VIŻJONI AMBIZZJUŻA BIEX IL-MALTIN IGAWDU KWALITA`
TA’ HAJJA AĦJAR
Illum
il-Prim Ministru Lawrence Gonzi iltaqa’ mal-ġurnalisti fejn spjegalhom id-diversi
inizjattivi li l-Gvern qiegħed jieħu u li ser jirrendu kwalita’ ta’
ħajja aħjar għal kulħadd.
Il-Prim Ministru spjega kif bħalissa l-Gvern qiegħed jaħdem fuq
diversi fronti li jirrikjedu riformi mill-qiegħ. Dan il-programm ta’
riforma ser iwassal mhux biss biex il-pajjiż ikun kompetittiv, imma ser
ifisser ukoll ħolqien ta’ aktar ġid li minnu jgawdi kulħadd. Huwa
saħaq illi l-mira tiegħu u tal-Gvern immexxi minnu hija li pajjiżna
ikun pajjiż serju, li jispira fiduċja fl-investituri u l-konsumaturi u
li jipprovdi ambjent u livell ta’ għixien għoli.
Fl-introduzzjoni
tiegħu l-Prim Ministru semma kif hemm sinjali ċari li r-ritmu
ekonomiku qed jirpilja, anki grazzi għall-miżuri li qed jieħu l-Gvern
sabiex jistimola l-ekonomija. Il-finanzi tal-Gvern qed jiġu kontrollati
anki jekk għad hemm bżonn ta’ aktar impenn minn kulħadd sabiex il-miri fil-Budget ta’ din is-sena
jiġu milħuqa. “L-indikazzjonijiet li għandna jikkonfermaw li mexjin
fid-direzzjoni t-tajba. Iżda fadal ħafna x’isir. Is-sagrifiċċji li
qiegħdin nagħmlu llum diġa’ qiegħdin iħallu riżultati pożittivi
u l-Gvern hu konvint li huma l-pedament tas-suċċessi li pajjiżna ser
ikollu fix-xhur u s-snin li ġejjin.”
F’dan
il-kuntest, il-ftehim dwar Patt Soċjali għandu jkun mira nazzjonali għaliex
huwa jwitti t-triq biex pajjiżna jkompli jiżviluppa u jirbaħ l-isfidi
li għandu quddiemu. Hawnhekk, il-Prim Ministru ħeġġeġ lill-imsieħba
soċjali kollha biex ikomplu jagħtu l-kontribut tagħhom ħalli jintlaħaq
dan il-ftehim.
Il-Prim
Ministru rrefera wkoll għaz-żewġ pjani nazzjonali ta’ azzjoni dwar
l-impjiegi u l-esklużjoni soċjali li ġew imnedija f’dawn l-aħħar
ġranet. Dawn iż-żewġ dokumenti huma ntiżi sabiex jassiguraw rata ta’
parteċipazzjoni għola fl-attivita ekonomika ta’ pajjiżna, u
b’hekk inkomplu noħorġu mir-riskju tal-faqar lil dawk li għal xi raġuni
jew oħra jsibu ruħhom f’xi diffikultajiet.
Dawn
iż-żewġ dokumenti huma msejsa fuq numru ta’ prinċipji li l-Gvern
adotta u li għalihom qed jikkometti l-ħidma tiegħu. Dawn huma: ż-żieda
fl-impjiegi u fir-rata ta’ parteċipazzjoni tax-xogħol speċjalment
dik tan-nisa, it-titjib tal-kwalita’ ta’ l-impjiegi, l-impenn taghna
kontra l-illitteriżmu u t-titjib tas-sistema edukattiva l-aktar dik ta’
matul il-ħajja, il-ħarsien soċjali inkluż r-riformi li hemm bżonn
li jsiru sabiex jiġi assigurat l-adekwatezza tal-pensjonijiet għal ġenerazzjonijiet
future, u l-ġlieda kontra l-abbużi li qed ittellef it-tisħiħ ta’
l-appoġġ soċjali. B’kollox dawn iż-żewġ Pjanijiet ta’ Azzjoni
ser jitqwettqu permezz ta’ 54-il inizjattiva li ser ikunu ffinanzjati
mill-Unjoni Ewropea flimkien ma’ ammont mill-Gvern Malti.
Il-Prim
Ministru rrefera wkoll għall-problema tal-immigranti llegali li bħalissa
qiegħda tilħaq sitwazzjoni allarmanti tant li l-Gvern Malti qed iżid
l-interventi diplomatiċi tiegħu sabiex tinstab soluzzjoni li permezz
tagħha l-Gvern, filwaqt li jkun f’pożizzjoni li jipprovdi appoġġ
lil dawn il-każijiet umanitarji, ma jsofrix pressjoni li ma jiflaħx għaliha
fuq ir-riżorsi tal-pajjiż.
Il-Prim
Ministru qal li f’pajjiżna bħalissa hawn aktar minn elf immigranti llegali li minnhom 760 niżlu fuq
xtutna matul dan is-sajf. Filwaqt li ċ-ċentri ta’ detenzjoni qed
jakkomodaw madwar 580-il immigrant, fiċ-Ċentri Miftuħa joqgħodu ‘l
fuq minn 400 persuna. Barra minn dan hemm numru ta’ minorenni li jinsabu ġo
residenza apposta għal dawk il-minorenni li ma jkunux akkumpanjati.
Madwar 100 puliżija u aktar minn 113-il membru tal-Armata jinsabu mpenjati sabiex iħarsu
dawn iċ-ċentri. F’dawn l-aħħar ġimgħat il-Gvern tejjeb l-appoġġ
soċjali lil dawn l-immigranti billi waqqaf servizz ta’ appoġġ
professjonali fi ħdan l-Agenzija APPOGG, anki jekk dan għadu mhux biżżejjed
biex ilaħħaq mad-domanda.
Il-Prim
Ministru fakkar li għalkemm pajjiżna bħalissa għaddej min
sitwazzjoni diffiċli f’dan ir-rigward, tajjeb li kulħadd ikompli
japprezza l-aspett umanitarju li jgħaddu minnhom dawn l-immigranti li
jaslu, li saħansitra jħallu kollox warajhom u jaħarbu minn pajjiżhom
f’sitwazzjoni fejn ikunu vittmi innoċenti tac-ċirkostanzi.
Madankollu,
il-Gvern xorta waħda qed janalizza s-sitwazzjoni sabiex jara
x’soluzzjonijiet jistgħu jinstabu nkluż fil-livell ta’ l-Unjoni
Ewropea. Il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg sejjer f’dawn il-ġranet
ikollu laqgħat bilaterali mal-Ministru tal-Intern Taljan Pisanu sabiex
tiġi diskussa aktar fid-dettall din il-proposta.
Matul
il-laqgħa mal-ġurnalisti, l-Prim Ministru Lawrence Gonzi ħabbar ukoll li stieden lill-MEPA sabiex
tidentifika numru ta’ siti li jistgħu jiġu żviluppati bħala golf
courses, sabiex b’hekk tkun tista’ tittieħed deċiżjoni mill-Gvern
dwar fejn għandhom jiġu żviluppati.