MALTA TISSIEĦEB FL-ERM II U TITĦABBAR L-ISTRATEĠIJA TA’ MALTA DWAR
L-ADDOZZJONI TA’ L-EURO
Il-bieraħ 29 ta’ April filgħaxija, il-Euro
Working Group[1]laqa’ t-talba konġunta tal-Gvern Malti u tal-Bank Ċentrali ta’
Malta biex il-Lira Maltija tidħol fil-Mekkaniżmu
tar-Rata tal-Kambju, formalment magħruf bħala ERM II, li jfisser l-ewwel
pass biex Malta taddotta il-Munita ta’ l-Euro.
Għaldaqstant Malta, flimkien ma’ Ċipru u l-Latvja, ser issir membru fl-ERM
II b’effett minn nhar it-Tnejn, 2 ta’ Mejju.B’hekk Malta se tkun fit-Tieni Grupp ta’ pajjiżi membri ġodda
fl-Unjoni Ewropeja li qegħdin jissieħbu fil-Mekkaniżmu, wara li fit-28
ta’ Ġunju 2004 kienu daħlu
tliet pajjiżi oħra: l-Estonja, il-Litwanja u s-Slovenja.
Tajjeb li wieħed ifakkar li meta Malta issieħbet fl-Unjoni Ewropeja fl-1
ta’ Mejju 2004, pajjiżna, bħad-9 pajjiżi membri ġodda l-oħra, għamel
dan b’kundizzjoni li xi darba taddotta l-euro bħala l-munita
nazzjonali tagħha u dan kellu jseħħ hekk kif iċ-ċirkustanzi
tal-pajjiż jippermettu. Fil-prattika dan jirrikjedi żewġ
kundizzjonijiet prinċipali.L-ewwel
nett, li Malta tissodisfa l-kriterji ta’ Maastricht dwar ir-rata ta’
l-imgħax u dik ta’ l-inflazzjoni, l-bilanċ fiskali u d-dejn pubbliku.
Ma’ dawn hemm l-obbligu li tipparteċipa fl-ERM II, għal mill-anqas
sentejn mingħajr ma’ l-pajjiż jirrikorri għal żvalutazzjoni.It-tieni nett, l-istrutturi u l-imġieba ta’ l-ekonomija
Maltija jridu jkomplu jsiru jixbħu aktar lil dawk taż-żona ta’
l-euro - aspett li hu magħruf bħala konverġenza reali. Fi
ftit kliem, dan ifisser li biex pajjiż ikun jista’ jaddotta l-euro,
jrid l-ewwel jissodisfa l-kriterji ta’ Maastricht u jilħaq livell ta’
żvilupp komparabbli ma’ dak taż-żona ta’ l-euro.
Għaliex il-Gvern ħass il-ħtieġa
li jibda dan il-proċess lejn sħubija fiż-żona ta’ l-euro.
Il-Gvern jemmen li l-euro għandu jġib miegħu aktar vantaġġi milli żvantaġġi
għal pajjiżna, kif spejgat fid-dokument li qed jiġi ppublikat illum.
- Fost il-vantaġġi,
ta’ min jgħid li l-ekonomija Maltija għandha tibbenefika mill-euro
minħabba li din diġa hija ntegrata mhux ħażin ma’ l-ekonomiji taż-żona
ta’ l-euro.Biss biss, 70% tal-kummerċ li Malta tagħmel ma’ barra, huwa ma’ l-Unjoni
Ewropea, u 54% huwa mal-pajjiżi li hemm fiż-żona ta’ l-euro.
Għaldaqstant, l-industrija
u l-konsumaturi f’pajjizna jistgħu jgawdu sostanzjalment mill-eliminazzjoni
tar-riskju fuq il-kambju, billi l-euro awtomatikament jelimina kull ċaqliq
li jista’ jkun hemm bejn il-lira Maltija u dan ta’ l-aħħar.
Fil-fatt, sa ċertu punt, dan iċ-ċaqliq għandu jbatti wkoll fl-ERM
II, minħabba r-rabta aktar mill-qrib li se jkun hemm ma’ l-euro.
- L-euro
jnaqqas ukoll l-ispejjeż li jinqalgħu meta flus jew bilanċi f’liri
Maltin jissarfu, jew jinqalbu, f’euro, u viċi-versa.
- L-euro joħloq
aktar trasparenza fil-prezzijiet billi jiffaċilita paraguni bejn
prezzijiet lokali u dawk fuq prodotti barranin li l-prezz tagħhom ikun
ikkwotat f’euro.
