DIPLOMAZIJA TA’ L-EDUKAZZJONI GĦALL-PAĊI U ŻVILUPP
“Id-diplomazija ta’ l-edukazzjoni tista` tkun żviluppata fl-aqwa
għodda għall-iżvilupp tal-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp fil-pajjiżi
kollha ta’ l-area ewro-mediterranea. Il-forma tradizzjonali ta’
diplomazija tibqa’ għodda essenzjali fil-politika barranija. Iżda l-ħidma
flimkien permezz ta’ ‘networking’ fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni, ir-riċerka
u t-teknoloġija, hi strateġija aktar effettiva biex jitkattru l-għarfien
ta’ kulturi differenti, jiġu attakkati l-preġudizzji, u tinħoloq l-għodda
biex il-popli b’dinjita` jagħrfu jwettqu żvilupp sostenibbli li
jirrispetta d-dinjita` u l-identita` tagħhom.”
Dan kien il-qofol tal-messaġġ li Louis Galea, Ministru ta’ l-Edukazzjoni,
Żgħażagħ u Xogħol, għadda lid-delegati minn pajjiżi Ewropej u
Mediterranji meta nieda l-proġett EUMEDGRID. Il-laqgħa kienet ukoll
indirizzata mir-Rettur ta’ l-Universita` l-Professur Roger
Ellul-Micallef.
Il-proġett EUMEDGRID hu inizjattiva li bdiet din is-sena,
tal-programm ta’ riċerka taħt is-Sitt Qafas (6th Framework) tal-UE. L-Universita`
ta’ Malta hi attiva ħafna f’dan il-proġett flimkien ma’ l-Italian
National Institute for Nuclear Physics (INFIN), il-Greek Research and
Technology Network (GRNET), il- European Particle Physics Laboratory
(CERN), il-UK Delivery of Advanced Network Technology to Europe (DANTE),
u istituzzjonijiet oħra minn Spanja, Ċipru, l-Eġittu, it-Tuneżija,
il-Marokk, Sirja, u l-Alġerija.
L-iskop tal-proġett EUMEDGRID hu li jġib pajjiżi jaħdmu flimkien fuq
riċerka dwar kif joħolqu l-infrastruttura għal xibka tal-kompjuters
(grid infrastructure) li tipprovdi faċilitajiet għal aċċess u ħażna ta’
informazzjoni fuq skala kbira mifruxa fuq l-akbar ‘area’ possibbli. Din
it-teknologija, magħrufa bħala grid computing, hi maħsuba li toħloq
kollaborazzjoni fuq skala li qatt ma eżistiet bħala bejn riċerkaturi u
xjentisti dwar oqsma bħal bioteknolġija u high energy physics kif ukoll
problemi lokali.
Il-Ministru Louis Galea sostna li Malta dejjem tat importanza lil
vokazzjoni tagħha għal networking bejn il-pajjiżi fl-erbat irjieħ
tal-Mediterran. Bis-sħubija ta’ Malta fl-UE din il-vokazzjoni kattret l-importanza
u l-potenzjal tagħha. “Jidher biċ-ċar li fl-area ewro-mediterranea, l-aktar
element importanti li għandna nagħtu każ u napprezzaw hu l-kulturi
differenti li jinfluwenzaw bil-kbir is-sistemi ta’ gvernar u żvilupp
soċjo-ekonomiku. Il-ftehim u l-fiduċja reċiproka bejn il-pajjiżi
jinħtieġu n-‘networking’ bejn gruppi u istituzzjonijiet diversi li
jaħdmu flimkien fl-għeruq ta’ kull socjeta` fuq proġetti ta’ interess u
ġid komuni. Il-qasam l-aktar adattat għal dan in-‘networking’ huwa l-edukazzjoni
u r-riċerka xjentifika u teknoloġika,” qal Louis Galea.
Malta diġa` ħadet diversi inizjattivi ta’ ‘networking’ bejn
Universitajiet u istituzzjonijiet fl-area ewro-mediterranea. Inizjattiva
importanti hi t-twaqqif tal-Fondazzjoni Temi Żammit li flimkien ma’ l-Università
Virtwali ta’ Avicenna qed jiżviluppaw programm ta’ tagħlim minn distanza
(e-learning).
Inizjattiva oħra kienet dik taċ-Ċentru Malti tar-Restawr fil-qasam ta’
riċerka u taħriġ ta’ konservazzjoni u restawr tal-wirt enormi li
għandhom il-pajjiżi f’dan ir-reġjun. Malta, permezz ta’ l-Università, l-MCAST
u skejjel, qed tkabbar in-networks ta’ kuntatti u skambji bis-saħħa
tal-programmi tal-UE. Infatti l-Università qed tikkoordina n-Network
tematiku tal-Programm Socrates dwar id-djalogu fil-Mediterran fejn qed
jieħdu sehem 83 partners mill-area tal-EwroMed.
Fl-aħħar ta’ Jannar li għadda, il-Ministri responsabbli
għall-edukazzjoni ogħla tal-pajjiżi tal-Mediterran iffirmaw id-Dikjarazzjoni
ta’ Catania li permezz tagħha ftehmu li jaħdmu flimkien bl-iskop li
joħolqu area ewro-mediterranea ta’ edukazzjoni ogħla.