Il-Kunsill
Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti li għandu l-iskop li jippromwovi l-Ilsien
Nazzjonali ta’ Malta u jipprovdi l-għodda meħtieġa
għat-twettiq ta’ dan l-iskop, ġie mniedi dalgħodu mill-Ministru ta’
l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet
li fiha introduċa l-membri ta’ dan l-ewwel Kunsill.
Il-Professur Manwel Mifsud, li huwa ukoll il-Kap tad-Dipartiment
tal-Malti fl-Università, se jkun il-President tal-Kunsill filwaqt li
Dr. Josette Attard ġiet maħtura Viċi-President. Hija wkoll se tkun
qed tirrappreżenta lid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Il-membri huma Prof.
Albert Borg (rappreżentant tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università),
Dr. Ray Fabri (rappreżentant ta’ l-Istitut tal-Lingwistika fl-Università),
is-Sur George Farrugia (rappreżentant ta’ l-Akkademja tal-Malti),
Prof. Joe Friggieri (rappreżentant tal-Kunsill Malti ta’ l-Arti u l-Kultura),
is-Sur Victor Cauchi (rappreżentant ta’ l-Avukat Ġenerali), is-Sur
Joseph Borg (magħżul minn
fost l-għaqdiet tal-Malti skond l-iskeda fil-Liġi) u s-Sur Mario
Schiavone (rappreżentant ta’ l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin).Dr. Charles Briffa, u Dr Simone Inguanez ġew maħtura bħala
membri skond il-provvediment ta’ l-Artikolu 4(2)(b) ta’ l-Att li
jwaqqaf il-Kunsill.
It-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti hu pass ieħor
f’sensiela ta’ passi li qed jittieħdu biex l-Ilsien Malti mhux biss
ikollu Liġi xierqa biex tirregolah imma wkoll għassies effettiv fil-forma
ta’ Kunsill biex b’mod proattiv jassigura li l-Malti mhux biss jibqa’
ħaj iżda jkompli jiżviluppa u jimxi ’l quddiem.
Kien
f’Ottubru ta’ l-1989 li għall-ewwel darba kien tressaq abbozz ta’
liġi msejjaħ Att biex isaħħaħ
il-qagħda ta’ l-ilsien Malti u l-identità nazzjonali Maltija li
kien qanqal dibattitu parlamentari interessanti li iżda, baqa’ ma
sarx liġi. F’Diċembru ta’ l-1994 twaqqaf il-Bord ta’ l-Ilsien
Malti biex jistudja l-problemi li qed iħabbat wiċċu magħhom l-ilsien
Malti, iħejji l-istruttura meħtieġa għall-ħarsien tal-Malti, anki
permezz ta’ leġislazzjoni, ifassal strateġija xierqa biex il-Malti
jafferma ruħu u jiġi ’l quddiem skond pjan ta’ żvilupp maħsub.Dan il-bord ħadem taħt żewġ amministrazzjonijiet tal-pajjiż
u tliet Ministri ta’ l-Edukazzjoni differenti sakemm f’Mejju ta’
l-2001 temm il-ħidma tiegħu.
Saret konsultazzjoni pubblika wiesgħa anki permezz ta’ seminars
nazzjonali u fejn saru suġġerimenti li eventwalment ġew riflessi
fil-liġi li tressqet mill-ġdid fil-Parlament.Il-Liġi ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern fit-18 ta’
Novembru 2003.
Il-Ministru Louis Galea qal li permezz tal-Kunsill l-ilsien Malti qed
ikompli jissaħhaħ bħala parti essenzjali mill-wirt nazzjonali, kif
ukoll bħala l-għodda l-aktar demokratika biex il-poplu jesprimi lilu
nnifsu. Huwa qal li l-Kunsill li qed jitwaqqaf illum se jkollu l-funzjoni
li jwettaq pjan ta’ ħidma biex l-ilsien nazzjonali jkompli javvanza u
jissaħħaħ fl-edukazzjoni, fix-xandir u fl-istampa, fil-qrati u fil-ħajja
politika, amministrattiva, ekonomika, soċjali u kulturali fil-pajjiż.
Qal ukoll li l-Kunsill se jkun wieħed awtonomu f’dak kollu li għandu
x’jaqsam mad-deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-lingwa
Maltija.
Il-Ministru Galea fakkar li pajjiżna għandu l-iżgħar popolazzjoni li
għandha l-lingwa tagħha rikonoxxuta uffiċjalment mill-Unjoni Ewropea
li fiha hu kalkolat li jeżistu aktar minn
255 ilsna differenti.Il-Malti
rnexxielu jikseb għarfien akbar minn
diversi lingwi oħrajn mitkellma minn
wisq aktar nies bħal per eżempju l-Katalan, li hu mitkellem minn
aktar minn
7 miljun persuna.Dan
il-fatt, qal il-Ministru Galea għandu jħeġġiġna biex dak li
akkwistajna mad-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju
tas-sena l-oħra, li l-Malti sar ilsien uffiċjali ta’ l-Unjoni, nibżgħu
għalih.
Il-Professur Mifsud qal li dan huwa pass ieħor
fil-maturazzjoni ta’ l-ilsien Malti għaliex
issa mhumiex biss l-għaqdiet volontarji li lesti li jagħtu sehemhom
imma huwa l-Istat li qiegħed
jimpenja ruħhu
favur l-Ilsien Nazzjonali. Il-Kunsill se jipprova jgħaqqad il-ħidma
kbira li qed issir fl-iżolament u jindirizzaha skond pjan miftiehem.
Il-Professur Mifsud tenna li l-Kunsill għandu jkun viżibbli u punt ta’
riferiment dwar il-lingwa u l-letteratura Maltija. Huwa rringrazzja lil
kull min kien responsabbli nkluż il-Parlament li kkontribwixxa
b’diskussjoni matura dwar il-liġi u billi finalment approvaha
unanimament bħala Liġi.Qal
li l-Kunsill biħsiebu
jaħdem f’diversi oqsma importanti li jinkludu l-medja, l-ortografija,
il-letteratura, ir-riċerka lingwistika, l-iżvilupp tal-Malti fl-informatika
u b’mod mhux inqas urġenti it-terminoloġija u t-traduzzjoni.
Il-Kunsill,
ser ikollu Direttur Eżekuttiv li għad irid jinħatar kif ukoll staff
ieħor biex ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu.Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-kwistjonijiet ta’ natura
tekniko-xjentifika jidħlu fis-seħħ bis-saħħa ta’ avviż pubblikat
mill-Kunsill fil-Gazzetta tal-Gvern.