TISLIMA LILL-PARLAMENT MILL-ONOREVOLI EDDIE FENECH
ADAMI, PRIM MINISTRU. IT-TNEJN 22 TA’ MARZU 2004
Mr Speaker,
Illum – meta issa ilni madwar ħamsa u tletin sena
nindirizzak, lilek u lill- persuni l-oħra kollha rispettabbli li
okkupaw dik is-sedja qablek – ippermettili din id-darba nkun ftit
aktar personali milli hi d-drawwa tiegħi.
Ftit taż-żmien ilu, ġarrabt esperjenza ftit jew
wisq stramba. Kont għadni kif iddimettejt mill-kariga ta’ Kap
tal-Partit Nazzjonalista. U minnufih bdejt nisma’ bir-radjijiet u bit-televixin,
u naqra fil-ġurnali, diskorsi dwari li daqqew ftit jew wisq esaġerati
fl-eloġji. F’dan id-diskors qasir tal-lum, m’inix ser nipprova
nixbah lil dawk il-ħafna kavallieri li kitbu huma stess l-epitaffju
għal fuq qabarhom. U lanqas mhuwa dan xi għamla ta’ testment
spiritwali.
Illum, Mr Speaker, jiena qed inħalli l-kariga li
għamlitni għal ħafna snin qaddej ewlieni ta’ l-Istat ta’ Malta;
imma m’inix ċertament qed inħalli dik il-kwalità li l-aktar
torbotni magħkom, il-kwalità ta’ ċittadin ta’ Malta u, fuq kollox,
ta’ bniedem li ħajtu minsuġa ma’ tagħkom u ma’ ta’ niesna.
Jekk ikolli nxebbah dawn il-kelmtejn tal-lum bilfors
ma’ xi ħaġa, inqabbilhom ma’ l-iskambju ta’ kliem bejn is-suldati
ta’ l-għassa li jkunu qed ibiddlu lil xulxin bħala l-gwardjani ta’
xi post meqjum, jew mal-ġerrejja f’relay race, fil-waqt meta
jgħaddu l-bakketta minn id għall-oħra.
Ukoll f’din l-operazzjoni kemmxejn delikata, xtaqt
nimxi fuq prinċipju li naf li dejjem qdieni tajjeb matul ħajti kollha
s’issa. Il-prinċipju hu dan: it-tibdil dejjem meħtieġ, imma dejjem
aħjar li jsir mingħajr terremoti; kull ħaġa ħajja teħtieġ
tinbidel bla heda, iżda ħalliha tinbidel kemm jista’ jkun bla skossi.
Naħseb li dan il-prinċipju metodoloġiku jagħti riżultati tajbin
mhux biss fil-prattika politika, imma wkoll fil-ħajja personali u
privata.
Il-bakketta – xejn maġika, iżda prattika – li
qed ngħaddi minn idejja lilkom li magħkom ilni niġri l-ġirja
tal-ħajja – hija sempliċi biex tiddeskriviha. Mhix għajr l-impenn
li nagħmlu l-almu tagħna biex pajjiżna jikseb suċċess fi ħdan l-Ewropa.
Dwar kif, ingħid kelma fil-qosor dalwaqt. Iżda, qabel xejn ieħor,
irrid ngħid li jiena illum kuntent li nħalli f’idejkom dan l-impenn
prezzjuż, għax nista’ nerħih f’idejkom ilkoll flimkien, ilkoll
bla diviżjoni u bla eċċezzjoni.
Għal ħafna snin, dan l-impenn kien fostna kawża ta’
firda, imma illum, għall-grazzja t’Alla, huwa mezz ta’ għaqda,
mhux biss fostna hawn f’dan il-Parlament, iżda wkoll fost il-poplu
kollu. U dan huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija, aktar u aktar f’dan
iż-żmien, meta ninsabu resqin dalwaqt għall-ewwel elezzjonijiet
Ewropej li fihom issa ksibna l-jedd li nsemmgħu leħinna. Quddiem
il-poplu dejjem hemm il-għażla; iżda l-aqwa huwa li f’Parlament
bħal dak Ewropew li jiġbor fih ħafna ġnus, aħna nagħrfu inġibu
ruħna, meta jinħtieġ, ta’ ġens wieħed, ilkoll Maltin, indaqs,
bid-dinjità.
