KONFERENZA STAMPA MILL-PRIM MINISTRU L-ONOR DR
LAWRENCE GONZI: IL-PASSI LI JMISS GĦAL PENSJONI ADEGWATA U SOSTENIBBLI -
1 TA’ MARZU 2006 – KASTILJA
Għaddew aktar minn għaxar snin minn meta ekonomisti u
osservaturi oħra bdew jindikaw li huwa essenzjali li jittieħdu ċerta
passi sabiex, hekk kif f’Malta assigurajna pensjoni għall-pensjonanti
tal-lum, niżguraw sistema ta’ pensjoni sostenibbli u ħajja deċenti
lill-pensjonanti ta’ għada, il-ħaddiema żgħażagħ tal-lum.
Disa` snin ilu, f’Diċembru ta’ l-1997, il-Kunsill Malti
għall-Iżvilupp Ekonomiku ikkummissjona rapport dwar il-futur tas-sistema
tal-pensjonijiet li wasal għal numru ta’ proposti speċifiċi. F’Awissu
ta’ l-1998, il-kumpanija internazzjonali Watson & Wyatt preżentat
rapport ieħor fuq il-pensjonijiet f’Malta b’rakkomandazzjonijiet
għar-riforma. F’Ġunju ta’ l-1999, il-Gvern waqqaf il-Kummissjoni
Nazzjonali għar-Riforma fil-Welfare li wkoll ressqet numru ta’
proposti. Lejn l-aħħar ta’ l-2003, din il-Kummissjoni talbet l-għajnuna
ta’ l-esperti tal-Bank Dinji li f’Marzu ta’ l-2004 ikkonfermaw li
“Is-sistema kurrenti tal-pensjonijiet mhix sostenibbli
fiskalment u twassal għal pensjonijiet baxxi fuq medda ta’ snin”
Disa’ ġimgħat wara li ħadt il-ġurament ta’ Prim
Ministru, fl-1 ta’ Ġunju 2004, waqqaft il-Pensions Working Group(PWG) sabiex janalizza x-xogħol kollu li kien sar f’dan il-qasam
mill-1997 ‘l hawn u tlabtu jagħmel rakkomandazzjonjiet dwar dak li jqis
li hemm bżonn sabiex ikollna sistema ta’ pensjonijiet adegwati u
sostenibbli.
Wara li f’Novembru ta’ l-2004 il-Gvern ippubblika
l-ewwel rapport tal-Grupp bħala White Paper, il-Grupp kompla
x-xogħol tiegħu billi għamel economic impact assessment, social
impact assessment, survey ta’ l-opinjoni pubblika, u studju
attwarjali dwar sistema ta’ pensjoni supplimentari - it-tieni pilastru.
Barra minn dan, il-PWG, fuq talba tal-Gvern, mexxa diskussjoni
nazzjonali mifruxa fuq ħames xhur. Fl-aħħar ta’ Ġunju li għadda,
il-Grupp issottometta r-rapport finali tiegħu lill-Gvern kif ukoll seba’
studji supplimentari. Bl-iskop li jagħti l-akbar informazzjoni possibbli
lill-pubbliku, u biex isaħħaħ il-proċess ta’ djalogu meħtieġ fuq dan
is-suġġett ta’ interess nazzjonali, il-Gvern ippubblika dawn
id-dokumenti kollha f’Ottubru li għadda flimkien mal-Budget; ara
http://www.mfss.gov.mt/pensions.
Il-Gvern immexxi minni huwa konvint li l-akbar sfida
għas-sistema tal-pensjonijiet hija li nieħdu passi minn issa biex
nassiguraw fil-futur pensjonijiet deċenti u adegwati, speċjalment
għall-ħaddiema żgħażagħ tal-lum. M’hemmx dubju li għandna l-isfida
tas-sostenibbilita`,
jiġifieri l-kapaċita`
tal-pajjiż li jibqa` jkun jiflaħ iħallas sew il-pensjonijiet tal-lum kif
ukoll dawk ta’ għada. Il-fatt li l-pensjonanti qed jgħixu ħafna aktar u
aktar f’saħħithom, kif ukoll li n-numru ta’ pensjonanti qed jiżdied
b’mod qawwi fl-istess waqt li qed tonqos ir-rata tat-twelid, qed ikollu
impatt negattiv fuq is-sostenibbilita`
tas-sistema. Is-sena li għaddiet beda l-irtirar bil-pensjoni ta’ dawk
l-eluf li twieldu wara l-aħħar gwerra.
