DISKORS MILL-ONOR. JOHN DALLI, MINISTRU
GĦALL-POLITIKA SOĊJALI WAQT KONFERENZA
ORGANIZZATA MINN MID-DLAM GĦAD-DAWL BIT-TEMA
“L-EKS-PRIĠUNIER: ITTIMBRAT GĦALL-DEJJEM?” – 10
TA’ APRIL 2008, VALLETTA
Ir-riabilitazzjoni ta’ persuna ġewwa l-Faċilità
Korrettiva ta’ Kordin għandha l-għan ewlieni li
matul iż-żmien li l-persuna tkun qed tiskonta s-sentenza
terġa’ ssib saqajgħha fis-soċjetà tagħna.
Kull diskriminazzjoni li jġarrab il-priġunier
għandha tkun kundannabbli daqs kemm huwa
kundannabbli l-att kriminali li l-persuna tkun
għamlet.
Il-Gvern permezz ta’ l-Aġenzija Appoġġ jipprovdi
l-għajnuniet meħtieġa kemm lill-priġunieri li
jkunu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u kif
ukoll lill-familji tagħhom. Dan is-servizz jgħin
b’mod dirett lill-priġunier billi jerġa’
jintegrah fis-soċjetà.
Il-ħidma ta’ l-Aġenzija Appoġġ tibda sa mill-ewwel
ġurnata li l-persuna tidħol fil-FKK. Fil-fatt l-Appoġġ
tistudja kull każ partikolari ta’ l-individwu u
tipprovdi s-servizzi meħtieġa sabiex
ir-riabilitazzjoni tkun waħda pożittiva skond
il-ħtiġijiet personali u soċjali tal-persuna.
Dan kollu qed isir minn nies professjonali li
joffru assistenza kontinwa kemm fil-faċilità
korrettiva ta’ Kordin u kif ukoll barra.
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali bl-għajnuna
ta’ l-Aġenzija Appoġġ ma jgħinx biss
lill-priġunieri fir-ri-integrazzjoni tagħhom
iżda jassisti wkoll lill-familji tal-priġunieri
sabiex ikunu kapaċi jegħelbu kull sitwazzjoni
diffiċli li jiltaqgħu magħha.
Fil-fatt fis-Servizz Pubbliku l-Gvern nieda
sistema fejn Uffiċjal Pubbliku li jkun tkeċċa
mis-servizz, wara li tkun skontata s-sentenza
jerġa’ jiġi impjegat mill-ġdid.
Aktar minn hekk qed issir ħidma biex ikun
iffaċilitat il-kuntatt bejn il-priġunieri u l-qraba
tagħhom u l-NGOs.
Il-Ministeru mmexxi minni joffri wkoll għajnuna
finanzjarja mhux biss lil dawn l-entitajiet
pubbliċi iżda lill-entitajiet privati sabiex
jagħtu għajnuna u servizzi diretti lill-eks
priġunieri.
Fil-qasam privat il-gvern jagħti għajnuna
finanzjarja lil Mid-Dlam għad-Dawl; Suret
il-bniedem; u l-YMCA fost oħrajn.
Aktar minn hekk il-Gven hu impenjat li jaħdem
ma’ l-Aġenzija Appoġġ, mal-Fejda u ma’ l-ETC
sabiex jassistu lill-eks priġunieri
fil-bżonnijiet kollha tagħhom biex ma jerġgħux
jirrikorru għall-aġir kriminali.
Ovvjament hemm ukoll lok għal titjib u l-Ministeru
tiegħi se jaħdem biex dan it-titjib isir f’din
il-leġiżlatura.
Il-familja tal-priġunier għadha tingħata aktar
importanza speċjalment fejn ikun hemm it-tfal
involuti. Irid ikun hemm ukoll aktar sinerġija
bejn il-faċilitajiet korrettivi u l-aġenziji
kemm tal-Gvern kif ukoll privati. B’dan il-mod
biss inkunu nistgħu ngħidu li l-faċilitajiet
korrettivi qegħdin verament iħallu l-frott
mixtieq.
Irridu wkoll inkomplu nsaħħu l-politika tagħna
f’dak li għandu x’jaqsam ma’ delinkwenti
żagħżagħ sabiex dawn jibdlu ħajjithom qabel ma’
jkun tard wisq, peress li f’ħafna mill-każi l-aġir
tagħhom jkun l-konsegwenza tax-xorb u d-droga.
Fil-fatt l-Aġenzija Appoġġ flimkien mas-Sedqa
diġà toffri servizzi għal min hu vittma ta’ dawn
il-vizzji.
Fl-imgħoddi meta kont nokkupa l-Kariga ta’
Ministru tal-Finanzi tajt kull appoġġ lil
organizzazzjonijiet bħal Dar it-Tama u Mid-Dlam
għad-Dawl anke waqt l-iżvilupp tal-proġett
f’Bormla, u matul din il-leġiżlatura l-Gvern
biħsiebu li jkompli jgħin permezz ta’ għajnuniet
finanzjarji u professjonali lil dawn l-entitajiet
li jaħdmu ma’ l-eks priġunieri.