Dan huwa sinjal mill-aqwa li lħaqna l-maturità fid-demokrazija.
Darba wara l-oħra, wara kull kawża ikkontestata bejnietna fuq
iż-żewġ naħat ta’ din il-kamra, jiena stinkajt biex nuru l-istess
determinazzjoni li nkunu wrejna fit-taqbida, ukoll fil-ħidma tar-rikonċiljazzjoni.
L-aktar perjodu trist fl-istorja ta’ dan il-Parlament kien żgur dak
il-perjodu meta bejn dawn il-ħitan ma kien instema’ ebda ħjiel
tal-battibekk tad-dibattitu, għaliex kien iż-żmien tal-bojkott fl-ewwel
xhur ta’ l-elf disa’ mija u tnejn u tmenin, wara “ir-riżultat
pervers” ta’ l-elezzjoni. Għamilna progress kbir fit-tisħiħ tad-demokrazija
fit-tnejn u għoxrin sena li għaddew minn dak iż-żmien ikrah, iżda
baqa’ aktar xi jsir. It-tentazzjoni għar-rikors għall-vjolenza tibqa’
dejjem imxettla u mxenxla f’qiegħ qalb il-bniedem. Imma jiena
fiduċjuż ħafna fil-membri kollha ta’ din il-Kamra li jkompli
jintwera dejjem aktar ċar kemm din il-Kamra tirrappreżenta bl-aħjar
mod l-avvanzi fil-maturità demokratika tal-poplu Malti kollu kemm hu.
Għalkemm jiena ma nkunx magħkom, xorta waħda
nifraħ ħafna fil-jiem meta taslu fi qbil mhux biss fuq l-aħjar
sistema elettorali, iżda ukoll fuq l-aspetti kollha tal-Kostituzzjoni.
Jiena ċert li kulħadd hawnhekk jaqbel miegħi li għad hemm ċerti
oqsma fejn ikun jaqbel li mingħajr ma neqirdu d-diversità tal-fehmiet,
niżirgħu ftit aktar għaqda.
Sadattant, jiena nixtieq inrodd ħajr minn qalbi
għal dak kollu li tgħallimt mhux biss mill-mexxejja anzjani tal-Partit
Nazzjonalista, imma anki mill-konfront ma’ avversarji, sew ikbar u sew
iżgħar minni fl-età. Dawn kollha servew biex illum jiena nista’ ngħaddi
lilkom il-bakketta ta’ dan l-impenn li nagħmlu suċċess mill-Ewropa.
Biex inwettqu dan l-impenn, fil-fehma tiegħi, għandna tliet
għajnuniet mill-aktar siewja.
L-ewwelnett, għandna l-memorja ta’ l-istorja.
Tajjeb li din il-memorja tkun selettiva, biex ma noqogħdux nimirħu f’imkejjen
mnejn aktarx ma joħroġ xejn ta’ siwi. Imma jiena naħseb li kulħadd
għandu għalfejn iqawwi qalbu, għal raġuni jew oħra, meta nqisu t-triq
twila li kellna nimxu biex wasalna fl-Ewropa.
Irrid ngħid li, fid-dawl ta’ fejn wasalna llum,
it-triq lejn l-Indipendenza tidher bħala l-ewwel parti kważi
preliminarja tat-triq lejn l-Ewropa. Mill-fondazzjoni tiegħu, il-Partit
Nazzjonalista rabat flimkien il-kisba mixtieqa ta’ l-indipendenza ma’
l-irkupru kulturali tal-wirt Ewropew fl-integrità tiegħu. U f’dan,
anke b’nuqqas ta’ qbil magħna dwar metodi u anke xi minn daqqiet
dwar is-sustanza, kien hemm il-kontribut konverġenti tan-naħa l-oħra
tal-Kamra. Mhuwiex aktar iż-żmien li nibqgħu nitlewmu aktar min kiseb
xiex. Wasal iż-żmien li nkunu kburin b’ta’ xulxin, bil-ġid komuni.
