Bħala parti mir-riforma li qed issir fix-Xandir Nazzjonali, illum ġiet
imnedija l-Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir, politika li hija mmirata
lejn it-tiġdid tax-Xandir Nazzjonali.
Wara li ġew riformati l-pedamenti jiġifieri l-organizzazzjoni, li kienet
tinkludi l-istruttura u riforma fil-Management,
kif ukoll fir-riżorsi umani u l-aspett finanzjarju, illum tħabbru l-mudell
kummerċjali ġdid u riforma editorjali.
Dettalji dwar dan ingħataw mill-Ministru
għat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Investiment Austin Gatt, bħala
Ministru responsabbli mill-kumpanija PBS, u mill-Ministru għat-Turiżmu
u l-Kultura Francis Zammit Dimech, li bħala Ministru għall-Kultura hu
responsabbli, skond l-Att dwar ix-Xandir, mix-Xandir f’Malta.
Tradizzjonalment dawn iż-żewġ responsabbiltajiet kienu jkunu fl-istess
Ministeru. Minn April 2003 ‘l hawn, saret id-distinzjoni li
ppermettiet ir-riformi li qed isiru llum.
Il-Ministru Gatt spjega li permezz tad-dokument intitolat “National
Broadcasting Policy” illum il-Gvern ħabbar ‘mission statement’ għall-PBS
Ltd. Il-‘Mission
Statement’ huwa mmirat biex ikollna
Xandir Pubbliku li jaqdi lill-pubbliku ġenerali kif ukoll oqsma
partikolari tal-popolazzjoni, billi tħabrek biex tkun l-aktar xandâr
kreattiv, inklussiv, professjonali u fdat f’Malta.
Il-Gvern jirrikonoxxi li x-Xandir Pubbliku hu essenzjali għad-demokrazija tagħna Fil-kuntest ta’ xandir televiżiv
bi preżenza daqshekk qawwija tal-partiti politiċi, hu importanti li l-PBS ikollha sehem ewlieni ta’ udjenzi u li jolqot
udjenzi ġenerali daqs kemm jolqot udjenzi partikolari. Oltre’
minnhekk il-Gvern jemmen li x-xandir pubbliku jrid ikun finanzjarjament
sostenibbli iżda l-finanzi ma jistgħux ikunu l-unika
kunsidrazzjoni. Dan apparti l-obbligi
internazzjonali (Dikjarazzjoni ta’ Praga; Direttiva dwar Televiżjoni
mingħajr Fruntieri) u nazzjonali
(Kostituzzjoni, Att dwar ix-Xandir) li rridu nibqgħu nirrispettaw.
F’Ottubru 2003, il-Gvern ħa numru ta’ deċiżjonijiet.Waħda mid-deċiżjonijiet kienet it-tiġdid ta’ l-impenn tiegħu
li l-PBS ikun l-iprem xandâr
f’Malta. Deċiżjoni oħra kienet li jalloka Lm500,000
għas-sena 2004 għall-obbligi pubbliċi tal-PBS. Il-Ministru Austin
Gatt spjega li l-Gvern stabilixxa l-bżonn li minbarra l-obbligi pubbliċi
definiti, il-PBS trid tkun finanzjarjament vijabbli. Deċiżjoni oħra
kienet li jkun hemm Public Service
Obligation Contract bejn il-Gvern u l-PBS, dan minbarra d-deċiżjoni
li ma jkunx hemm aktar sussidji apparti l-P.S.O. Deċiżjoni oħra
kienet li għandu jkun hemm sehem akbar ta’ xandir imtella’ minn
produtturi privati.
Għal dan il-għan il-Gvern qasam ix-xandir tal-PBS fi tlieta:
1.Core
PSO (aħbarijiet, sports lokali, programmi li joħorġu mil-liġi);
2.Extended
PSO (l-obbligi pubbliċi l-oħra tal-PBS);
3.Kummerċjali (il-programm l-oħra kollha).
Il-Ministru Gatt spjega li mill-qliegħ ta’ l-attività kummerċjali tiegħu,
il-PBS irid jipprovdi l-programmi li jaqgħu taħt il-kriterju ta’ Core
PSO.