Nixtieq infakkar dak li għidt fid-Diskors tal-Budget
li għamilt fil-Parlament f’Ottubru li għadda:
“Jekk inħarsu lejn l-aħħar għaxar snin, insibu li
l-medja ta’ persuni li kkwalifikaw għal pensjoni ta’ l-età kienet ta’
1,962 persuna fis-sena. Din is-sena (fl-2005),
dan in-numru huwa ta’ 4,400, żieda ta’ 2,438 persuna li tfisser Lm7
miljun iżjed fin-nefqa tal-pensjonijiet. Is-sena d-dieħla (2006) huwa
kkalkulat li ser jikkwalifikaw 5,792 persuna, 1,392 persuna iżjed minn
din is-sena.”
Filwaqt li l-kwestjoni tas-sostenibbilita` tibqa`
kwestjoni vitali, is-sistema tagħna llum fiha mekkaniżmu li jgħinna
nilqgħu, bla ma jsolvi għal kollox, għal din l-isfida fis-sens li,
fl-aħħar mill-aħħar, skond il-liġi ta’ bħalissa, l-ogħla pensjoni
għandha limitu ta’ massimu ta’ Lm4,500 fis-sena (2/3 ta’ Lm6750), limitu
stabbilit ħamsa u għoxrin sena ilu fl-1981.
Waqt li dan il-mekkaniżmu min-naħa jgħin fil-problema
tas-sostenibbilita`, min-naħa l-oħra ma jipprovdi l-ebda garanzija li
l-pensjonanti ta’ għada jkollhom pensjoni adegwata biex jassiguraw
għixien decenti. Inkunu qed niżbaljaw u nonqsu minn dmirna jekk issa
nagħżlu li ma nagħmlu xejn, jew niddeċiedu li nraqqgħu l-pannu billi
nżidu t-taxxi u s-sistema tibqa’ b’xi mod għaddejja għal numru ta’ snin
oħra. Id-dmir tagħna llum hu li nieħdu l-passi meħtieġa biex inħarsu
l-futur tal-ħaddiema tagħna fil-qasam tal-pensjonijiet biex meta jkunu
anzjani jgħixu ħajja li tixirqilhom.
Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li tibdiliet
f’sistemi ta’ pensjonijiet jieħdu tul ta’ żmien biex iħallu l-frott
tagħhom. Fuq kollox il-pensjonijiet f’pajjiżna, bħal fil-bqija
tal-pajjiżi kollha, jeħtieġ li jkunu sistemi dinamiċi li jirrispondu
għaċ-ċirkustanzi demografiċi, soċjali u ekonomiċi li jinbidlu minn żmien
għal żmien.
Erba` xhur ilu fid-Diskors tal-Budget kont
għidt:
“Iż-żmien għad-diskussjoni issa mmatura biżżejjed biex
naslu għad-deċiżjonijiet. Il-Grupp fuq il-Pensjonijiet ippreżenta
r-rapport finali tiegħu lill-Gvern, li qed inpoġġi fuq il-Mejda
tal-Kamra. Il-Gvern qiegħed jistudja dan ir-rapport
bl-attenzjoni u d-dettal li jixraqlu. Hija l-intenzjoni tal-Gvern li
jikkomunika d-deciżjonijiet tiegħu fil-ġimgħat li ġejjin biex issa
ngħaddu għal fażi ta’ l- implimentazzjoni.”
Fil-waqt li l-proċess ta’ konsultazzjoni baqa` għaddej
sal-bieraħ, il-Gvern kompla jeżamina bir-reqqa dan ir-rapport. Illum
qiegħed f’pożizzjoni nħabbar dak li l-Gvern qed jipproponi bħala sisien
li fuqhom għandha tiġi abbozzata liġi ġdida biex titressaq fil-Parlament
qabel ma dan jieqaf għas-sajf.