Madankollu, ma nistgħux ma nibqgħux inqimu bl-akbar
għożża lil dawk kollha li ikkontribwew b’mod personali
għar-rebħiet demokratiċi ta’ pajjiżna. Jiena nsellem illum
lill-vittmi kollha li mietu b’atti ta’ terroriżmu u vjolenza.
Jisgħobija li l-ħatja tal-martirju ta’ nies bħal Karen Grech u
Raymond Caruana baqgħu ma nstabux. Huwa ċar li jiena bl-ebda mod ma
nixtieq vendetta. Ma naqbel ma’ ebda vendetta fi kwalunkwe każ.
Naqbel ma’ kastigi li jkunu tagħlima. Kulħadd jaf li ġieli din
il-vjolenza kienet diretta kontra l-familja u d-dar tiegħi, u li kien
hemm min fittex joqtol lill-assistent personali tiegħi.
Jiena grat ukoll għall-kotra kbira ta’ dawk li
għamlu sagrifiċċji inqas spettakolużi, iżda veri biex seħħet din
il-mixja ta’ pajjiżna lejn l-Ewropa, għax hekk biss tista’
tisseddaq bl-aħjar mod l-identità tagħna bħala poplu. Din il-mixja
hija l-vera sinsla ta’ l-istorja moderna ta’ gżiritna fi żmienna.
Irrid inroddilhom ilkoll ħajr, b’mod speċjali lill-familja u l-ħbieb
tiegħi li kellhom ibatu mhux biss mit-tiġrib ta’ kull min iħaddan
il-ħajja politika, kif għamilt jien, iżda wkoll mit-temperament
esiġenti tiegħi.
It-tieni mezz importanti, Mr Speaker, li għandha f’idejha
din il-Kamra bħala appoġġ għall-impenn biex nagħmlu suċċess mill-preżenza
tagħna fl-Ewropa hija, fil-fehma tiegħi, l-għożża tal-valuri.
Kelli okkażjoni dan l-aħħar li ninnota li għal
diversi drabi l-Partit tagħna fassal slogan elettorali fil-forma
ta’ trepied: Xogħol, Ġustizzja, Libertà; Solidarjetà, Dejjem,
Kullimkien; Ġid, Fiduċja, Direzzjoni; Xogħol, Ġid, Serjetà; u
innotajt ukoll li anki l-Partit l-ieħor jimitana fl-adozzjoni ta’
formoli ta’ din ix-xorta. Tolqtok, f’din l-ispeċi ta’ ‘Litanija
tal-Valuri’ li tinstema’ fil-programmi elettorali tagħna,
ir-ripetizzjoni ta’ ‘xogħol’ u ta’ ‘ġid’. Il-ġid li
nitkellmu fuqu hawn huwa l-ġid komuni. Dawn mhumiex valuri li huma b’xi
mod monopolju tagħna. Huma dawk il-valuri li nistgħu naqblu fuqhom
biex is-soċjetà tagħna tkompli tikber mhux biss ekonomikament, iżda
wkoll fl-inklussività, isem ġdid tas-solidarjetà.
Kelli ħafna esperjenzi li tawni sodisfazzjon
fis-snin li għamilt bħala Prim Ministru. Fl-ewwel leġislatura
għarafna ndawru l-ekonomija magħluqa tagħna f’waħda ħajja,
miftuħa u b’saħħitha. Tajna spazju wiesa’ għall-intrapriża
privata billi naqqasna l-indħil żejjed tal-gvern fl-ekonomija.