Dawn jinkludu:bullettini regolari ta’ l-aħbarijiet bil-Malti u mill-anqas
bullettin wieħed bl-Ingliż u bullettin għal dawk neqsin mis-smiegħ
fuq it-televiżjoni; bullettini
regolari ta’ l-aħbarijiet bil-Malti u mill-anqas wieħed bl-Ingliż;
bullettin regolari ta’ kuljum bl-aħbarijiet
sportivi; programmi skond l-obbligi
kostituzzjonali; u xandir televiżiv ta’ seduti Parlamentari
(m’hux regolari).
Il-Minsitru Francis Zammit Dimech ta spjega ta’ x’inhuma l-programmi li
jaqgħu taħt il-kategorija ta’ l-‘extended
public service obligation’. Dawn jinkludu:
1.Trasmissjonijiet ta’ avvenimenti nazzjonali;
2.Trasmissjoni bir-radju tal-Parlament;
3.Avviżi Pubbliċi;
4.Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti u Programmi ta’ Diskussjoni
b’temi soċjali, kulturali,
edukattivi, ambjentali, ekonomiċi,
industrijali u politiċi;
5.Programmi reliġjużi u x-xandir tal-Quddies tal-Ħadd u xi
festi;
6.Programmi għat-tfal;
7.Drama bil-Malti, preferibilment drama oriġinali;
8.Progammi kulturali b’enfasi fuq l-islien Maltin, il-wirt, l-istorja
u l-kultura Maltija u programmi ta’ mużika klassika;
9.Programmi dwar is-soċjetà u l-kultura Għawdxija;
10.Programmi dwar l-emigranti Maltin;
11.Programmi t’informazzjoni ġenerali bħas-saħħa, u t-tferrix
tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni;
12.Programmi edukattivi.
Meta spjega kif ser ikun qed jitħaddem il-Public Service Obligation
Contract, il-Ministru Zammit Dimech qal li wara li l-Gvern iħabbar l-allokazzjoni
għall-PSO Contract fl-estimi ta’ kull sena, l-Ministeru responsabbli mill-Kultura (wara proċess ta’
konsultazzjoni) jgħid x’inhuma r-rekwiżiti tiegħu għas-sentejn li
jkunu ġejjin. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu fost l-oħrajn x’tip ta’
programmi, kemm ikunu twal u kemm jixxandru spiss.
Eventwalment, il-PBS tistima l-ispiża biex tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.
Il-PBS ser iżżomm dettalji dwar l-infieq għal kull program, u jekk
programm taħt dan il-kuntratt ikollu dħul mill-pubbliċità, nofs dak
id-dħul irid jibqa’ fil-programm u jitnaqqas mill-allokazzjoni
tal-Gvern. Il-Ministru Zammit Dimech fisser li jekk fl-aħħar tas-sena
l-PBS tispiċċa bi qliegh, minħabba li daħlu aktar riklami; il-PBS iżżomm
nofs il-qliegħ, kwart tal-qliegħ imur lura għand il-Gvern u kwart jiżdied
ma’ l-allokazzjoni għall-PSO tas-sena ta’ wara.
Intant il-Ministru Austin Gatt ħabbar
li l-Gvern iddeċieda li għandha tonqos il-preżenza ta’ l-istat
fix-xandir f’Malta li llum għandu tlett stazzjonijiet televiżivi (TVM,
Channel 12 u Channel 22) u erba’ stazzjonijiet tar-Radju (Radju Malta,
FM Bronja, Radju Parlament/1066, Campus FM).
Radju Malta
ser jibqa’ l-istazzjon tar-radju ġenerali tal-PBS. Ser tiżdiedlu
doża ta’ mużika klassika u kultura, u ser jieħu l-parti l-kbira
tal-programmi prodotti lokalment fuq FM Bronja.
Għaddejin taħdidiet bejn il-PBS u l-Università ta’
Malta biex il-bqija ta’ l-iskeda ta’ FM Bronja li m’hux sejra
fuq Radju Malta, tmur fuq Campus
FM. Hemm qbil fil-prinċipju u d-dettalji jitħabbru fl-iskeda
li jmiss ta’ Campus FM.
FM Bronja jingħalaq
meta tintemm l-iskeda preżenti fil-31 ta’ Mejju.
