DONAZZJONI TA’ VETTURA MILL-KIA
MOTORS LILL-MALTA COMMUNITY CHEST FUND GĦAL PERSUNI
B’DIŻABILITÀ
Dalgħodu s-Sur George Fenech, chairman
ta’ Tumas Group f’isem KIA Motors għadda formalment coach
għal persuni b’diżabilità lill-E.T. Dott. Edward Fenech Adami bħala
chairman tal-Malta Community Chest Fund. Għal din
iċ-ċerimonja kienet preżenti wkoll is-Sinjura Fenech Adami. Id-donazzjoni
ta’ din il-coach ġiet imħabbra waqt il-programm ‘Istrina’
tas-sena l-oħra.
Qabel il-preżentazzjoni ġew iffirmati
żewġ kuntratti, wieħed tad-donazzjoni mill-KIA Motors lill-Malta
Community Chest Fund u l-ieħor bejn l-istess Malta Community
Chest Fund u l-Foundation for Social Welfare Services.
Permezz tat-tieni kuntratt, il-Malta Community Chest Fund
għaddiet l-immaniġġjar tal-coach f’idejn il-Foundation for
Welfare Services biex b’hekk tkun tista’ tintuża skond il-ħtiġijiet
ta dawk fil-bżonn li jinkludu nies b’diżabilità.
Il-Gvern għamel tajjeb għall-ħlas tat-taxxa
fuq ir-reġistrazzjoni tal-vettura filwaqt li permezz tan-National
Lotteries Good Causes Funds ġiet rifuża s-somma ta’ Lm6000 għal
Excise Duty.
Tul il-ġurnata numru ta’ persuni
b’diżabilità minn Wied il-Għajn u minn Ħal Kirkop telgħu fuq din il-coach
li ħadithom għal mawra madwar Malta li ġiet fi tmiemha propju fil-Palazz
tal-Verdala.
Il-President wera r-rikonoxximent tiegħu
għall-ġenerożità tal-KIA Motors. ‘Filwaqt li għal ħafna minnha, sabiex
immorru minn post għal ieħor hija xi ħaġa li nagħmluha ta’ kuljum u
mingħajr ma noqgħodu naħsbu fuqha, għal oħrajn hija ferm iktar diffiċli’,
żied jgħid il-President ta’ Malta. Din il-vettura ser tiffaċilita l-ħajja
ta’ ħafna li ma għandhomx il-mezzi adegwati sabiex jkunu jistgħu
jivvjaġġaw.
Il-President Fenech Adami qal li l-ġenerożità
u s-solidarjetà ta’ bejnietna hija bla dubju l-karatteristika tal-Maltin
li f’dan iż-żmien tas-sena tinħass ħafna iktar. Din hija karatteristika
li tiddistingwina bħala pajjiż u għandha tagħmilna kburin li aħna Maltin.