M’hemmx dubju li f’suġġett hekk kumplikat u kumpless
bħal pensjonijiet, b’ippjanar fuq firxa ta’ żmien daqshekk fit-tul,
bilfors ikun hemm ħafna dettalji li jkunu jinħtieġu spjegi dettaljati u
tekniċi. Ngħid ukoll li l-Gvern ser ikompli jisma’ u jiddiskuti sa
dakinhar li jittieħed l-aħħar vot fil-Parlament.
Il-Gvern qed jipproponi dawn il-punti ewlenin bħala s-sisien
li fuqu tinbena riforma f’dan il-qasam:
A. Min mhux ser ikun milqut
Ir-riforma mhix ser tolqot bl-ebda mod lill-pensjonanti
preżenti u lil dawk li fl-1 ta’ Jannar 2007 ikunu għalqu l-55 sena. L-unika
eċċezzjoni hija li min iħaddem ma jistax ma jilqax it-talba ta’ nisa
f’dan il-grupp li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu sa 61 sena. Inżid ukoll li
l-pensjoni massima stabbilita 25 sena ilu u li ilha ffriżata minn
dakinhar issa ser tiżdied kull sena b’2/3 tal-COLA b’effett mis-sena li
għaddiet.
B. Dawk li ser jiġu affetwati
Dawk li sal-1 ta’ Jannar 2007 ikunu għadhom m’għalqux
il-46 sena jidħlu fis-sistema l-ġdida b’mod sħiħ.
L-oħrajn, dawk ta’ bejn is-46 u l-55 sena, ikollhom
arranġamenti partikulari li jvarjaw skond l-eta`
tagħhom, kif ser nispjega aktar ‘l quddiem.
Ċ. Eta’ ta’ l-irtirar
L-eta` ta’
l-irtirar ser titla’ għal 65 b’mod gradat.
Min fl-1 ta’ Jannar 2007 ikollu
·bejn 51 u 54 sena, jirtira ta’ 62 sena.
·bejn 48 u 50 sena, jirtira ta’ 63 sena.
·bejn 46 u 47 sena, jirtira ta’ 64 sena.
·45 sena u anqas, jirtira ta’ 65 sena.
L-irtirar qabel l-eta ta’ 65 sena ser ikun skoraġġit fl-interess
tal-ġid komuni. B’danakollu ser ikun possibbli li persuna tirtira qabel
tagħlaq il-65 sena iżda wara li tkun għalqet it-62 sena b’aġġustamenti
ta’ tnaqqis fil-pensjoni tagħha.
Wara li tagħlaq 65 sena, persuna tista’ tibqa’ taħdem
bla ma tħallas bolla fil-waqt li tirċievi l-pensjoni sħiħa dovuta
lilha.
D. Pensjoni Minima Nazzjonali
Il-Gvern jibqa` jiggarantixxi Pensjoni Minima Nazzjonali.
Għandu jibda proċess sabiex fuq firxa ta’ snin il-pensjoni minima
nazzjonali, għall-pensjonanti li jkunu daħlu fis-sistema l-ġdida, tkun
tirrifletti s-60% tal-medjan nazzjonali tad-dħul. Dan il-kalkolu huwa
aktar mill-mod kif hi kalkolata pensjoni minima nazzjonali bħalissa.
B’hekk, fil-futur il-Pensjoni Minima Nazzjonali tkun aktar minn dik tal-lum
u tibqa’ tiġi riveduta perjodikament mhux biss skond l-inflazzjoni iżda
wkoll skond kif jiżdied il-medjan nazzjonali tad-dħul.
E. Pensjoni ta’ Żewġ Terzi
Il-pensjoni taż-żewġ terzi se tibqa’ tiġi kalkolata fuq
il-paga bażika.
Il-perjodu ta’ kontribuzzjoni jkun ta’ erbgħin sena
minflok it-tletin sena tal-lum. Dan ukoll ser jiddaħħal b’dan il-mod
gradat:
Persuna li fl-1 ta’ Jannar 2007 ikollha 25 sena jew
anqas tinħtieġ perjodu ta’ akkumulazzjoni ta’ 40 sena, li ser jonqos
b’sena għal kull sena iżjed minn 25 sena li l-persuna jkollha, sa minimu
ta’ 30 sena. Dan ifisser li persuna ta’ 30 sena jkollha akkumulazzjoni
ta’ 35 sena u persuna ta’ 35 sena jew iżjed ikollha akkumulazzjoni ta’
30 sena.
