IL-VUĊI MALTIJA TISSAĦĦAĦ FIX-XENA EWROPEA U
INTERNAZZJONALI
“Matul
din il-ġimgħa kelli l-opportunita’ li nesperjenza mill-qrib is-sehem
li Malta qed tagħti sabiex jissaħħaħ
id-djalogu u tisseddaq l-għaqda fir-reġjun tal-Mediterran u
fil-kontinent Ewropew. Grazzi għall-passi ta’ ġgant li għamilna bħala
poplu, inħossni kburi li qed niksbu kredibilita’ u qed
nikkontribwixxu b’mod attiv fl-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali
tal-Mediterran u fi ħdan l-Unjoni Ewropea.” Hekk qal il-Prim Ministru
Lawrence Gonzi waqt li ndirizza l-laqgħa
regolari ta’ darba fix-xahar mar-rappreżentanti tal-media.
Il-Prim
Ministru u Ministru tal-Finanzi rrefera għaż-żewġt żjarat li saru
matul din il-gimgħa. Fl-ewwel żjara uffiċjali tiegħu ġewwa l-Libja,
il-Prim Ministru semma l-importanza li ż-żewġ pajjiżi jagħtu lil
xulxin speċjalment issa li Malta hija msieħba fl-Unjoni
Ewropea. Filwaqt li saħħet ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi
din iż-żjara serviet wkoll sabiex jiġu trattati fuq livell politiku
żewġ temi partikolari: it-tħaffif fil-proċess tal-ħruġ tal-visas
mill-awtoritajiet Libjani, u l-koperazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra
l-immigrazzjoni llegali. Fuq iż-żewġ temi d-diskussjonijiet servew
biex iż-żewġ naħat jifmhu aktar lil xulxin filwaqt li intlaħaq
kunsens politiku li issa għandu jittieħed fil-livell tekniku sabiex
jissolvew il-problemi eżistenti fil-każ tal-ħruġ tal-visas, filwaqt
li jinstabu mezzi tal-koperazzjoni sabiex titjieb is-sorveljanza u l-kontroll
fuq l-immigrazzjoni llegali lejn xtutna. “Sinifikanti kienet il-laqgħa
mal-Mexxej Muammar al-Qadhafi fejn ġeddidt
l-istedina sabiex dan iżur Malta filwaqt li ġie diskuss r-rwol
ta’ Malta u l-Libja fl-iżvilupp
tal-Politika Ewro-Meditteranja u s-sehem li Malta tista’ tagħti sabiex tkun
vuċi b’saħħitha favur l-interessi tal-pajjiżi tal-Mediterran.”
“It-tieni
viżita, dik tal-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea Barroso
kienet esperjenza eċċellenti għaliex fiha l-President Barroso were
b’mod ċar l-impenn u l-importanza li huwa ser jagħti matul is-snin
li ġejjin lill-pajjiżi żgħar bħalma hija Malta. Fid-diskussjonijiet li kellna
jiena wrejtu b’mod ċar l-aspettattivi tagħna mill-Presidenza l-ġdida
l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mas-sehem ta’ Malta fit-tisħiħ
tar-relazzjonijiet mal-Afrika ta’ Fuq, fil-bżonn tal-għajnuna sabiex
Malta tkun tista’ tilqa’ b’mod aktar effettiv kontra l-influss
tal-immigranti llegali u l-impenn tiegħu sabiex Malta tkun tista tgawdi
u tisfrutta l-isħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea f’benefiċċji
konkreti li jtejjbu l-kwalita’ tal-ħajja tal-Maltin. Deher evidenti
li l-President Barroso mhux biss huwa sensittiv għar-rejaltajiet ta’
pajjiżna imma wkoll deċiż li jagħti l-importanza mistħoqqa lil dawn
l-aspettativi.”
F’dan
il-kuntest il-Prim Ministru semma wkoll kif matul din il-ġimgħa sar
il-proċess ta’ smiegħ tal-Kummissarju Malti Joe Borg quddiem
il-Parlament Ewropew. Anki dan l-avveniment kien ħolqa fil-katina tat-tisħiħ
tal-profil internazzjonali li pajjiżna qed jieħu permezz tas-sħubija.
Il-konferma ta’ Joe Borg bħala Kummissarju għas-Sajd u l-Affarijiet
Marittimi kienet preċeduta minn preżentazzjoni deskritta ‘eċċellenti’
miċ-Chairman tal-Kumitat tas-Sajd fi ħdan il-Parlament Ewropew.
Aspett
ieħor li jqiegħed lil Malta fuq il-mappa globali kien
il-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-Freeport, proċess li ilu sejjer
diversi xhur u li permezz tiegħu kemm il-Gvern, kif wkoll il-ħaddiema
u dawk li jużaw is-servizzi tal-Freeport ser jibbenefikaw minn aspetti differenti. Din
il-privatizzazzjoni ser tfisser wkoll investiment sostanzjali sabiex il-Freeport
jkompli jatrezza ruħu għall-bżonnijiet tat-trasbord.
Bl-istess mod, il-Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi rrefera għall-qbil
li ntlaħaq fil-każ tat-Trasport Pubbliku, qbil li huwa strettament
marbut mat-titjib fis-servizz u l-kwalita’ tas-servizz ta’ transport
pubbliku. Huwa qal li dan is-servizz hemm bżonn li jdur madwar il-bżonnijiet
tal-pubbliku u mhux madwar il-bżonnijiet tas-sidien u l-Gvern ser ikun
qed jirregola l-għoti tas-sussidji skond kemm ikun kuntent bit-twettiq
tat-titjib miftiehem. L-ewwel sinjali ta’ dan diga’ huma pożittivi
għaliex mill-11 ta’ Ottubru ser jibdew jiffunzjonaw sitt rotot ġodda
li ġew maħsuba sabiex jilħqu l-bżonnijiet tal-pubbliku.
“Dwar
l-Isptar Mater Dei il-Gvern mhux sejjer iħalli min jaħseb li kollox jgħaddi.
Hemm numru ta’ aspetti li jeħtieġu ġustifikazzjoni u spegazzjoni
fid-dettal inkella mhux ser isir l-ebda pagament.” Skanska għadha
dmir u obbligazzjoni lejn il-poplu Malti u l-Gvern ser jaċċerta ruħu
li dan jiġi mħares, qal il-Prim Ministru. “Fi ftit jiem oħra, jekk
ma’ ssir l-ebda ċaqlieqa minn Skanska, jiena, wara li hadt
il-parir tal-Kabinett, sejjer insejjaħ f’Malta lic-Chairman ta’
Skanska filwaqt li ninvoka d-drittijiet tiegħi skond il-provvedimenti
legali diġa stabbiliti fil-kuntratt iffirmat. Għalkemm nifhem l-impatt
li dan jista’ jkollu fuq kuntratti oħrajn, nħossni fid-dmir li nuża
l-poteri kollha mogħtija lili sabiex nħares u niggarantixxi l-infuq ġustifikat
tat-taxxi tal-poplu,” temm jgħid il-Prim Ministru.