Jitnieda pjan ta’ azzjoni għat-tisħieħ tal-Moviment tal-Koperattivi
f’Malta
Permezz ta’ kolloborazzjoni bejniethom, in-negozji li
jagħmlu parti minn koperattiva qegħdin isibu bosta vantaġġi fl-attivita’
kummerċjali tagħhom. Il-Gvern huwa mpenjat li jgħin aktar negozju
jikkunsidraw il-vantaġġ li jingħaqdu f’koperattiva. Il-koperattivi huma
mod ieħor ta’ kif isir in-negozju u ser inkunu qegħdin naħdmu flimkien
ma’ l-assoċjazzjonijiet tal-koperattivi biex flimkien intejjbu l-ħidma
tal-koperattivi.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self
Employed, Edwin Vassallo, qal dan fit-tmiem ta’ laqgħa ta’
diskussjoni ma’ rappreżentanti ta’ koperattivi li fiha ġie diskuss pjan
ta’ azzjoni għall-koperattivi.
“Aktar kmieni din is-sena bħala Segretarjat Parlamentari għan-Negozji
Żgħar u s-Self Employed organizzajna konferenza nazzjonali li
għaliha ġew mistiedna rappreżentanti mill-koperattivi kollha. Waqt
il-konferenza sar SWOT analysis fuq il-koperattivi, u wara
riċerka li saret fuq ir-riżultati li ħarġu minn din l-analiżi, illum
qegħdin inniedu pjan ta’ azzjoni għall-koperattivi. Minkejja
l-perċezzjoni ta’ spiss żbaljata fost il-pubbliku in ġenerali,
l-Moviment Koperattiv Malti m’huwiex dgħajjef, iżda jista’ jiftaħar
b’ħafna punti ta’ forza li, jekk wieħed jaraf jisfruttahom tajjeb,
jista’ jagħmel mill-Moviment forza ekonomika u soċjali qawwija ħafna kif
ġara f’ħafna pajjiżi fl-Ewropa u madwar id-dinja. Fil-fatt,
l-istatistika fuq il-Moviment tal-Koperattivi turi li l-Moviment huwa
b’saħħtu, varjat u dinamiku. Il-moviment tal-Koperattivi waħdu ilaħħaq
turnover annwali ta’ ‘il fuq minn Lm25 miljun (€58)”
kompla s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Settur
Numru ta’ Koperattivi
Membri
Worker Coops
40
1143
Agrikoltura
17
3027
Sajd
2
482
Total
59
4652
Is-soċjetajiet
koperattivi f’Malta ilhom jeżistu mis-sena 1947. L-ewwel ma ġew
iffurmati kienu koperattivi agrikoli u warajhom dawk tas-sajd. Ilum
f’Malta hawn 59 koperattiva li bejniethom imissu l-firxa kollha ta’
l-attivita’ ekonomika Maltija mill-biedja u sajd sas-servizzi
finanzjarji. Minkejja diffikultajiet kbar u żminijiet diffiċli,
l-Moviment Koperattiv Malti baqa’ jissaħħaħ matul iż-żmien u huma ħafna
dawk il-koperattivi li qegħdin jitmexxew b’suċċess kemm ekonomiku u kemm
soċjali.
L-Onor. Edwin Vassallo
qal li “għalkemm il-koperattivi qegħdin jissaħħu, xorta waħda għad hemm
punti li jinħtieġu attenzjoni, u dawk kollha li pparteċipaw fl-analiżi
tal-koperattivi waqt il-konferenza kienu konxji ta’ dan. Fil-fatt
fir-rapport li ġie ppubblikat wara l-konferenza, hemm lista kompluta ta’
punti ta’ forza, kif ukoll sfidi u theddid, u opportunitajiet.
Fil-ġimgħat li għaddew, bħala Segretarjat ħdimna viċin tal-Moviment
tal-Koperattivi biex ħejjejna pjan ta’ azzjoni. Il-pjan ta’ azzjoni
għandu 13-il punt li ser inkunu qegħdin naħdmu fuqhom.”
