APPROVAT
ID-DĦUL TA’ L-EWRO F’MALTA MILL-1 TA’ JANNAR 2008 U TIĠI STABBILITA
R-RATA TAL-KAMBJU DEFINITTIVA BEJN IL-LIRA MALTIJA U L-EWRO
Illum, il-Kunsill tal-Ministri
għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi ta l-approvazzjoni finali
għad-dħul ta’ l-ewro f’Malta mill-1 ta’ Jannar 2008 u approva b’mod
definit r-rata tal-kambju ta’ bejn il-lira Maltija u l-ewro li se
tintuża għas-sħubija ta’ Malta fiż-żona ta’ l-ewro. Din
ir-rata se tkun ir-rata ċentrali ta’ bejn il-lira Maltija u l-ewro li
ilha fis-seħħ sa minn meta Malta ssieħbet fl-ERM II fit-2 ta’ Mejju
2005. Għaldaqstant, ewro wieħed se jissarraf f’0.429300 lira Maltija
Id-delegazzjoni Maltija
għall-Kunsill tal-Ministri kienet immexxija mill-Prim Ministru, Dr
Lawrence Gonzi u kienet tinkludi lis-Segretarju Parlamentari
fil-Ministeru tal-Finanzi, is-Sur Tonio Fenech, lir-Rappreżentant
Permanenti Malti għall-Unjoni Ewropea, is-Sur Richard Cachia Caruana,
lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, is-Sur Michael Bonello u uffiċjali
oħra.
Meta indirizza
lill-Kunsill tal-Ministri, il-Prim Ministru qal li s-sħubija ta’ Malta
fiż-żona ta’ l-ewro kien il-pass loġiku li kien imiss wara s-sħubija ta’
Malta fl-Unjoni Ewropea. Huwa spjega r-rabta mill-qrib bejn l-ekonomija
Maltija u dik Ewropea kif ukoll il-ħidma li wettaq pajjiżna sabiex laħaq
u ssodisfa l-kriterji meħtieġa għas-sħubija ta’ Malta fiż-żona ta’
l-ewro. Fost l-oħrajn huwa semma l-ħidma li saret sabiex il-finanzi
pubbliċi jitpoġġew fuq bażi soda u sostenibbli kif ukoll ir-riformi kbar
li twettqu fis-swieq u r-ristrutturar li sar sabiex tiġi żgurata
l-flessibilita’ fl-ekonomija Maltija. Dan sabiex il-pajjiż ikun kapaċi
jilqa’ b’mod aħjar għal sfidi ekonomiċi li jistgħu jinqalgħu minn żmien
għall-ieħor.
Il-Prim Ministru esprima
t-twemmin tal-Gvern li l-ewro se jagħmel l-ekonomija Maltija aktar
kompetittiva u attraenti għall-investiment kemm lokali u dak barrani. Il-Prim
Ministru għalaq id-diskors tiegħu billi rringrazzja lil kulħadd
għall-ħidma tiegħu u lill-poplu Malti kollu li għal darba oħra kien
il-protagonist fil-mixja lejn din id-deċiżjoni storika.
Id-deċiżjoni storika
tal-lum ġabet fil-milja tagħha l-ħidma tal-Gvern fl-aħħar snin bil-għan
li jsieħeb lil Malta fiż-żona ta’ l-ewro. Kienet ħidma li nbniet fuq
il-fiducja sħiħa li dan il-pass kien fl-aħjar interess tal-pajjiż u
tal-poplu Malti. Kienet ħidma li lejha taw sehemhom ħafna nies
fl-amministrazzjoni tal-pajjiż u fuq kollox il-poplu Malti nnifsu.
Kienet ħidma li wriet kemm il-poplu Malti kapaċi jasal meta mnebbaħ minn
tmexxija għaqlija u b’viżjoni u strateġija ċara.
Issa li dan kollu nkiseb,
il-Gvern se jkompli jiffoka l-ħidma tiegħu fuq il-ħtieġa li l-bidla
għall-ewro ssir mingħajr skossi u tkun suċċess. Dan sabiex dan il-pass
ikun verament wieħed li jkompli joħloq l-opportunitajiet għall-ekonomija
tagħna u jkattar il-ġid għall-poplu Malti kollu.