IL-PALAZZ
TA’ SAN ANTON GĦAL WIRI – IL-ĦADD, 15 TA’ APRIL
Il-President
u s-Sinjura Fenech Adami jistiednu lill-pubbliku jżur il-Palazz ta’ San
Anton, Ħ’ Attard u ukoll il-ġnien privat ta’ din ir-residenza uffiċjali
tal-President ta’ Malta, nhar il-Ħadd 15 ta’ April, 2007 mid-9.30 ta’
filgħodu sas-6.00 ta’ filgħaxija.
Artisti lokali ser jkunu fil-ġnien privat ipittru xeni tal-Palazz. Barra
minn hekk, ser ikun hemm ukoll pitturi oħra tal-Palazz magħmula
mill-istess artisti. Dawn il-pitturi kollha ser ikunu jistgħu jinxtraw
dakinhar u kwart mid-dħul jmur għal Malta Community Chest Fund,
il-fond li jgħin lil min ikollu bżonnijiet bażiċi fil-ħajja ta’ kuljum,
persuni li jakkumpanjaw pazjenti għall-kura medika barra minn Malta u
pazjenti li jkollhom bżonn jixtru mediċini li jqumu l-flus.
Dawk
interessati jistgħu jaraw il-pitturi fuq il-website
tad-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni
www.doi.gov.mt minn nhar it-Tlieta, 3 ta’
April.
Kull
min jixtieq iżur il-Palazz ser jkun mitlub jagħti donazzjoni ta’ Lm1.50
(€3.49) lill-Malta Community Chest Fund.
Minn
nhar it-Tlieta, 3 ta’ April, 2007 jista’ jsir il-ħlas on line
minn fuq il-website tal-Heritage Malta
www.heritagemalta.org jew mill-Head
Office tal-Heritage Malta fi Triq Merkanti, il-Belt Valletta
(ftit l-isfel mis-suq kif tiskorri l-Knisja tal-Ġiswiti). Tfal
akkumpanjat minn adulti jidħlu b’xejn. Iktar taghrif dwar il-biljetti
jista’ jinkiseb fuq in-numru tat-telefon 22954000.
Il-Palazz kellu l-bidu tiegħu meta l-Kavallier Franċiż Fra Antoine de
Paule xtara bicca art viċin il-villaġġ ta’ Ħ’Attard u ppjana li fuqha
jibni villa mdaqqsa sew li tipprovdi akkomodazzjoni għal numru ta’ djar
fejn mistiedna tiegħu setgħu jogħqodu għal xi żmien kif ukoll għall-istaff
domestiku. Il-Gran Mastru de Paule fl-1623
iddeċieda li jkabbar il-villa f’Palazz bl-isem ta’ San Anton, għall-qaddis
patrun tiegħu.
Il-Gran
Mastri li ġew wara de Paule baqgħu jużaw il-Palazz bħala r-residenza
tagħhom fil-kampanja. Fi żmien l-Ingliżi kien jintuża bħala r-residenza
tal-Gvernaturi u wara l-Indipendenza bħala dik uffiċjali tal-President
ta’ Malta.
Aktar
dettalji fil-qosor jingħataw fuq fuljett li ser jitqassam meta wieħed
jkun dieħel il-Palazz ta’ San Anton, Attard.