Inħoloq il-ġid fil-pajjiż li minnu gawda kulħadd. Fit-tieni
leġislatura tajna spazju liċ-ċittadin sabiex ikollu vuċi fit-tmexxija
tal-lokal tiegħu. Illum kulħadd jaqbel li l-Kunsilli Lokali huma
ġeneratur ta’ ħidma, inizjattivi u proġetti li qegħdin iġibu
titjib fil-lokalitajiet ta’ pajjiżna. Irrid illum nirringrazzja
lill-kunsilliera kollha li servew u qegħdin iservu b’mod volontarju
għax-xogħol tagħhom.
Iżda fost l-esperjenzi li tawni l-aktar sodisfazzjon
fis-snin li għamilt bħala Prim Ministru, kien hemm bla dubju dawk l-okkażjonijiet
meta assistejt għal-lawrja ta’ l-istudenti ta’ l-Università. Mhux
biss bdejt narahom jirċievu l-lawrja bil-mijiet, kif jixraq f’soċjetà
fejn l-aqwa ġid m’għadux il-propjetà ta’ l-art, jew id-deheb, jew
il-bjar taż-żejt, imma sar l-għerf, ix-xjenza, l-għarfien. Imma
wkoll kont nara l-ġenituri tagħhom, ħafna drabi ħaddiema li kienu
qed jirfsu f’dawk l-inħawi għall-ewwel darba f’ħajjithom,
japprezzaw l-orizzonti ġodda li ftaħna għal uliedhom. Dan huwa terren,
l-edukazzjoni, fejn ukoll imxejna, imma għad baqa’ ħafna iżjed fejn
nimxu, lejn il-mira li nerfgħuha ’l fuq minn kull politika
partiġgjana. Imxejna sew ukoll lejn il-ħolqien tal-pluraliżmu, anki
fil-livell terzjarju, u għandna nkunu kapaċi, l-poplu Malti kollu kemm
hu, li naffrontaw in-Knowledge Society b’wiċċna minn quddiem.
Barra mill-edukazzjoni, is-saħħa hija wkoll valur
ta’ importanza fundamentali. Dwarha wkoll il-ħolma tiegħi kienet li
nisbqu għal kollox f’dan il-qasam kull riħa ta’ partiġgjaniżmu.
L-edukazzjoni, ħteġilha tilbes libsa ġdida, biex tkun mhux biss għal
kulħadd, imma għall-ħajja kollha; hekk ukoll, fil-qasam tas-saħħa,
il-programm tagħna jrid iġib bidla fl-enfasi. Nisħqu l-aktar fuq li
nevitaw il-mard milli fuq li nikkurawh. Din hi triq oħra li bdejna
mexjin fiha flimkien, imma meħtieġa sforzi kbar biex inkomplu sakemm
dan il-valur tal-ħajja jirċievi r-rispett kollu li jistħoqqlu.
Intqal, bis-sewwa, li l-ikbar problemi politiċi li
għandha d-dinja quddiemha llum huwa dawk morali, aktar preċiżament
bio-etiċi. Huma problemi li jmissu fil-fond il-futur tal-bniedem. Huma
l-probemi tal-cloning, tal-kontroll tal-fertilità, tal-forom
tal-familja. Huma problemi li għandna wkoll aħna quddiemna
bħall-bqija tad-dinja u jeħtiġilna naffrontawhom fi ħdan l-Ewropa.
Jiena dejjem sħaqt fuq l-importanza tal-valuri, għax huma s-sies ta’
kull progress veru. Għaddejjin minn kriżi li minnha nistgħu noħorġu
msaħħin. Jiddependi ħafna mill-orjentament li minn din il-kamra
nkomplu nagħtu lil artna.
Mr Speaker,
It-tielet mezz meħtieġ biex l-impenn Malti għal
suċċess fl-Ewropa jkompli jseħħ bir-rankatura li qbadna matul
żmienna, hija viżjoni tal-futur ta’ pajjiżna fid-dinja.