Radju Parlament
jibqa’ jxandar il-Parlament u fil-ħin li m’hux jixxandar jibqa’
jxandar mużika orjentata għaż-żgħażagħ. Ser tiżdied sew l-enfasi
ta’ avviżi t’interess edukattiv u pubbliku fuq dan l-istazzjon.
Channel 12 jingħalaq
meta jintemm l-istaġun preżenti taċ-Champions League.
Ikun hemm ko-ordinazzjoni akbar bejn TVM u
Channel 22 (li hu
responsabbiltà tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni)biex ir-riżorsi jintużaw aħjar.
Il-Ministru Austin Gatt ħabbar ukoll li l-Gvern ħa wkoll numru ta’
deċiżjonijiet dwar is-sors tal-produzzjonijiet li jidhru fuq il-PBS.
Il-PBS għandha tfittex aktar
produzzjonijiet esterni minn ażjendi Maltin ta’ produzzjoni
televiżiva. Dan ma jeskludix għal kollox il-ħolqien ta’
produzzjonijiet interni, iżda l-PBS issa għandha riżorsi limitati u għandha
tikkonċentra fejn jaqblilha. Huwa spjega li jista’
jkun hemm ko-produzzjonijiet bejn il-PBS u l-produttur privat.
F’dan il-kuntest, l-għażla tal-produzzjonijiet esterni m’hux ser
tibqa’ ssir ‘ad hoc’,iżda
skond proċedura pubblika.
Il-proċedura se tkun kif ġej:
Il-PBS jippubblika Programmes Statement of Intent, fejn jgħid x’tip ta’
programmi jrid u xi jrid li jkun fihom;
Isiru sottomissjonijiet pubbliċi li jiġu evalwati l-ewwel
mill-Bord Editorjali (għall-kwalità tagħhom), imbagħad mill-Bord
tad-Diretturi (għall-proposta finanzjarja tagħhom).
Huwa mmirat li din is-sistema ser titħaddem
għall-ewwel darba għall-iskeda t’Ottubru li ġej, u fil-ġranet li
ġejjin, il-PBS se tagħmel l-ewwel sejħa pubblika.
Innovazzjoni oħra fl-istruttura tal-PBS
hija l-ħatra ta’ Bord Editorjali, biex inneħħu l-impressjoni (ġustifikata
jew m’hix) ta’ indħil politiku. Dan il-Bord ser jagħti lill-PBS
struttura simili għal dak li jiġri fil-gazzetti (Bord Editorjali
separat minn Bord tad-Diretturi).
Il-Funzjonijiet ta’ dan il-Bord ser ikunu li jgħasses u jkun
l-aħħar arbitru tal-politika dwar l-aħbarijiet u ġrajjiet
kurrenti. Il-Bord Editorjali ser ikollu wkoll ir-responsabbiltà u l-kwalità
u l-kontenut tal-programmi kemm jekk mixtrija jew magħmula lokalment.
Dan il-Bord ser ikun ‘accountable’
lejn l-Awtorità tax-Xandir minħabba d-dimensjoni ta’ aħbarijiet
u ġrajjiet kurrenti (Indipendenti mill-Gvern u mill-Bord tad-Diretturi).
‘Accountable’ ukoll
lejn il-Gvern minħabba l-ftehim dwar l-obbligi pubbliċi tal-PBS,
kif ukoll lejn il-Bord tad-Diretturi rigward ‘programming’.
Il-Ministru Gatt spjega li mil-lum qed nagħtu bidu ġdid għall-PBS. Ser
nitilqu mill-għanqbud antik u nagħmlu sforz għal ideat ġodda
fil-kumpanija. Dan qed isir wara Riforma li ilha tinħema mill-1998. “Rajna wkoll li nwaqqfu l-vizzju ta’ telf jiżdied kull sena
bl-iskuża ta’ l-obbligu pubbliku. Aspett ieħor huwa t-tnaqqis
tal-preżenza ta’ l-istat fil-kuntest kummerċjali, bil-ħolqien ta’
spazju ġdid għas-settur privat (tal-produzzjonijiet televiżivi) kif
ukoll spazju ġdid għal aktar kreattività artistika” temm jghid
il-Ministru Gatt.