ID-DIPARTIMENT
GĦAS-SAĦĦA TAL-PJANTI JWISSI DWAR IR-Red Palm Weevil (Bumunqar
AĦmar tal-Palm)
Il-Bumunqar Aħmar tal-Palm, bl-Ingliz
Red Palm Weevil [ Rhynchophorus ferrugineus (Olivier)]
fil-preżent huwa meqjus bħala l-iktar insett li qiegħed jagħmel ħsara
fis-siġar tal-palm madwar id-dinja. Fir-reġjun tal-Mediterran, inkluz
f’Malta, iż-żewġ speċi ta’ palm ikkonċernati huma: Phoenix
dactylifera u P.canariensis, imma dan l-insett jista’
jattakka speċi ta’ palm ornamentali ieħor.
Din il-ħanfusa hija pjuttost kbira fid-daqs,
bejn 2 u 5 ċentimetri tul. Il-munqar prominenti kemmxejn imgħawweġ,
il-kulur ħamrani lewn is-sadid u t-tikek suwed huma karatteristiċi ta’
dan l-insett. Il-ġwienaħ ta’ dan l-insett huma b’saħħithom,
għaldaqstant kapaċi jtir distanzi konsiderevoli, madwar kilometru
mingħajr waqfien. Din il-ħanfusa tagħmel ħsara kbira fuq il-palm għax
l-istadji larvali jgħawwru u jieklu miz-zokk prinċipali u jikkawzaw
il-mewt tal-palma. Huwa diffiċli biex tinduna minn kmieni li l-palma
hija nfestata bil-Bumunqar Aħmar tal-Palm, għax il-larva jibda
ċ-ċiklu tiegħu ġewwa l-palma, u normalment ma jitlax fil-wiċċ
tas-siġra. Għaldaqstant, l-larvae ma jidhrux, u lanqas
is-sintomi tal-ħsara li tkun qegħda ssir. Ħafna drabi, meta wiehed
jibda jara l-ewwel sintomi, ikun tard wisq għax diġa’ tkun saret wisq
ħsara.
Meta l-infestazzjoni tkun avvanzata, wieħed
jista’ jilmaħ likwidu magħqud ta’ lewn kannella mal-palma, u anke frak u
biċċiet ta’ fibri ħerġin minn ġo toqob zgħar li jkunu tħaffru minn dan
l-insett. It-taħsir fil-palma jikkawża wkoll riħa karatteristika.
Barra minn hekk, il-weraq tal-palma jibdew jisfaru u jitbielu, u xi
weraq ċentrali jinqalgħu faċilment minhabba t-taħsir fuq ġewwa.
Il-Bumunqar Aħmar tal-Palm oriġina fl-Asja
tropikali. Peress li dan l-insett kapaċi jadatta ruħu tajjeb ħafna għal
klimi differenti, malajr xtered fl-Afrika u fl-Ewropa, u laħaq ir-reġjun
Mediterran fit-tmeninijiet. Instab fi Spanja fl-1994, f’Iżrael u
l-Ġordan fl-1998/99, u fi Franza, l-Italja, fil-Mallorca, fil-Greċja u
f’Ċipru fl-2006. Oriġinarjament dan l-insett kien jgħix fuq is-siġar
tal-coconut, imbagħad beda jattakka s-siġar tal-palm f’diversi
postijiet.
Il-kawża prinċipali ta’ din ir-rata għolja
ta’ firxa tal-Bumunqar Aħmar tal-Palm hija t-trasportazzjoni ta’ siġar
tal-palm minn postijiet infestati b’dan l-insett.
Id-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti fi
ħdan il-Ministeru għall-Ambjent u Affarijiet Rurali
qiegħed jieħu il-miżuri kollha biex dan l-insett jiġi kkontrollat.
Qiegħdin jiġu mpoġġija numru ta’ nasses
bil-feromoni f’ġonna diversi madwar Malta u Għawdex. Dawn il-feromoni
huma sustanzi li tipproduċi l-insett mara biex tattira lejha insetti
rġiel. B’hekk l-irġiel tal-Bumunqar Aħmar tal-Palm jinqabdu fin-nassa
minħabba din is-sustanza.
Importanti li siġar tal-palm infestati
bil-Bumunqar Aħmar tal-Palm, jew inkella mejta, għandhom jigu ittrattati
mill-ewwel. Wieħed irid joqgħod attent ħafna biex ma jikkawżax feriti
fiz-zokk tal-palma għax feriti jew toqob huma postijiet ideali fejn
il-Bumunqar Aħmar tal-Palm ikun jista’ jbid. Għalhekk, feriti jew toqob
fil-palma għandhom jiġu mgħottija. Qiegħed isir ukoll kontroll strett
fuq l-importazzjoni tas-siġar tal-palm.
F’Mejju ta’ din is-sena
il-Kummissjoni ta’ l-Unjoni Ewropea ppublikat Deċiżjoni (2007/365/EC)
biex l-Istati Membri jieħdu miżuri ta’ emerġenza kontra l-introduzzjoni
u t-tixrid fil-Komunità ta’ dan l-organiżmu speċifiku. Il-miżuri
stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat
Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti.
Taħt din id-Deċiżjoni
l-Istati Membri huma wkoll obbligati li jwettqu għadd ta’ stħarriġiet
uffiċjali kull sena għall-preżenza ta’ l-organiżmu speċifiku jew
għall-evidenza ta’ l-infestazzjonijiet minn dan l-insett fuq pjanti
tal-Palmae fit-territorju tagħhom.
Huwa importanti hafna li suspetti ta’
infezzjoni b’dan l-insett jigu rrapurtati minnufih lit-Taqsima
għas-Sorveljanza u Spettorat tal-Pjanti fi ħdan id- Dipartiment
għas-Saħħa tal-Pjanti fuq in-numru 23397205 jew 23397223.