Persuna li fl-1 ta’ Jannar 2007 ikollha 46 sena jew
iżjed ikollha l-pensjoni tagħha kalkolata bħall-lum, jiġifieri skond l-aħjar
3 snin konsekuttivi fl-aħħar għaxar snin.
Il-pensjoni ta’ min illum huwa iżgħar minn 46 sena ser tibda tinħadem
fuq l-aħjar 10 snin matul l-aħħar 20 sena. Dan ser japplika kemm għal
min hu impjegat kif ukoll għal min jaħdem għal rasu (self-employed).
B’hekk jibda jkollna sistema uniformi kemm għal min hu impjegat kif
ukoll għal min jaħdem għal rasu.
F. L-ogħla pensjoni
Skond il-liġi s’issa, l-ogħla pensjoni hija żewġ terzi
tad-dħul massimu pensjonabbli, ekwivalenti għal Lm6750, limitu li kif
diġa` għidt kien stabbilit fl-1981. Il-Gvern qed
jipproponi illi dan il-massimu jiżdied kull sena bil-COLA sal-2010.
Wara jiżdied b’ammont kull sena b’mod li sal-2014 jilħaq id-Lm9000. Dan
id-dħul massimu pensjonabbli ġdid jibqa` jiżdied kull sena skond ir-rata
ta’ l-inflazzjoni jew skond kif jiġi deciż fir-reviżjoni perjodika ta’
kull ħames snin li tkun parti integrali mis-sistema. Ovvjament il-kontribuzzjoni
tas-sigurta` soċjali
tinħadem skond il-massimu l-ġdid.
G. Sistema ta’ pensjoni supplimentari – it-tieni
pilastru
Il-Gvern jemmen li jkun ta’ ġid li l-pajjiż ikollu
sistema ta’ pensjoni supplimentari bħala t-tieni kolonna tas-sistema
kollha kemm hi. Meta tiġi introdotta din
is-sistema din tkun obbligatorja għal kulħadd.
Madanakollu l-Gvern jagħraf li f’dan il-mument mhux
għaqli li jiżdiedu piżijiet ġodda fuq l-impjegati u fuq min iħaddem.
Għalhekk, tiġi konsidrata l-possibbilta` li parti mill-kontribuzzjoni
tas-sigurta` soċjali li qed titħallas bħalissa tiġi dedikata għal din
l-iskema ta’ pensjoni supplimentari. Jekk jinstab li dan ikun
finanzjarjament fattibbli, din tiddaħħal għal kulħadd. Jekk le,
l-iskema tiddaħħal aktar ‘l quddiem. Il-flus li jidħlu taħt din
l-iskema jitpoġġew f’fondi speċjali ta’ investiment imħaddma minn
operaturi finanzjarji rikonoxxuti u liċenzjati mill-Awtorita` Maltija
għas-Servizzi Finanzjarji. Ser isiru diskussjonijiet ma’ l-intermedjarji
finanzjarji, fosthom fil-qasam ta’ l-assikurazzjoni u l-banek, sabiex
servizzi li diġa` jeżistu jkunu jistgħu jitħaddmu b’mod li
jikkumplimentaw it-tieni pilastru tal-pensjonijiet.
H. Il-pensjonijiet bħala strument li jħajjar
għax-xogħol u t-taħriġ tul il-ħajja
Il-Gvern jaqbel li r-riforma tal-pensjonijiet għandha
taħseb kemm fil-ġenituri li jieqfu għal żmien mill-karriera tagħhom
għat-trobbija ta’ uliedhom żgħar kif ukoll sabiex l-istudenti u
l-ħaddiema jkunu jistgħu javvanzaw fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Qed isiru
cost-benefit studies, kif irrakkomanda l-PWG, sabiex
il-liġi li ser titressaq quddiem il-Parlament tipprovdi għal dan.
I. Reviżjoni perjodika kull ħames snin
Fil-kuntest ta’ dan kollu, il-Gvern qed jipproponi li
kull ħames snin issir analiżi sabiex il-pajjiż jagħraf aħjar il-qagħda
tal-pensjonijiet f’pajjiżna u jaġġusta s-sistema skond il-bżonn.