- Aktar
kredibilita’ fejn jidħol il-kontroll fuq l-għoli tal-ħajja.Għalkemm il-Bank Ċentrali ta’ Malta diġa jħares l-istabilita’
fil-prezzijiet, meta Malta tidħol fiż-żona ta l-euro, dan l-għan
ikun aktar kredibbli u aktar viżibbli f’għajnejn l-investituri
barranin u l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, għaliex il-ħarsien
ta’ l-istabilita’ fil-prezzijiet, huwa mandatorju fuq il-Bank Ċentrali
Ewropew u dan huwa fatt magħruf mad-dinja kollha.
-Dan għandu jservi biex jiżdied l-aċċess għas-swieq
finanzjarji u biex l-imprendituri u l-pubbliku Malti jkun jista’
jgawdi mill-aħjar rati ta’ imgħax, kemm fuq self kif ukoll fuq
investimenti finanzjarji.Is-suq
finanzjarju ta’ l-euro huwa ħafna akbar minn dak fil-lira Maltija.
- Minħabba li
l-addozzjoni ta’ l-euro tkun tfisser li l-pajjiż ikun laħaq livell għoli
ta’ żvilupp u qiegħed isegwi policies tajbin, l-euro għandu jsaħħaħ
il-Credit Rating ta’ pajjiżna min agenziji nternazzjonli.Dan isarraf f’roħs fuq il-premium
li llum jitħallas fuq self minn barra, liema premium
ikopri r-riskju li jkun assoċjat ma’ Malta.
- B’hekk
Malta tkun f’qagħda aħjar biex tattira nvestiment barrani u għaldaqstant
jitjiebu il-prospetti għal aktar investiment barrani u ħolqien ta’
postijiet ġodda tax-xogħol.
Dan kollu għandu
jwassal biex jagħmel lil pajjiżna aktar attrajenti għal kull min irid
jinvesti, u għaldaqstant jissarraf fil-ħolqien ta’ aktar impjiegi u
ġid għall-poplu Malti u Għawdxi.
Ħaġa
li tista’ tkun ta’ żvantaġġ hi l-impatt possibbli ta’ l-euro
fuq il-prezzijiet.
Jista
jkun hemm min jipprova jieħu l-opportunita’ li jgħolli l-prezzijiet
b’tali mod li jkun hemm żieda temporanja fl-għoli tal-ħajja.Il-Gvern hu konxju ta’ dan ir-riskju u ser jagħmel ħiltu
kollha biex jilqa’ għalih, permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni,
id-dħul minn kmieni ta’ sistema ta’ dual
pricing biex il-konsumatur jidra (per eżempju, kemm għanda tiswa
kartuna ħalib f’euro), sorveljanza tal-prezzijiet u mezzi oħra
simili - u li ser jitħabbru fiż-żmien propizju.Wieħed irid jgħid ukoll li dan ir-riskju dejjem ser ikun hemm -
irrispettivament mid-data tad-dħul fiż-żona ta’ l-euro. Għaldaqstant
is-soluzzjoni m’hijiex li tkun posposta d-data tad-dħul, imma li
jittieħdu miżuri speċifiċi li jindirizzaw dan ir-riskju. Il-Gvern hu
konvint li nistgħu nilqgħu għal din l-isfida jekk nippreparaw ruħna
sew qabel issir il-konverżjoni għall-euro.
Il-Gvern jieħu din
id-deċizzjoni bil-għaqal, mingħajr għaġġla żejda u fl-aħjar
interess tal-pajjiż fi ħsiebu.
Għalkemm
il-Gvern dejjem sostna li hu fl-aħjar interess tal-pajjiż li d-dħul
ta’ l-euro jkun aktar fil-qrib milli fil-bogħod – dejjem kien
attent li din id-deċizjoni ma titteħidx kmieni wisq mingħajr ma nkunu
qisna jekk l-ekonomija Maltija hijiex lesta għal dan il-pass.
L-Estonia,
il-Litwanja u s-Slovenja ilhom jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu sa mit-28
ta’ Ġunju 2004, bil-ħsieb li jaddottaw l- euro fl-1 Jannar 2007.
Il-Gvern Malti dak in-nhar setgħa jikkonsidra jekk iridx jidħol ma’ dan
l-ewwel grupp.
B’responsabbilta’
konna għażilna li dan ma nagħmluħx.Dak iż-żmien ħassejna li kien ikun aħjar jekk l-ewwel naraw
kif se:
-nagħtu direzzjoni ġdida u l-ispinta meħtieġa lill-ekonomija,
-inwettqu
r-riformi strutturali meħtiega biex intejbu l-kompetittivita’ u; -inkomplu
inqiegħdu il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż fuq sisien sostenibbli.
