TIDĦOL
FIS-SEĦĦ IL-LIĠI KONTRA L-KONSUM TA’ ALKOĦOL MILL-MINURI TA’ TAĦT IS-SITTAX-IL
SENA
Attività
bil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ ġewwa l-kumpless ta’ Baystreet illum
fil-preżenza ta’ l-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u
Solidarjeta Soċjali, immarkat id-dħul fis-seħħ tal-liġi kontra l-konsum
ta’ alkoħol mill-minuri ta’ taħt is-sittax-il sena.
Imdawra bi grupp żgħażagħ li flimkien
għamlu din l-attivita waħda ferriħija u kkulurita, il-Ministru Cristina
sostniet li s-soċjeta kollha trid tkun responsabbli sabiex nifhmu l-ħsara
li jġorr miegħu l-fenomenu ta’ l-alkoħol, u permezz ta’ edukazzjoni u
informazzjoni siewja nwasslu l-messaġġ lil uliedna li m’hemmx għalfejn
tixrob alkoħol sabiex tieħu gost.
F’pajjiżna diġa’ kellna liġi li
tipprojbixxi l-bejgħ ta’ l-alkoħol liż-żgħażagħ ta’ taħt is-sittax-il
sena. Minn issa ’l quddiem permezz ta’ din il-liġi ż-żgħażagħ taħt is-sittax-il
sena lanqas ma jistgħu jixorbu, jixtru jew ikollhom alkoħol fil-pussess
tagħhom. Dan ifisser li dawn iż-żgħażagħ ser ikunu qed jiksru l-liġi
ladarba huma jixorbu jew ikollhom fil-pussess tagħhom alkoħol f’post
pubbliku. Din il-liġi tipprovdi wkoll li l-ebda persuna ma tista’ tbigħ
jew tagħti alkoħol lil żagħżagħ ta’ taħt is-sittax-il sena.
Il-Ministru Cristina sostniet li din
il-liġi m’hijiex kastig, iżda għandna nkunu aħna li nħarsu lejha bħala
gwida ta’ imġieba soda u b’saħħitha. Għandna nifhmu li m’għandniex
għalfejn nirrikorru għall-liġi u l-konsegwenzi li hemm f’każ ta’ ksur ta’
din il-liġi. Iż-żgħażagħ huma l-pedament tas-soċjeta u jridu jkunu huma
li jirrealizzaw li dak li jżommhom milli jixorbu alkoħol m’għandiex tkun
il-liġi nnifisha iżda l-fehma li l-alkoħol huwa ta’ deni għalihom u li
l-użu tiegħu jista’ jkollu effett ħażin fuq il-ħajja tagħhom.
Il-Ministru Cristina
fakkret li bħalissa huwa żmien ta’ attivitajiet varji fejn il-konsum ta’
l-alkoħol ma jonqosx. Hija għamlet appell liż-żgħażagħ bħala ambaxxaturi
tal-pajjiż u lil dawk kollha kkonċernati sabiex ikunu responsabbli ta’
l-azzjonijiet tagħhom. Il-liġi hija importanti, iżda issa huwa ż-żmien
li din il-liġi ssir realta billi nbiddlu dak li
hemm fuq il-karta fil-prattika. Hija ħeġġet liż-żgħażagħ sabiex jgħidu
le, kelma qasira imma effettiva meta jsibu ruħhom quddiem
tentazzjonijiet ħżiena.
L-Onorevoli Edwin
Vassallo, preżenti wkoll għal din l-attivita,
saħaq illi għalkemm il-priorita tas-settur
privat huwa l-profitt, dan għandu jkun profitt ġust li jħaddan
il-prinċipju tal-corporate social responsibility. Huwa fakkar lil
dawk kollha preżenti li l-valur tal-ħajja jiġi qabel kollox u li huwa
propju għalhekk li għandu jkun hemm kooperazzjoni sħiħa sabiex negħlbu
t-tixkil ikkawżat minn kummerċ żbaljat.
Min-naħa tagħhom
iż-żgħażagħ preżenti tennew li sabiex wieħed jieħu gost m’għandux
għalfejn jirrikorri għall-konsum ta’ l-alkoħol. Huma saħqu wkoll li dawk
li għandhom ’il fuq minn sittax il-sena għandhom jappoġġjaw liż-żgħażagħ
iżgħar minnhom sabiex din il-liġi ssir realta.
Wara kollox, fakkru huma stess, ikollok kemm ikollok żmien, m’hemmx
għalfejn tixrob alkoħol sabiex tieħu gost.
Il-kampanja li issa ilha
għaddejja minn Marzu tat informazzjoni siewja lill-istudenti, u lil nies
li ġejjin minn diversi oqsma dwar it-tifsira ta’ din il-liġi u kif
għandha tiġi esegwita. Iżda iżjed minn hekk kienet kampanja informattiva
u edukattiva bl-iskop li tfiehem liż-żgħażagħ u lill-adulti kkonċernati
dwar il-konsegwenzi qerrieda ta’ l-alkoħol.
Preżenti għal dan
l-avveniment kien hemm bosta personalitajiet li jirrapreżentaw
entitajiet varji. Din kienet turija ta’ kemm din il-liġi hija
fl-interess ta’ kulħadd. Il-Ministru Cristina għalqet billi rringrazzjat
lil Baystreet li għoġobhom jagħtu s-sapport tagħhom
għall-attivita tal-lum, turija li huma wkoll
jixtiequ jżidu leħinhom favur din il-kampanja. Ma naqsietx milli
tirringrazzja wkoll lir-rappreżentanti tal-grupp Zak Mosta li
ħadu sehem permezz ta’ eżibizzjoni ta’ żfin, kif ukoll lil Marilena
Farrugia li kantat kanzunetta għall-okkażjoni. Il-parteċipazzjoni attiva
ta’ dawn iż-żgħażagħ hija messaġġ ċar u sod li huma jridu jkunu pijuniri
sabiex iżommu lil sħabhom tamparhom ’il bogħod mill-alkoħol.