STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU
U L-KULTURA FLIMKIEN MAL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET RURALI U L-AMBJENT
Kundanna għall-estremiżmu fil-kummenti dwar is-sitwazzjoni
tal-kaċċa f’Malta
Il-Gvern itenni l-impenn tiegħu li jibqa’
jkun konformi mal-ftehim li sar ma’ l-Unjoni Ewropea dwar il-kaċċa u
l-insib f’pajjiżna.Filwaqt
li se jibqa’ mpenjat li jħares u jinforza dak li kien miksub,
il-Gvern jikkundanna l-estremiżmu li qed jintuża minn uħud
fil-kummenti tagħhom dwar is-sitwazzjoni tal-kaċċa f’Malta.
Huwa ta’ għajb li esponenti bħal Prof. Arnold
Cassola, jipparteċipaw f’attivitajiet li jispiċċaw iħammġu isem
Malta għax fihom jiġu espressi argumenti estremi u fatti mhux
ikkonfermati.
Huwa ta’ għajb ukoll li f’din il-laqgħa
saħansitra saru kummenti li kaċċaturi Maltin jisparaw anke fuq xi
turisti waqt li jkunu għall-kaċċa.Dan juri l-faqar ta’ argumenti li xi wħud huma lesti
jirrikorru għalihom sempliċiment għax jargumentaw b’mod emozzjonali
u maqtugħ minn kull evalwazzjoni bilanċjata.
Huwa tal-mistħija li persuni bħal Prof.
Arnold Cassola, konxju mill-importanza ekonomika tas-settur turistiku,
jagħmel din it-tip ta’ ħsara għal skopijiet politiċi f’mument
tant sensittiv għal dan is-settur.
Il-Gvern jesiġi li l-għaqdiet tal-kaċċaturi għandhom jeżerċitaw
pressjoni fuq il-membri tagħhom biex josservaw ir-regolamenti tal-kaċċa
u l-insib sabiex ma jiġix ippreġudikat dak li kien miksub fin-negozjati
ma’ l-Unjoni Ewropea.Min
jinqabad jikser dawn ir-regolamenti se jkollu jiffaċċja s-saħħa
kollha tal-liġi .
Il-Gvern japprezza l-pożizzjoni adottata mill-Birdlife Malta li
ddisassoċjat ruħha minn kull pożizzjoni ntiża biex tagħmel ħsara
lil pajjiżna.Il-Gvern
Malti se jibqa’ jagħmel l-almu kollu tiegħu biex ixettel kultura ta’
sostenibbilta’ fil-qasam tal-kaċċa f’pajjiżna bl-għajnuna ta’
għaqdiet Ewropej bħal FACE (Federation of Associations for Hunting and
Conservation of the European Union), li llum għandhom relazzjoni ta’
koperazzjoni mal-Birdlife International fuq livell Ewropew.