Il-proposti li qed inħabbar illum qed isiru a` bażi ta’
indikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali li għandna llum għas-snin li
ġejjin. Madanakollu rridu nkunu dejjem viġilanti u nagħrfu xejriet li
jkunu qed jiżviluppaw u għalhekk b’responsabbilta` ma nistgħux ma
nirrevedux il-qagħda perjodikament. L-ewwel reviżjoni ser issir
fl-2010.
Konklużjoni
Wara snin ta’ dibattitu u proposti issa wasalna
fl-istadju fejn il-Gvern qiegħed iressaq il-proposti tiegħu. Dawn
il-proposti għandhom l-iskop li jpoġġu s-sisien biex il-pensjonanti ta’
għada jkollhom prospetti ta’ pensjoni adegwata.
Il-Gvern qed jaħdem għal kwalita`
tal-ħajja, tajba kemm għal din il-ġenerazzjoni kif ukoll għall-ġenerazzjoni
li ġejja. Iż-żgħażagħ u l-ħaddiema ta’ llum se jsiru il-pensjonanti ta’
għada. Għandna obbligu li nibdew naħsbu minn issa biex dawn ikollhom
pensjoni li biha jistgħu jibqgħu jżommu livell ta’ għixien deċenti.
M’għandniex naħarbu minn din ir-responsabbilta`.
Pajjiżi oħra għamlu l-bidliet li kien hemm bżonn. F’Malta wkoll, saru
studji differenti, rakkomandazzjonijiet u proposti mis-socjeta`
ċivili u l-imsieħba soċjali li lkoll għarfu li
din il-ġenerazzjoni ta’ mexxejja għandha obbligu lejn il-pensjonanti ta’
għoxrin, ħamsa u għoxrin sena oħra. Min jipprova jipposponi d-deċiżjoni
jew jipprova jgħid li kollox għandu jibqa’ kif inhu jkun qiegħed jonqos
minn dmiru lejn iż-żgħażagħ u l-ħaddiema tal-lum.
Kif għidt qabel, għadna qed naħdmu fuq numru ta’
dettalji meħtieġa biex nabbozzaw il-liġi li ser nipproponu għall-konsiderazzjoni
tal-Parlament qabel dan jieqaf għas-sajf.
Fil-ġimgħat li ġejjin ser nagħtu aktar informazzjoni dwar il-passi li
ser jieħu l-Gvern.
Dan kollu qed nagħmluh b’sens ta’ dmir u responsabbilta`
lejn iċ-ċittadini tagħna. Stajna ħadna t-triq il-faċli fejn nibqgħu
komdi u mbagħad meta tfaqqa’ wieħed jara x’jista’ jagħmel…biss imbagħad
ikun tard wisq.
Jekk ma jsir xejn se jinħoloq faqar fost il-pensjonanti
ta’ għada, dawk li llum qegħdin fuq il-post tax-xogħol u ż-żgħażagħ
tagħna. Jekk jibqa’ ma jsir xejn, se ndaħħlu lil din il-kategorija ta’
nies fi kriżi soċjali u ekonomika. Din mhix it-triq li qed jagħżel dan
il-Gvern. Ir-responsabbilta` ġġib magħha l-obbligu li nindirizzaw l-isfidi u naħsbu
minn issa għall-ġejjieni - għalhekk qed nagħtu kas minn issa.
Nixtieq nirringrazzja lil kull min kien involut f’dan il-proċess
twil. Ftit ħafna kienu dawk li ma tawx sehemhom f’dan il-proċess twil.
Nixtieq nirringrazzja lill-għaqdiet tal-ħaddiema, għaqdiet ta’ min
iħaddem, għaqdiet taż-żgħażagħ, rappreżentanti tal-pensjonanti, korpi
kostitwiti u entitajiet oħra, individwi u esperti u lil kull min ħa
sehem f’din id-diskussjoni nazzjonali u li taw il-kontribut tagħhom.
Bil-kontribut tagħkom wasalna sabiex ser inkunu nistgħu
nressqu liġi li għandha toffri serħan il-moħħ lill-pensjonanti tal-lum,
il-pensjonanti ta’ għada u ż-żgħażagħ li qed jibdew il-ħajja.