“L-ISTRINA:
ĊERTIFIKAT TAS-SENS TA’ SOLIDARJETA`
TAL-POPLU MALTI” –
Il-President ta` Malta, l-E.T. Dr. Edward Fenech
Adami
Fil-preżenza tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza
Tiegħu Dr. Edward Fenech
Adami, u ċ-Chairman tal-PBS, Michael Mallia, tqassmu l-fondi li
ngabbru mill-programm “L-Istrina 2003” permezz tat-telefonati u d-donazzjonijiet
li jammontaw għas-somma totali ta` madwar miljun lira Maltin.
Waqt
konferenza stampa fil-Palazz, il-Belt Valletta, tqassmu l-fondi lill-Malta
Community Chest Fund u assoċjazzjonijiet soċjali oħrajn li huma
l-Eden Foundation, Caritas, Razzett tal-Ħbiberija, Djar tal-Knisja Għall-Anzjani,
YMCA, Emigrants’ Commission, Children’s Cancer Support Group, The
Millennium Chapel, Suriet il-Bniedem, Daniel Delicata Memorial
Association, Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ, Daritama, Parroquia Sant
Tomos Appostolo, u The Ghana Mission Foundation.
Il-President
Fenech Adami qal li din is-somma hija ċertifikat tas-sens ta’
solidarjeta` tal-poplu Malti kollu, li jimpurtah u li, għalhekk, ta l-kontribut
tiegħu f’dan l-avveniment. L-Eċċellenza Tiegħu ddeskriva l-poplu
Malti bħala wieħed ġeneruż li fid-dinjita` tiegħu ma jaħsibx biss
fih innifsu izda kapaċi jagħraf il-bżonnijiet ta’ l-oħrajn.
Il-President
irringrazzja lill-PBS ta’ l-appoġġ u tax-xogħol li tagħmel waqt
il-programm ta’ l-Istrina kif wkoll il-kumpanija ‘Where’s
Everybody?’ li bl-entużjażmu u d-dedikazzjoni tagħha irnexxielha
torganizza avveniment bħal dan li issa sar appuntament annwali.
Il-President Fenech Adami wassal ukoll l-apprezzament tiegħu lil
Maltacom kif wkoll l-istazzjonijiet tat-televiżjoni li offrew sigħat
b’xejn mill-air time tagħhom
sabiex jiġi trasmess dan il-programm.
Il-President
awgura li “l-programm ta’ l-Istrina ta’ din is-sena jkun ieħor ta’
suċċess bħal dawk ta’ qabel, programm li jirrifletti s-solidarjeta`
tal-poplu Malti u Għawdxi.”