħ
lejn karriera fil-qasam tas-saħħa;
• Jibni
Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni bil-Faċilitajiet
kollha meħtieġa għall-persuni li jkunu qed
jirkupraw minn mard jew trattament serju;
•
Jenfasizza l-iżvilupp tas-servizzi dwar saħħa
mentali fil-komunità u jkompli l-programm ta’
modernizzar u bini ta’ faċilitajiet ġodda
fl-Isptar Monte Carmeli.
Il-Gvern jibqa’ jqis
l-edukazzjoni s-sies ta’ kollox, l-aqwa għodda
biex tgħin u tixpruna lill-poplu tagħna lejn
żvilupp sħiħ ta’ kull persuna u lejn progress
ekonomiku, soċjali, kulturali u ambjentali.
Fil-qasam ta’
l-edukazzjoni l-mira tibqa’ li uliedna jirnexxu
lkoll, skond it-talenti tagħhom, u li
jiżviluppaw valuri umani b’saħħithom, mentalità
kritika, kapaċità ta’ riċerka, u abbilità li
joħolqu soluzzjonijiet u ideat ġodda. L-użu
tal-computer u l-internet, li diġà jibda
mil-livell ta’ l-iskola primarja, jissaħħaħ
fil-livelli kollha skond Kurrikulum rivedut
mibni fuq l-istrateġija diġà adottata ta’
e-Learning.
Il-Gvern irid
iwassal ir-riforma mibdija fl-edukazzjoni
fil-livelli kollha tagħha sal-milja tagħha,
mill-iżvilupp l-aktar bikri sa l-edukazzjoni
ogħla u vokazzjonali f’qafas ta’ tagħlim tul
il-ħajja.
Fost il-miżuri
konkreti, il-Gvern fi ħsiebu:
• Ipoġġi
fuq sisien b’saħħithom is-sistema li beda
tal-Kulleġġi ta’ l-Istat;
• Jiftaħ
aktar ċentri tat-Tfal (Child Care Centres);
• Isostni
r-riżorsi meħtieġa biex studenti bi bżonnijiet
edukattivi speċjali jkunu jistgħu jkomplu
jistudjaw u jitħarrġu wara li jtemmu
l-edukazzjoni obbligatorja filwaqt li tiġi
estiża s-sistema ta’ appoġġ speċjali anki
għall-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom fi
skejjel privati;
• Jiġi
offrut programm edukattiv, kreattiv u sportiv
wara l-ħin ta’ l-iskola għal tfal u studenti
fl-iskejjel tal-Kulleġġi ta’ l-Istat;
• Ikompli
l-programm ta’ bini, tkabbir, manutenzjoni u
tisbiħ ta’ l-iskejjel;
• Jara li
l-edukazzjoni timxi id f’id mat-teknoloġija
avvanzata u li l-istudenti u l-għalliema jħaddmu
t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u l-informatika
skond l-istrateġija ta’ l-e-Learning;
• Isostni u
jaġġorna s-sistema ta’ l-istipendji u ta’
l-scholarships;
•
Jipproponi liġi biex l-Università ta’ Malta tkun
tista’ twettaq ir-riformi meħtieġa;
• Jibda
jitwettaq il-Master Plan għall-bini ta’ kampus
ġdid tal-kulleġġ MCAST;
• Bħala
parti mill-proċess edukattiv u ta’ promozzjoni
ta’ stili pożittivi ta’ ħajja l-Gvern jibqa’
impenjat favur l-isport filwaqt li l-isport
jingħata spazju akbar fil-formazzjoni ta’
l-istudenti f’kull livell.
Il-Gvern se jkompli
jaħdem favur l-arti u l-patrimonju kulturali
tal-poplu tagħna. F’din il-ħidma l-Gvern se
jkompli bil-proġetti tiegħu ta’ tisbiħ
tal-pajjiż, tiswija tas-swar, il-bini ta’
villaġġ għall-arti, u tisbiħ u riġenerazzjoni
tal-Belt Valletta.
ŻVILUPP AMBJENTALI
Matul il-ħames snin
li ġejjin, il-Gvern irid li jpoġġi l-ambjent,
aktar minn qatt qabel, fil-qalba tal-politika
tiegħu. L-ambjent irid ikun prijorità ewlenija
għall-Gvern u għal pajjiżna kollu kemm hu.