Il-punti li ġew
identifikati bħala l-aktar importanti biex il-koperattivi jkunu jistgħu
jaħdmu aħjar huma:
1.Riforma sabiex tintlaħaq is-sinerġija bżonnjuża bejn l-entitajiet
legalment responsabbli mis-suċċess tal-Moviment tal-Koperattivi f’Malta
jigifieri il-Membri tal-Bord, il-Fond tal-Koperattivi u l-Apex.
2.Flimkien ma’ l-Apex jiġu organizzati laqgħat biex niltaqgħu ma’
kull koperattiva u jsiru laqgħat ohra mal-managers
tal-koperattivi.
3.Tingħata prijorita lil tibdil meħtieġ fil-liġi tal-koperattivi.
Dan sabiex din tiġi aġġornata għaż-żminijiet tal-llum.
4.Ħidma sabiex fl-2007 10 koperattivi jkunu jistghu jippartecipaw
fi proġetti iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea li jgħinhom jakwistaw
il-kuntatti u l-ħiliet meħtieġa biex ikabbru l-operat tan-negozju
tagħhom barra minn Malta.
5.Ħidma li permezz tagħha il-koperattivi ikunu
jistgħu jiġu mgħejjuna jibdew jesportaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom
barra minn Malta. Dan ser isir possibli permezz ta’ export
houses u l-Malta Enterprise.
6.Nagħmlu direttorju tal-koperattivi li għandu jwassal biex
il-koperattivi jkunu aktar kapaċi jaħdmu flimkien.
7.Issir diskussjoni ma’ koperattivi fis-servizzi professjonali li
kapaċi jkunu ta’ servizz għall-koperattivi oħra.
8.Jiġi identifikat ir-rwol bejn l-APEX u l-Bord tal-Koperattivi
dwar min jista’ jkun ‘point of reference’ għall-koperattivi li
jista’ jkollhom problemi partikolari.
9.Nidentifikaw xi proċeduri li jistgħu jiġu ssimplifikati
għall-koperattivi fl-użu
tal-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea.
10.Isiru żjajjar għand
koperattivi biex inkunu nistgħu nuru l-ħiliet u l-kapaċitajiet
tal-koperattivi lill-pubbliku ġenerali biex ikun hemm aktar awareness
dwar il-ħtiega tal-koperattivi.
11.Isiru laqgħat ma’ setturi differenti ta’ self-employed f’żoni
industrijali, bil-ħsieb li nħajjru sidien ta’ negozji fil-manifattura,
bħalma huma mastrudaxxi, biex jaħsbu dwar il-possibilita’ li joħolqu ‘buying
co-operative’.
12.Ikun imfassal programm ta’ taħriġ għall-koperattivi flimkien
mal-Apex.
13.Il-Moviment tal-Koperattivi isiru parti integrali mill-Forum
għall-Imprenditorja li jiġbor fih l-assoċjazzjonijiet tan-negozju.
“L-għan tagħna hu li
permezz ta’ din il-ħidma, aħna, flimkien ma’ l-organizazzjonijiet li
jirrapreżentaw il-koperattivi, ser inkunu qegħdin ngħinu biex
il-koperattivi jkomplu jsaħħu l-ħidma u l-pożizzjoni tagħhom. Ser
inkunu qegħdin norganizzaw attivitajiet biex inressqu l-koperattivi
aktar qrib tan-negozji żgħar, kif ukoll l-organizazzjoni Scoops, li
bħalissa hi rappreżentata f’numru ta’ skejjel primarji, ser tkun qiegħda
testendi l-programm tagħha wkoll għal skejjel sekondarji u
fl-Universita. Permezz ta’ din il-ħidma ser naraw kif il-Moviment
tal-Koperattivi jibqa’ jissaħħaħ biex joffri mudell ta’ negozju
differenti,” temm is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.