“L-UŻU
TAD-DISINN FAVUR VANTAĠĠ KOMPETITTIV” – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN
VASSALLO
“Permezz ta’
l-inizjattiva Design Malta, aħna xtaqna nagħtu competitive
edge lin-negozji ż-żgħar tagħna bl-użu aħjar
tad-disinn fix-xogħol tagħhom. Il-mira tal-Gvern hi li aktar negozji
żgħar ikunu konxji ta’ kif jistgħu jużaw id-disinn fix-xogħol tagħhom
biex ikunu aktar kompetittivi.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji
Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jitkellem
waqt attività li fiha ngħataw dettalji dwar ir-riżultati ta’ l-ewwel
fażi tal-proġett Design Malta.
Is-Segretarju
Parlamentari Edwin Vassallo qal li “wara inizjattiva konġunta bejn
is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed
u l-kumitat Design Malta, erba’ studenti ta’ l-MCAST ġew mogħtija
l-opportunità li jaħdmu f’negozji tal-manifattura f’żoni industrijali
sabiex permezz ta’ l-istudenti nkunu nistgħu ngħarrfu lin-negozji kif
l-użu tad-disinn jista’ jgħin sabiex jakkwistaw vantaġġ kompetittiv.
Dan il-proġett jagħmel ukoll parti mill-Pjan ta’ Ħidma ppubblikat
mis-Segretarjat Parlamentari, u permezz ta’ l-inizjattivi li jinsabu
f’dan il-Pjan qegħdin inwettqu wkoll il-miri ta’ l-Aġenda ta’ Lisbona.”
L-istudenti ta’ l-MCAST
li ppartecipaw f’din l-iskema kienu: Neil Zammit, Roberta Gatt, Emily
Zammit, u Ritianne Camilleri. Huma kienu preżenti għall-attività, li
saret fil-Common Room tal-KSU fl-Università, u taw preżentazzjoni
tax-xogħol li wettqu mal-kumpaniji. Dawn l-istudenti kienu qegħdin
jaħdmu ma’ 16-il kumpanija fl-oqsma ta’ l-għamara, l-inġinerija, l-aluminium,
il-kostruzzjoni, il-gypsum, u l-bejgħ ta’ l-ikel. Huma
introduċew il-kunċett ta’ disinn fost dawn il-kumpaniji f’aspetti
differenti, minn produzzjoni, kif ukoll marketing ta’ l-istess
prodott jew servizz li qed jiġi offrut għall-bejgħ. Huma fil-fatt għenu
l-kumpaniji jiddisinjaw kemm għamara, kif ukoll fid-disinn ta’
websites għall-kumpaniji. Fil-każ ta’ għamara, studenta milli
pparteċipat fil-programm użat il-kompjuter biex tiddisinja kmamar
tas-sodda jew kċejjen, u ħolqot ukoll wirja 3-D ta’ kif ser tiġi
l-kamra. Is-sidien tan-negozju apprezzaw din il-ħidma, li għenet
lill-konsumaturi jimmaġinaw eżattament kif ser tiġi l-kamra. Fil-każ
ta’ disinn ta’ website, l-istudenti għenu lill-kumpaniji jagħtu
dehra aħjar lill-website tagħhom, kif ukoll għenuhom fil-ħolqien
ta’ logos u disinni oħra.
Is-Segretarjat waqqaf
il-Kumitat Design Malta sabiex imprendituri jkunu aktar
innovattivi, u jisfruttaw l-użu tad-disinn sabiex jirbħu vantaġġ
kompetittiv fuq il-kompetitur tagħhom. Minkejja
il-ħafna stejjer ta’ suċċess li għandna minn negozji żgħar, ftit huma dawk li verament
qed jispikkaw.
Kemm ilu mwaqqaf id-Design
Malta, ġew organizzati żjarat minn kelliema
barranin sabiex jitkellmu dwar l-importanza
tad-disinn. Fil-ġimgħat li ġejjin, is-Segretarjat Parlamentari
għan-Negozji Żgħar u s-Self
Employed sejjer iniedi wkoll il-premju għal Ġieh l-Artiġjanat, li hu
maħsub biex jagħti promozzjoni lil dawk is-snajja’ artiġjanali li
jispikkaw.
L-iskema tad-Design
Malta ser tkun estiża
wkoll għas-sena li ġejja u l-applikazzjonijiet għal dawk l-istudenti li
jkunu interessati li jaħdmu ġo negozji tal-manifattura tul is-sajf li
ġej ser jiftħu dalwaqt.
Waqt il-konferenza ta’
l-aħbarijiet tkellmu ukoll is-Sur Frank Edwards, Prinċipal ta’ l-MCAST,
u Dr. Jonathan Borg, Chairman tad-Design Malta.
Fit-tmiem ta’ l-attività
s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “din mhix attività ta’
darba, u ser inkomplu niżviluppaw din
l-inizjattiva biex ngħinu lin-negozji żgħar tagħna jirbħu
fil-kompetizzjoni permezz ta’ l-innovazzjoni u d-disinn. B’dan il-mod
ser inkunu qegħdin ngħaqqdu s-settur tal-kummerċ u l-istudenti, biex
flimkien jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jgħinu lil xulxin.