F’kollaborazzjoni sħiħa mas-settur privat u
mas-soċjetà ċivili, il-Gvern se jaħdem biex
ikompli jkattar kuxjenza favur il-ħarsien ta’
l-ambjent f’kull aspett tiegħu mill-imħabba
għall-indafa sar-riċerka xjentifika.
Biex il-proġett
nazzjonali ta’ żvilupp sostenibbli jkun jista’
jitwettaq fil-prattika, il-Gvern ħa deċiżjoni
strateġika li jiddedika parti sostanzjali
mill-fondi tal-Unjoni Ewropea biex jiġu
finanzjati numru ta’ proġetti u inizjattivi.
Tul din il-leġislatura l-Gvern se jalloka
mat-tliet mitt miljun ewro ta’ fondi mill-Unjoni
Ewropea u fondi oħra pubbliċi biex, fost miżuri
konkreti oħra, jittieħdu dawn l-inizjattivi
ewlenin:
•
Jirriforma l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u
l-Ippjanar (MEPA) biex iġib effiċjenza,
jassigura trasparenza, titkattar il-konsistenza
fid-deċiżjonijiet, u jsaħħaħ l-infurzar;
• Jaħdem
għal livelli ta’ kwalità dejjem aħjar fl-oqsma
tat-tniġġis ta’ l-arja, l-ilma u l-baħar,
l-immaniġġjar ta’ l-iskart u l-ħarsien aħjar
tar-residenti mill-impatt ta’ l-industrija
tal-kostruzzjoni;
• Jagħti
sehmu fl-isfidi li qed iġib miegħu t-tibdil
fil-klima billi jadotta dawk il-miżuri u
inċentivi meħtieġa ħalli nużaw b’mod aktar
effiċjenti u għaqli l-enerġija minn sorsi
tradizzjonali u ninvestu f’sorsi alternattivi
ta’ enerġija nadifa, kif ukoll naħżnu aħjar
l-ilma tax-xita;
• Jappoġġja
proġetti ta’ riċerka dwar innovazzjoni
ekoloġika, sorsi ta’ enerġija nadifa, u
teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet u li
jkunu adattati għaċ-ċokon ta’ pajjiżna;
• Jaħdem
sabiex sa l-2020 innaqqsu l-emissjonijiet ta’
dijossidu karboniku (CO2) b’20% u
nilħqu l-mira li 10% ta’ l-enerġija tkun
iġġenerata minn sorsi alternattivi;
• Jibni
l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ
fin-Nofsinhar ta’ Malta li jwassal biex ma
jintrema l-ebda drenaġġ mhux trattat fil-baħar;
• Ikompli
jtejjeb l-ispazji urbani u jagħti nifs l-ibliet,
l-irħula u l-kampanja tagħna; iwettaq pjanijiet
ta’ mmaniġġjar ta’ siti li jaqgħu taħt Natura
2000, jiġu identifikati żoni ġodda
għall-afforestazzjoni, u jiġi żgurat aċċess
akbar għall-kampanja li titħalla għat-tgawdija
tal-pubbliku u tal-ġenerazzjonijiet futuri;
• Isaħħaħ
is-servizz tat-trasport pubbliku, u jwettaq
strateġija nazzjonali dwar l-immaniġġjar
tat-traffiku, anke biex jiġi kkontrollat aktar
it-tniġġiż ta’ l-arja;
• Iwettaq
aktar miżuri favur il-ħarsien ta’ l-annimali.
GVERNAR TAJJEB U
XIERAQ
L-ebda progress
ekonomiku, soċjali jew ambjentali mhu tassew
possibbli mingħajr qafas sod ta’ gvernar tajjeb
u xieraq kif ukoll tmexxija soda u għaqlija
tal-pajjiż minn naħa ta’ l-istituzzjonijiet
politiċi, regolatorji u ġudizzjarji.
F’pajjiżna,
iċ-ċittadini diġà jgawdu livell għoli ta’
garanzija ta’ serħan tal-moħħ bil-ħarsien
tal-liġi, tal-libertajiet ċivili u
istituzzjonijiet sabiex kulħadd iħoss li huwa
protett u jsib il-wens meta jeħtieġ.
Il-Gvern se jkompli
jkun Gvern miftuħ u trasparenti, Gvern li jisma’
u jikkonsulta, Gvern li jagħti kas kulħadd.
Il-Gvern se jsaħħaħ il-Kunsill Malti
għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u se jaħdem
ma’ l-għaqdiet li jirrapreżentaw is-soċjetà
ċivili biex iwessa’ d-djalogu magħhom.