Il-Gvern ħass li dan kellu jwassal biex pajjiżna mhux biss jissodisfa l-kriterji
formali ta’ Maastricht, iżda biex l-ekonomija tagħna tkun laħqet
livell ta’ żvilupp qrib dak tal-pajjizi taż-żona ta’ l-euro.Żgur li llum din hija l-aspirazzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Wara
li l-Gvern Malti ġie nfurmat li l-assessment
li għamlet il-Kummissjoni Ewropea u wara l-analiżi li saret fil-Economic
and Financial Committee (fejn hemm rappreżentanza tal-Ministri
tal-Finanzi, il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek
ċentrali tal-membri kollha ta’ l-UE), kien wieħed pożittiv, il-Prim
Ministru u Ministru tal-Finanzi u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ħadu
d-deċiżjoni li ssir l-applikazzjoni għas-sħubija fil-mekkaniżmu ERM
II.Il-fatt li Malta ġiet aċċettata
fl-ERM II juri biċ-ċar li qiegħed isir progress f’dawk
il-kundizzjonijiet meħtieġa biex Malta eventwlament tkun tista’
taddotta l-euro.
Għaldaqstant,
nħar il-Ħamis 28 ta’ April, il-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi,
flimkien mal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, għamlu talba formali lill-Prim
Ministru Jean Claude Junckeril-President
tal-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (L-Ecofin)
- biex Malta tidħol fil-Mekkaniżmu ta’ l-ERM II, liema talba
b’sodisfazzjon, ġiet milqugħha mil-pajjiżi kollha fiż-żona ta’
l-euro u minn dawk li diġa’ qiegħdin fil-Mekkaniżmu, u mil-Bank Ċentrali
Ewropew.
Dan
ser ifisser li min-nhar it-Tnejn 2 ta’ Mejju 2005, jiġi fit-tmiem il-basket
ta’ tlett muniti li fuqu sal-ġimgħa l-oħra kien jinħaddem il-valur
tal-Lira Maltita u minflok, il-lira Maltija se tintrabat biss ma’
l-euro.B’hekk, filwaqt li
qabel, l-euro kellu sehem ta’ 70%, issa l-lira Maltija se timxi biss
skond l-euro. Din ir-rabta
se tkun ibbażata fuq ir-rata ta’ 0.429300 liri Maltin għal kull
euro, li hija r-rata tal-kambju li kienet fis-seħħ fis-2:15 p.m. nhar
il-Gimgħa 29 ta’ April 2005.
Twaqqif tal-Euro
Changeover Committee
Tajjeb li wieħed jgħid ukoll li llum il-Gvern flimkien mal-Bank Ċentrali
Malti, qed jippublika dokument dwar l-Istrateġija ta’ Malta għall-addozzjoni
ta’ l-euro.
Din l-istrategija titkellem dwar numru ta’ aspetti li jridu jiġu
kkunsidrati minn issa ‘l quddiem, bi preparazzjoni għal sħubija sħiħa
fiż-żona ta’ l-euro, kemm mill-aspett ekonomiku, kif ukoll mill-aspett
prattiku.
Dan hu proċess kumpless u wiesa u jidħol f’numru ta’ aspetti teknici u
ekonomici b’ implikazzjonijiet soċjali wkoll.Wieħed ikun irid jara, per eżempju, x’informazzjoni trid tingħata
biex jigi ppreparat il-poplu Malti, x’tibdil jeħtieġ fis-sistemi ta’
l-informatika, l-istampar tal-karti u l-muniti ta’ l-euro (għal
Malta), is-sorveljanza tal-prezzijiet, il-konverżjoni tal-prezzijiet,
reviżjoni ta’ materjal edukattiv li jitkellem fuq il-valuta legali,
kif ukoll liġijiet u kuntratti li jaghtu xi valur ta’ penali, tariffi
etc.
Għal dan il-għan
ser jitwaqqaf Euro Changeover Committee.Dan il-kumitat se jiġbor fihnumru ta' working
groups li se jidhlu fl-aspetti kollha ta' dan il-proċess, biex
il-bidla għall-euro issir bl-aktar mod ordnat.Il-Kumitat u l-working groups iridu jinvolvu fihom lil
firxa wiesa ta' rappreżentanti ta' diversi setturi li jistgħu jkunu
affettwati minn din il-bidla.
DOI
– 30.04.2005
[1]
Il-Euro Working Group jikkonsisti fir-rappreżentanza
tal-Ministeri tal-Finanzi ta’ dawk il-pajjizi li diġa adottaw
l-Euro jew bdew il-proċess biex jissieħbu, il-Kummissjoni Ewropeja
u l-Bank Ċentrali Ewropew