L-unika elezzjoni li tlift fil-medda ta’ snin li
ilni l-mexxej tal-Partit Nazzjonalista seħħet fl-elf disa’ mija u
sitta u disgħin, meta konna addottajna slogan bil-kelma waħda
“Futur”. Kienet tfisser din it-telfa li l-Maltin iridu jagħlqu
għajnejhom għall-Futur? Żgur li le! Aktarx li ġara biss li l-poplu
ried jagħtina tbeżbiża, iwissina kontra l-periklu li jitrabba fina
mqar l-inqas ħjiel ta’ arroganza tal-poter. Infatti, malajr, qabel
iż-żmien programmat, erġajna fit-triq storika li wasslitna fejn aħna.
Pajjiżna ġie magħżul biex ikun il-post simboliku
li fl-ibħra tiegħu, Bush u Gorbachiov difnu l-gwerra l-bierda. Il-Papa
innifsu qalilna li Malta tassew għandha sejħa speċjali x’taqdi fl-Ewropa.
Kulħadd jaqbel li Malta tista’ tkun pern fid-djalogu EuroMediterranju.
Fuq kollox, Malta tista’ tagħti sehem biex, sewwasew bil-qadi
tal-vokazzjoni tagħha fiċ-ċentru tal-baħar Mediterran, tgħin biex
l-Ewropa jirnexxilha tagħti xejra ġdida lill-globalizzazzjoni.
Biex dan iseħħ, jeħtieġ li nkomplu inġeddu
wiċċ artna, kif tagħmel in-natura fir-rebbiegħa. Irridu nagħrfu
sewwasew it-tifsira taċ-ċokon ta’ artna. Irridu nagħrfu nużaw
bl-aħjar mod l-ispazju li għandna. Irridu nsalvaw l-ambjent bl-użu ta’
kull xorta ta’ enerġija alternattiva. Irridu li pajjiżna jkun tassew
fuklar ta’ kultura u kreattività. Irridu poplu kollu kemm hu entużjasta
ta’ l-innovazzjoni xjentifika u t-teknoloġiji ġodda ta’ l-informazzjoni.
Irridu nikxfu mill-ġdid x’jiġifieri li l-bniedem huwa x-xbiha u iben
Alla. Irridu nibnu futur fuq is-sisien sodi li tawna l-qawwa u l-grazzja
li ngħixu fi preżent kritiku imma mimli tama.
Mr Speaker,
Irrid nagħlaq b’żewġ ħsibijiet. Ir-radd ta’
ħajr kien bħal ħajta li qatt ma nqagħtet tul dan id-diskors li bih
qiegħed insellem lill-membri ta’ dan il-parlament għażiż li fih
qattajt ħafna ħin minn ħajti u fih ġarrabt uħud mill-waqtiet l-aktar
għonja kemm b’tensjoni kif ukoll bi sliem fl-esperjenza tiegħi. Jien
għamilt l-apprentisaġġ politiku tiegħi fil-ġurnaliżmu, għal seba’
snin, bħala editur tal-gazzetta ‘Il-Poplu’. Waħda mill-kisbiet
demokratiċi li jien kburi bihom huwa l-pluraliżmu li għandna llum
fix-xandir. Irrid nirringrazzja b’mod speċjali lin-nies kollha li
jaħdmu fil-mezzi tal-komunikazzjoni għal sehemhom, u fosthom mhux l-inqas
il-karikaturisti, li jżewqu l-ħajja politika billi ma jħalluniex
nitilfu s-sens tar-ridikolu, anki fl-aktar mumenti solenni.
Fl-aħħarnett, mar-ringrazzjamenti, irrid ukoll
nitlob maħfra, kulfejn stajt inqast lil xi ħadd, kien min kien. Il-Griegi
kienu jgħidu li tad-daħq huwa kull żball li minnu ma joħroġx wisq
deni. Nittama li l-iżbalji li għamilt jien kienu aktar tad-daħq milli
tal-biki u nitlob li Alla li jaf jikteb dritt bis-sinjali mgħawġin
jinqeda bihom għall-ġid.