Meta jidħol fis-seħħ
it-Trattat ta’ Lisbona ta’ l-Unjoni Ewropea,
il-Parlament Malti jrid jevolvi fi struttura
aktar impenjata fit-teħid tad-deċiżjonijiet ta’
l-Unjoni Ewropea. Il-Gvern irid li nkomplu
nsaħħu d-demokrazija u t-trasparenza u fi ħsiebu
jaħdem ma’ l-Oppożizzjoni biex il-Parlament jiġi
msaħħaħ filwaqt li jiżdidulu r-riżorsi.
Barra minnhekk, biex
isaħħaħ is-sistema u l-prattika tajba ta’
iggvernar, il-Gvern se jipproponi:
• Liġi dwar
l-Amministrazzjoni Pubblika;
• Liġi dwar
Investigatur Speċjali fi ħdan il-Kummissjoni
Permanenti Kontra l-Korruzzjoni;
• Liġi dwar
il-Libertà ta’ l-Informazzjoni;
• Liġi dwar
il-Protezzjoni tal-Whistleblowers;
• Liġi biex
l-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman jingħata
r-responsabbilità li jikoordina l-proċessi dwar
l-ilmenti amministrattivi fis-settur pubbliku
kollu;
• Liġi dwar
il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi;
• Liġi li,
f’kuntest ta’ reviżjoni tal-Kostituzzjoni,
tkompli ttejjeb is-sistema elettorali;
• Liġi li
ssaħħaħ l-issikkar fuq konflitti ta’ interess
ta’ Membri Parlamentari;
• Liġi biex
il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jpoġġu
fi Blind Trusts l-interessi kummerċjali u
n-non-fixed/public investments.
Sistema ta’ ggvernar
tajjeb hi wkoll essenzjali fil-livell
tal-Kunsill Lokali. Il-Gvern se jibqa’ jgħin
lill-Kunsilli Lokali biex jiffunzjonaw dejjem
aħjar, inkluż b’aktar użu ta’ fondi ta’ l-Unjoni
Ewropea. Il-Gvern se jiftaħ ukoll diskussjoni
pubblika bl-iskop li jkun konsidrat għandhiex
tinbidel is-sistema ta’ elezzjoni kull sena għal
terz tal-Kunsilli Lokali.
SIGURTà
Il-Gvern ikompli
jsaħħaħ is-sigurtà għaċ-ċittadini tagħna billi
jieħu miżuri li jipprevjenu u jikkontrollaw
il-kriminalità u l-ksur tal-liġijiet. Fost
il-miżuri li fi ħsiebu jieħu l-Gvern se jwaqqaf
laboratorju tad-DNA, jintroduċi tags elettroniċi
fuq persuni akkużati b’reati serji, u jwaqqaf
reġistru tal-ħatja ta’ reati sesswali.
Il-Gvern ikompli
jaħdem biex il-Korp tal-Pulizija jibqa’
b’saħħtu, modern, effiċjenti u mħarreġ
fil-ħarsien tal-liġi u l-ġlieda kontra
l-kriminalità. Sabiex isaħħaħ aktar ir-rispett
u l-infurzar tal-liġi, il-Gvern se jeżamina
l-possibbilità li diversi awtoritajiet ta’
infurzar f’pajjiżna (bħal wardens, l-enforcement
officers ta’ l-ADT, tal-MEPA, il-Green Wardens
u oħrajn) jiġu magħquda f’korp wieħed.
F’dan il-kuntest,
l-Armata ta’ Malta se tkompli tkun modernizzata,
b’enfasi prinċipali fuq it-taħriġ u
opportunitajiet ta’ speċjalizzazzjoni fl-oqsma
l-aktar relevanti għal pajjiżna.
VIŻJONI 2015
Matul l-istorja
tiegħu l-poplu Malti wera l-ħila u r-rieda li
jsawwar u jwettaq viżjoni li għamlitna wieħed
mill-popli ż-żgħar li l-aktar irnexxew
fid-dinja. Ispirat minn din il-fiduċja li
għandu fil-poplu Malti, il-Gvern għażel seba’
oqsma li fihom hu fiduċjuż li sa l-2015 il-poplu
kapaċi jikseb l-ogħla kwalità possibbli u
jiddistingwi ruħu minn ħaddieħor.
