Titkompla
l-ħidma ta’ tindif u rijabilitazzjoni ta’ diversi Widien mill-ħaddiema
tal-Gvern
Bħala
parti mill-programm ta’ ħidma mmirat sabiex jipprevjeni l-għargħar,
it-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura
tat bidu għal xogħol ta’ tindif u rijabilitazzjoni ta’ Wied
Irmiedi limiti ta’ Ħ’Attard. Dan il-wied li minn Ta’ Qali jwassal
sa Ħ’Attard quddiem l-Isptar Monte Carmeli, jifforma parti mportanti
mis-sistema ta’ widien li mill-inħawi tar-Rabat iwassal l-ilma tax-xita
sa Wied is-Sewda f’Ħal-Qormi u jibqa’ nieżel lejn il-Marsa.
Meta
żar dawn ix-xogħlijiet li qed jitwettqu minn ħaddiema tas-Sezzjoni
tat-Tindif u Rijabilitazzjoni tal-Widien, il-Ministru Ninu Zammit qal li
għan ieħor ta’ dan il-proġett vast huwa li jagħmel dawn il-widien
aċċessibli għal pubbliku. Il-Ministru tenna li din is-Sezzjoni ġiet
kostitwita fl-aħħar xhur bil-għan li jitwettqu xogħlijiet simili
f’diversi widien madwar Malta. Din is-sezzjoni se tkun responsabbli
wkoll mill-manteniment tal-widien li jitnaddfu wara li jintemm dan ix-xogħol.
F’dan
il-wied insibu reċensjonijiet jew ilqugħ li jservu biex jikkontrollaw
il-volum u l-ħażna ta’ l-ilma u fl-istess waqt jsir re-charging ta’ l-acquifer
jew tal-ħażna ta’ l-ilma tal-pjan. Matul is-snin, dawn sofrew ħsarat
konsiderevoli. Dawn intraddmu minħabba kwantita’ kbira ta’ materjal
ta’ kull tip li ntefa’ b’mod illegali minn persuni rresponsabbli.
Dawn l-istrutturi issewwew b’intervent manwali mill-ħaddiema fl-istess
Sezzjoni.
It-tieni
parti tax-xogħol f’dawn l-inħawi se tkun tikkonsisti fi tħammil
mill-ġdid tal-kanal ta’ l-ilma li minn naħa tal-Counting Hall f’Ta’
Qali jwassal għal Wied Irmiedi. Dan bl-għan li jipprevedi l-għargħar
għaż-żoni residenzjali fl-inħawi.
Filwaqt
li fakkar li fl-aħħar sena sar tindfi ta’ ‘l fuq minn 4 kilometri
ta’ widien, il-Ministru Ninu Zammit reġa’ enfasizza fuq il-bżonn
li kullħadd jikkollabora mal-ħidma tal-Gvern u fl-interess ta’ l-istess
poplu Malti, għal ambjent iktar nadif u b’saħħtu. “It-23,800
tunnellata ta’ skart mormi fl-aħħar 18-il xahar b’mod abbużiv u
li sewa lil dan il-Ministeru u lill-Poplu Malti Lm750,000, qed ixekkel
il-ħidma tal-Ministeru. Il-kollaborazzjoni ta’ kullħadd f’dan
ir-rigward għandha twassal sabiex dan il-Ministeru jkompli fil-ħidma
intensiva tiegħu fit-twettiq ta’ bosta proġetti ta’ tisbiħ u
restawr imferxa ma’ Malta kollha” temm jgħid il-Ministru Ninu
Zammit.