Xi informazzjoni dwar
il-Kummissjoni ghall-Protezzjoni tad-Data
Il-Liġi tad-Data Protection (Protezzjoni
tad-Data) għaddiet mill-Parlament f’Diċembru ta’ l-2001 bl-approvazzjoni
taż-żewġ naħat tal-Kamra. Għalkemm din il-liġi ġiet fis-seħħ f’Lulju ta’
l-2003, kien ingħata żmien tranżitorju ta’ sena sabiex jitwettqu ċerti
obbligi ta’ notifika.
Din il-liġi tittrasposta d-direttivi ta’ l-UE
95/46/EC u 2002/58/EC u tikkonforma mal-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill ta’
l-Ewropa. L-għan uniku ta’ din il-liġi hu li tħares id-drittijiet ta’
l-individwi biex ma jkunx hemm abbuż mill-informazzjoni personali
dwarhom. Biex dan ikun jista’ jseħħ hemm ukoll ċerti obbligi li
għandhom jitwettqu minn dawk li jżommu dik l-informazzjoni personali.
Billi bit-teknoloġija moderna, l-informazzjoni
hija waħda mill-għodod effettivi tat-tmexxija ta’ kull operat - kemm
jekk governattivi, industrijali, ekonomiku jew soċjali - hemm
informazzjoni personali li qed tintuża u għalhekk tikber il-ħtieġa
tal-ħarsien tal-privatezza ta’ l-individwu.
Dan bl-ebda mod ma jfisser li l-liġi tad-Data
Protection qiegħda hemm biex b’xi mod twaqqaf jew ixxekkel xi operat;
pero’ wieħed irid jitgħallem li dan jagħmlu b’rispett għall-privatezza
ta’ l-individwu.
F’dawn is-sentejn, l-Uffiċċju tal-Kummissarju
għall-Protezzjoni tad-Data beda eżerċizzju biex mingħajr skossi,
titrawwem iktar il-kultura għal dan id-dritt fundamentali tal-bniedem.
Dan jeħtieġ li jkun hemm bilanċ bejn dan id-dritt u l-obbligi ta’ min
jipproċessa l-informazzjoni.
Għalhekk dan l-Uffiċċju għandu rwol doppju fl-eżerċizzju
tar-responsabbiltajiet tiegħu - fil-waqt li jħares id-drittjiet ta’ l-individwu
minn xi abbuż fl-ipproċessar ta’ din l-informazzjoni, jeżerċita’ l-funzjonijiet
regolatorji tiegħu dwar il-kontrolluri ta’ informazzjoni personali.
F’dawn is-sentejn l-Uffiċċju rċieva u rreġistra
9,100 notifika minn kontrolluri tad-data (1,760 mingħajr il-ħlas
ta’ Lm10).
Biex jitkabbar it-tagħrif dwar dawn id-drittijiet
u l-obbligi, l-Uffiċċju jilqa’ kull stedina minn organizzazzjonijiet
biex isiru sessjonijiet ta’ tagħrif – fil-fatt f’dan il-perjodu saru 24
preżentazzjoni.
Dan l-Uffiċċju huwa wkoll miftuħ għal tagħrif
mitlub mill-pubbliku in ġenerali. Fil-fatt sal-lum l-Uffiċċju rċieva
360 talba bil-miktub inkluż bl-e-mail, barra l-ħafna telefonati
li jkunu rċevuti ta’ kuljum.
Meta ċittadin iħoss li d-drittijiet tiegħu taħt
il-liġi jkunu nkisru, dan jista’ jressaq ilment lil dan l-Uffiċċju. L-ilmenti
jkunu nvestigati u tingħata d-deċiżjoni formali tal-Kummissarju dwarhom.
Kull deċiżjoni tal-Kummissarju (li f’dan ir-rigward igawdi indipendenza
assoluta minn kwalunkwe influwenza) tista’ tkun appellata fi Tribunal
maħtur bil-liġi. Fil-fatt kienu rċevuti u deċiżi 92, li minnhom wieħed
kien appellat. Fil-biċċa l-kbira tagħhom dawn kienu dwar ksur ta’
kunfidenzjalita’, dritt ta’ aċċess, komunikazzjonijiet mhux mixtieqa (unsolicited)
u żamma ta’ records. Is-setturi li dwarhom saru l-ilmenti kienu
jinkludu bank, sptar, forza dixxiplinata, kunsilli lokali u credit
referencing agencies.
Dan l-Uffiċċju jirrelata kontinwament mas-setturi
kollha lokali. Fir-rigward ta’ l-Uffiċċji tal-Gvern, kull dipartiment
għandu uffiċċjal inkarigat mid-data protection. Dawn l-uffiċċjali huma
ko-ordinati minn Direttorat ċentrali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan
id-Direttorat jaħdem fil-qrib ħafna ma’ dan l-Uffiċċju biex ikunu
żviluppati policies li jolqtu speċifikament l-operat tal-Gvern.
Mas-setturi l-oħra l-Uffiċċju fetaħ sensiela ta’
laqgħat ma’ kull settur bil-għan li jitfasslu kodiċi ta’ prattika u
linji gwida għal kull settur. Is-setturi jinkludu edukazzjoni,
assigurazzjoni, professjoni ta’ l-accountacy, banek,
informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ l-impjiegi, xogħol soċjali u s-settur
tas-sigurta’ (security).
Intlaħaq ftehim formali kemm ma’ l-Universita’ kif
ukoll mal-Health Ethics Committee fir-rigward ta’ proċessar ta’
data personali fil-każ ta’ riċerka, b’mod illi l-istudenti ma jdumux
jistennew l-approvazzjoni meħtieġa.
Barra r-rwol lokali, il-Kummissarju għandu obbligi
internazzjonali u jrid jikkopera kemm ma’ istituzzjonijiet Ewropej u
internazzjonali kif ukoll ma’ awtoritajiet regolatorji ekwivalenti
f’pajjiżi barranin.
Il-Kummissarju hu ex officio membru tad-Data
Protection Article 29 Working Party ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll
membru tal-Europol, ix-Schengen (bħala osservatur billi Malta għadha ma
ffirmatx il-Konvenzjoni), il-Customs u l-Eurojust Supervisory Bodies fl-Ewropa.
Obbligu taħt il-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill ta’ l-Ewropa jitlob
parteċipazzjoni fil-laqghat tal-Kumitat Konsultattiv.
Bħala għajnuna mill-Unjoni Ewropea l-Uffiċċju
tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data flimkien mad-Direttorat
Ċentrali inkarigat minn data protection fl-Uffiċċju tal-Prim
Ministru ibbenefikaw minn Twinning Light Agreement li bħalissa
għaddej ma’ l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data fil-Ġermanja
kemm dik federali kif ukoll dawk reġjonali.
Dan il-ġemellaġġ qed jgħin lil dan l-Uffiċċju
sabiex mill-esperjenzi barranin ikunu żviluppati b’mod iktar dettaljat
policies u prattiċi aħjar għall-funzjoni regolatorja li jħaddan
dan l-Uffiċċju.