Il-Gvern jemmen li
din hi viżjoni mħaddna mill-Maltin u l-Għawdxin
kollha. Biss, il-Gvern se jagħti spazju
speċjali għal Għawdex, gżira reġjun, biex jgħin
lill-Għawdxin jegħlbu l-isfidi partikolari
tagħhom u jgawdu sehem sħiħ fis-suċċess
tal-pajjiż kollu.
L-ewwel hemm
is-settur tas-servizzi finanzjarji. Dan
is-settur kiber b’rata mgħaġġla, mijiet ta’
kumpaniji barranin irreġistraw f’Malta u nħolqu
eluf ta’ impiegi. Illum, is-settur diġà jlaħħaq
madwar 12% tal-prodott gross domestiku.
Il-Gvern se jieħu l-miżuri meħtieġa biex isaħħaħ
il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru finanzjarju
ewlieni fir-reġjun Ewro-Mediterranju b’mod li sa
l-2015 il-poplu jkabbar is-sehem ta’ dan
is-settur fil-prodott gross domestiku u jħaddem
ferm aktar ħaddiema.
It-tieni,
it-teknoloġija ta’ l-informatika u
l-komunikazzjoni (ICT). SmartCity hija simbolu
ta’ fejn irid jasal il-Gvern f’dan il-qasam.
Proġett li se joħloq eluf ta’ impiegi, li
l-maġġoranza tagħhom huma impiegi għall-Maltin
kemm fis-settur ta’ l-informatika, tal-media,
kif ukoll fi snajja’ u ħiliet oħra. Biss hemm
kisbiet oħra li ġabu ġid kbir lill-poplu u
l-ekonomija tagħna. Biżżejjed ngħidu li f’dan
is-settur is-sena li għaddiet kellna investiment
ta’ madwar biljun ewro filwaqt li fil-qasam ta’
l-e-government aħna diġà meqjusin bħala t-tieni
pajjiż l-aktar żviluppat fl-Ewropa kollha.
Il-Gvern irid
jiżgura s-suċċess ta’ SmartCity u jestendi
l-kunċett fuq skala nazzjonali għal SmartMalta.
B’hekk nattiraw għadd kbir ta’ kumpaniji ġodda
lejn xtutna fil-qasam ta’ l-informatika u
noħolqu għadd kbir ta’ impiegi ta’ kull tip.
Il-pjan tal-Gvern
fl-informatika jiżgura li l-poplu kollu jikseb
l-għarfien, il-kapaċità u r-riżorsi biex ħadd ma
jitħalla barra mill-benefiċċji tal-komunità
elettronika.
It-tielet,
it-turiżmu. Sa l-2015, is-settur tat-turiżmu
tagħna se jkollu sfidi ġodda quddiemu. Sa dak
iż-żmien, ikun hemm destinazzjonijiet ġodda,
prodotti ġodda, operaturi ġodda u fornituri
ġodda ta’ servizzi turistiċi. Jeħtieġ li nkunu
ppreparati għal din iż-żieda fil-kompetizzjoni.
Mhux hekk biss, irridu ndawru dawn l-isfidi
f’opportunitajiet biex ikollna aktar suċċessi.
Il-Gvern se jaħdem
biex nagħmlu lil Malta u lil Għawdex
destinazzjoni speċjali fil-Mediterran.
Il-prinċipji ta’ sostenibbiltà u ta’ strateġija
li tintegra t-turiżmu fl-oqsma kollha tal-ħidma
tal-Gvern għandhom jikkaratterizzaw il-viżjoni
tagħna tat-turiżmu għall-2015.
Fost diversi miżuri,
uħud diġà msemmija, il-Gvern fi ħsiebu:
• Jaġġorna
b’mod kontinwu, u jwettaq l-Istrateġija u l-Pjan
Nazzjonali dwar it-Turiżmu id’ f’id mas-settur
privat;
• Jgħolli
l-ammont tad-dħul mhux taxxabbli lill-familji li
jospitaw studenti barranin;
• Iwettaq
programm vast ta’ investiment f’żoni turistiċi u
restawr tas-swar;
• Iwettaq
il-proġett għall-Port il-Kbir u l-Port ta’
Marsamxett, inkluż il-Baċir Nru 1 u joħloq
promenades kontinwi mill-ponta ta’ l-Isla sa
Sant’ Anġlu, u mill-Pietà sa Qui-si-Sana.
Ir-raba’, is-settur
tal-manifattura u s-servizzi marbuta magħha.
