Servizz ta’ l-eGovernment
għall-Uffiċċju tad-Data Protection Commissioner
L-Onor. Austin Gatt, Ministru
għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni nieda
servizz ieħor tal-Gvern Elettroniku. Permezz ta’ dan is-servizz, issa
wieħed jista’ jidħol fis-servizzi tal-uffiċċju tad-Data Protection
Commissioner.
Teoretikament id-Data Protection Commissioner jaqa’
taħt il-Ministeru ghall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni,
iżda għall-effetti prattiċi kollha, dan hu uffiċju għal kollox awtonomu.
Fil-fatt deċiżjonijiet tiegħu jridu jiġu kkontestati direttament
fil-Qorti u l-Ministru m’għandu ebda kompetenza jew indħil f’dawn id-deċiżjonijiet.
Il-Ministru Austin Gatt faħħar l-operat effiċjenti
ta’ dan l-uffiċċju, li filwaqt li kellu l-potenzjal li jkun revenue
generator għall-Gvern, seta’ kien ukoll mostru burokratiku.
Huwa saħaq li m’hemmx dubju li x-xogħol
tal-Kummissarju għall-Protezzjoni ta’ Data, is-sur Paul Mifsud Cremona u
qablu tas-sur John Mamo, assigura li għal kull min jirrispetta l-privatezza
tad-‘data’ ma nħoloqx xi ostaklu burokratiku għal min jopera
kummerċjalment. Huwa fisser li dan l-uffiċju sab il-bilanċ bejn il-bżonn
ta’ regolamentazzjoni biex tipproteġi liċ-ċittadini u l-ispazju biex is-settur
kummerċjali jopera bl-anqas xkiel possibbli.
Il-Ministru Austin Gatt qal li l-inizjattiva
mnedija llum hija bbażata fuq l-impenn tal-Ministeru tiegħu u ta’ l-uffiċju
tad-Data Protection Commissioner biex jiġi żviluppat mezz elettroniku
għal dawn is-servizzi.
Austin Gatt qal li hu pożittiv li bħal fl-okkażjoni
tal-lum, wieħed jara l-eżempju pożittiv tal-leaders fis-servizz pubbliku
li qed imexxu din il-bidla kulturali li għandna bżonn (bħal m’hi d-Data
Protection Commission fost ħafna oħrajn).
Tkellem ukoll id-Data Protection Commissioner,
Paul Mifsud Cremona li għamel referenza għal ħidma tal-uffiċċju tiegħu.
Huwa spjega li f’dawn is-sentejn l-Uffiċċju rċieva u rreġistra 9,100
notifika minn Kontrolluri tad-data (1,760 mingħajr il-ħlas ta’
Lm10). Huwa fakkar dan l-Uffiċċju huwa wkoll miftuħ għal tagħrif mitlub
mill-pubbliku in ġenerali. Fil-fatt sal-lum l-Uffiċċju rċieva 360
queries bil-miktub inkluż bl-e-mail, barra l-ħafna telefonati
li jkunu riċevuti ta’ kuljum.
Meta ċittadin iħoss li d-drittijiet tiegħu taħt
il-liġi jkunu nkissru, dan jista’ jressaq ilment lil dan l-Uffiċċju. L-ilmenti
jkunu nvestigati u tingħata d-deċiżjoni formali tal-Kummissarju dwarhom.
Kull deċiżjoni tal-Kummissarju (li f’dan ir-rigward igawdi indipendenza
assoluta minn kwalunkwe influwenza) tista’ tkun appellata fi Tribunal
maħtur bil-liġi. Fil-fatt kienu rċevuti u deċiżi 92, li minnhom wieħed
kien appellat.
Fil-biċċa l-kbira tagħhom dawn kienu dwar ksur ta’
kunfidenzjalita’, dritt ta’ aċċess, komunikazzjonijiet mhux mixtieqa (unsolicited)
u żamma ta’ records. Is-setturi li dwarhom saru l-ilmenti kienu
jinkludu bank, sptar, forza dixxiplinata, kunsilli lokali u ‘credit
referencing agencies’.