Il-Gvern jemmen li l-ħaddiema tagħna huma kapaċi
jidħlu għall-isfida biex jagħmlu minn Malta
ċentru reġjonali ta’ l-ogħla kwalità f’ċerti
oqsma ta’ l-industrija li joffru mhux biss aktar
impiegi iżda wkoll impiegi aħjar, li jrendu pagi
ogħla. Dawn jinkludu l-farmaċewtika,
il-bijo-teknoloġija u l-manifattura bbażata fuq
it-teknoloġija avvanzata kif ukoll l-industrija
tas-servizzi marbuta mal-manifattura.
Fost il-miżuri li
l-Gvern se jwettaq hemm aktar għajnuniet diretti
taħt il-liġi għall-promozzjoni ta’ l-industrija
u investiment qawwi għall-iżvilupp ta’ żoni
industrijali u ta’ fabbriki ġodda f’{al Far,
fil-Mosta Technopark u fil-Villaġġ Artiġjanali
Ta’ Qali.
Il-Gvern se jestendi
l-Business Incubation Centre ta’ Kordin biex
noffru spazju u opportunitajiet akbar
lill-imprendituri ġodda. Il-Gvern se jniedi
wkoll skemi, finanzjati mill-Unjoni Ewropea,
għall-intrapriżi sabiex jinċentivahom jinvestu
fl-innovazzjoni u r-riċerka, fl-imprenditorija u
fl-iżviluppi ambjentali, fost oħrajn.
Il-Gvern se jaħdem
bis-sħiħ biex jisfrutta il-pożizzjoni naturali
ta’ pajjiżna biex insaħħu f’Malta r-rabtiet
industrijali u tas-servizz li jiġu mill-qasam
marittimu, fejn diġà għandna isem, u nħaddmu
politika li tipprova anke mill-ispazju ta’
l-ajru tagħmel dak li diġà qed nagħmlu
mill-baħar.
Il-ħames, is-saħħa.
Billi jkompli jibni fuq servizz ta’ l-ogħla
kwalità li jista’ jkollu kwalunkwe pajjiż
bis-saħħa ta’ l-Isptar Mater Dei, il-Gvern ikun
qed joħloq il-bażi biex Malta ssir ċentru ta’
l-ogħla kwalità anke f’dan is-settur. B’hekk
waqt li jiżgura għall-poplu tagħna l-aqwa
servizz u servizz b’xejn, il-Gvern jimmira li
jiġbed pazjenti barranin f’oqsma speċjalizzati,
anke bi sħubija mal-privat. B’dan il-mod,
jikkontribwixxi wkoll għas-sostenibbiltà
tas-servizzi li l-Gvern se jkompli jagħti
lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Is-sitta,
l-edukazzjoni u l-kultura. Fuq il-bażi ta’
sistema edukattiva tassew inklussiva li qed
tinbena għalina l-Maltin, nistgħu u għandna
wkoll nibnu oqsma ta’ kwalità għolja, fejn
nistgħu noffru spazji għat-tagħlim u
għar-riċerka li jkunu fost l-aqwa għallinqas
fir-reġjun tagħna. Dawn il-miri nistgħu
nilħquhom fejn għandna vantaġġi u wirt storiku,
bħal ngħidu aħna, fl-istudji dwar il-baħar,
il-kontribut li għamilna lil-Liġi Marittima u
t-tradizzjoni tat-Tarznara.
Fl-istess ħin
il-Gvern irid li anke s-settur privat joffri
servizzi edukattivi, partikolarment dawk li
jistgħu jiġbdu studenti barranin, filwaqt li
jkompli jħajjar istituzzjonijiet edukattivi
barranin jiftħu jew joffru korsijiet ta’ kwalità
u rikonoxxuti hawn Malta.
Is-seba’, Għawdex,
Gżira Ekoloġika. Għawdex huwa wkoll element
essenzjali tal-Viżjoni 2015. Il-Gvern jemmen
f’Għawdex b’riżorsi umani ta’ kwalità, b’ambjent
naturali, pajsaġġ u wirt kulturali uniċi,
destinazzjoni turistika distinta, komunità li
toffri servizzi soċjali u mediċi mill-aqwa,
soċjetà fejn il-persuna u l-kwalità tal-ħajja
huma fiċ-ċentru ta’ kull żvilupp.
Il-Gvern jemmen li
ma jistax iħares lejn Għawdex mill-lenti ta’
Malta biss. Il-progress soċjali u ekonomiku
ta’Għawdex huwa frott ta’ tmexxija li tagħraf li
ma tistax tmexxi lil din il-gżira daqs li kieku
kienet biss distrett f’Malta.
F’Għawdex il-Gvern
se joħloq ukoll l-opportunitajiet ta’ xogħol
billi jimplimenta pakkett ta’ miżuri. Fosthom
tingħata prijorità lill-ambjent u
lill-agrituriżmu; isir żvilupp ta’ mużewijiet
ħajjin dwar snajja’ tradizzjonali, trejqiet
fil-kampanja, portijiet tas-sajd u tas-sajd
artiġjanali, faċilitajiet għall-cruise liners u
għat-turiżmu sportiv. Il-patrimonju Għawdxi,
b’mod partikolari ċ-Ċittadella u l-:gantija, se
jiġu mħarsa. Il-mira hija li Għawdex ikun
mudell ta’ żvilupp sostenibbli.
MALTA, GŻIRA IMMA
MHUX IŻOLATA
Fil-politika
barranija tiegħu l-Gvern ikompli jimpenja ruħu
bis-sħiħ fir-reġjun Ewro-Mediterranju. Irid
juża l-pożizzjoni strateġika u ġeografika tagħna
u l-isħubija fl-Unjoni Ewropea bħala strument
għall-paċi u l-prosperità fir-reġjun. Ir-rabta
speċjali tagħna bħala pajjiż membru ta’ l-Unjoni
Ewropea mal-pajjiżi ġirien tkompli tissaħħaħ
fl-interess ta‘ pajjiżna f’oqsma differenti
bħall-immigrazzjoni u t-tfittix għaż-żejt.
It-tradizzjoni
marittima tagħna fir-reġjun toffri lil pajjiżna
opportunitajiet kbar li jipproponi t-twaqqif ta’
strutturi għal kooperazzjoni u ggvernar
fir-reġjun Ewro-Mediterranju fl-oqsma tas-sajd,
rotot tal-passaġġi tal-vapuri u attivitajiet
marittimi oħra.
L-għan tal-Gvern hu
li Malta tiżboq iċ-ċokon b’sehem kreattiv
f’dinja li saret raħal wieħed.
Il-Gvern iqis li
l-pajjiż għandu sfidi kbar u serji quddiemu.
Huwa determinat li b’responsabbilità ma jaħrabx
mir-realtà iżda li jiffaċċjahom
b’determinazzjoni. Il-Gvern jemmen bis-sħiħ li
jkun jaqbel lill-pajjiż jekk jissawwar kunsens
dwar kif għandhom jiġu indirizzati dawn
l-isfidi. Għaldaqstant, qiegħed minn issa
jiftaħ il-bieb tiegħu għal kull min irid jaħdem
miegħu favur l-aħjar interess tal-pajjiż.
Fil-ħidma tiegħu, il-Gvern irid ikun il-Gvern
ta’ kulħadd u Gvern għal kulħadd.
Il-Gvern iqis li l-pajjiż
jinsab fid-direzzjoni t-tajba u f’pożizzjoni
tajba li jisfrutta aktar u aħjar il-benefiċċji
ta’ l-għażliet li diġà għamel, ewlenin fosthom
l-għażla ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea. Fuq din
id-direzzjoni, il-Gvern poġġa quddiemu viżjoni
ċara iżda ambizzjuża ta’ fejn irid iwassal
il-pajjiż sas-sena 2015. Minn issa tibda l-ħidma
biex din il-viżjoni tintlaħaq u tissarraf
f’realtà.
Din il-viżjoni trid tiġi mlaqqma
mill-għażla fundamentali favur żvilupp
sostenibbli. Żvilupp sostenibbli biss huwa
żvilupp veru, żvilupp li jwassal sabiex kull
persuna tkun tista’ tilħaq il-milja tagħha. Il-Gvern
jixtieq jistieden lil kulħadd sabiex jissieħeb
f’patt għall-iżvilupp
sostenibbli.
Il-ħidma ta’ din
il-leġislatura, li qed tibda llum, hija ħidma
iebsa u twila. Iżda hija ħidma li, jekk naħdmu
flimkien, bħala poplu wieħed, bħala familja
waħda, għandha twassal biex anki l-aktar sfidi
iebsa jintgħelbu u l-aktar miri ambizzjużi jsiru
possibbli.