Is-Servizz Pubbliku
huwa l-qalba ta’ l-amministrazzjoni tal-pajjiż u jrid ikun mgħammar
biex jaqdi il-ħtiġijiet ta’ l-oqsma kollha tas-soċjeta`. Is-Servizz
qiegħed hemm biex jimbotta l-pajjiż ’il quddiem, mhux iżommu lura.
Għalhekk
il-Gvern qiegħed jipproponi liġi dwar is-Servizz Pubbliku li taġġornah
għall-bżonnijiet tal-lum u ta’għada.
Din
hija t-tielet fażi fi proċess ta’ riforma fis-Servizz Pubbliku.
L-ewwel
fażi bdiet fl-1990 biex tnaqqas il-burokrazija, u biex is-Servizz ma
jibqax statiku u jpoġġi l-bżonnijiet tiegħu qabel dawk tal-pubbliku,
iżda biex isir iżjed dinamiku, iżjed effiċjenti u iżjed mixħut
biex jaqdi lin-nies.
Għal
dan il-Għan, il-Gvern ikkonċentra fuq is-sistemi nterni tat-tmexxija
fid-dipartimenti tal-Gvern.
Fost
affarijiet oħra:
·iddaħħlet sistema ta’ ippjanar ta’ xogħol fit-tul, mhux
biss sena b’sena;
·sar ristrutturar fil-proċess tal-promozzjonijiet biex min hu
kapaċi javvanza, speċjalment
fil-gradi ta’ fuq;
·sar investiment qawwi fl-informatika;
·il-ħatriet maniġerjali bdew isiru b’kuntratti għal tliet
snin.
It-tieni
fażi nbniet fuq il-kisbiet ta’ l-ewwel fażi, iżda issa l-enfasi
kien fuq miżuri li jwasslu għal riżultati li jista’ jarahom
il-pubbliku:
·Ħafna dipartimenti tejbu s-servizz billi ntrabtu pubblikament li
se jilħqu miri ta’ kwalità;
·Bis-sistema ta’ gvern elettroniku, tinqeda mill-kumdità ta’
darek;
·Permezz tal-Public-Private Partnership, ħaddiema tal-Gvern qed jiġu utilizzati
b’mod iżjed produttiv.
Illum
Malta għaddejja minn żmien ta’ sfidi. L-iżbilanċ fiskali jitlob
trażżin fl-ispejjeż ta’ l-amministrazzjoni. L-isħubija fl-Unjoni
Ewropea se tqiegħed obbligi ġodda quddiem is-Servizz Pubbliku. Tibdil
kontinwu fit-teknoloġija jfisser bżonn għal snajja’ u ħiliet ġodda
fost l-impjegati tal-Gvern. Qegħdin ukoll jiżdiedu l-aspettattivi
tal-pubbliku dwar il-kwalità tas-servizz li jirċievi.
Il-liġi
dwar is-Servizz Pubbliku se tinkorpora t-titjib li sar fl-ewwel żewġ
fażijiet kif ukoll tkompli tirranġa u ttejjeb.
Biex
is-Servizz ikun iżjed effiċjenti hemm bżonn li kulħadd jagħti
rendikont lil ta’ fuqu għax-xogħol li jwettaq. Il-liġi tgħaqqad
katina ta’ responsabbiltà billi:
·Il-Gvern jingħata għodod ġodda biex jorbot lill-kapijiet tad-dipartimenti
u l-entitajiet pubbliċi li jtejbu
l-effiċjenza u joffru servizz aħjar;
·Fl-istess waqt, kull kap ta’ dipartiment ikollu iżjed awtorità
biex ipoġġi miri quddiem
l-impjegati tiegħu u
jeżiġi li jilħquhom.
Iżda
biex jilħqu miri tassew impenjattivi, għandhom bżonn iżjed awtorità
biex imexxu d-dipartimenti tagħhom. Il-liġi tagħti s-setgħa lil kull
kap ta’ dipartiment li jiddeċiedi hu kif għandu jkun organizzat id-dipartiment
u xi kwalifiki jrid fl-impjegati tiegħu.
Impjegati
li jiġu ngaġġati wara li l-liġi tidħol fis-seħħ ikollhom
drittijiet bħal dawk ta’ impjegati fis-settur privat fil-każ ta’
temm ta’ impjieg.
Diġà
l-impjegati jridu jikkompetu ma’ ħaddieħor biex jitilgħu ċerti
skaluni fis-sellum tal-karriera. Għall-impjegati l-ġodda, dan jibda jgħodd
f’kull livell. B’hekk min hu kapaċi u jirsisti javvanza .
L-impjegati
li huma diġà fis-Servizz iżommu d-drittijiet li għandhom issa, iżda
jekk jisfaw żejda jkunu jistgħu jintbagħtu jaħdmu banda oħra jew
jitħarrġu f’xi sengħa ġdida.
Bil-liġi
l-ġdida, jissaħħaħ il-qafas tat-tmexxija tas-Servizz Pubbliku sew
fil-livell politiku u sew f’dak amministrattiv:
·bil-ħolqien ta’ Ministru responsabbli għas-Servizz;
·u ta’ Segretarju Permanenti Ewlieni bħala Kap tas-Servizz;
·Jiġu definiti b’mod ċar is-setgħat ta’ tmexxija
tas-Segretarji Permanenti, li flimkien jiffurmaw Kumitat
tat-Tmexxija għas-Servizz Pubbliku;
·Jitwaqqaf ukoll Servizz Eżekuttiv Anzjan li jiġbor fih is-senior
managers kollha.
Ma
jonqsux fil-liġi miżuri ta’ serjetà u kontabilità biex jiżguraw
li l-kapijiet tad-dipartimenti jużaw is-setgħat tagħhom b’mod
imparzjali u b’hekk kulħadd jingħata servizz bi dritt skond il-merti
tal-każ:
·Titwaqqaf Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Mertu biex tiżgura li
l-ħatriet fis-settur pubbliku jsiru skond
il-mertu. Jekk din il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ xi ħatra partikulari
tkun tista’ tannulla dik
id-deċiżjoni;
·Jingħataw prominenza fil-liġi l-valuri tas-Servizz Pubbliku kif
ukoll il-Kodiċi ta’ l-Etika, u
impjegati fis-settur
pubbliku jkunu marbutin li jimxu bl-etika;
·Uffiċjali li jirrapportaw ksur tal-Kodiċi ta’ l-Etika jingħataw
protezzjoni mill-Kummissjoni;
·Biex il-pubbliku jkollu fiduċja fil-proċess amministrattiv,
il-kapijiet tad-dipartimenti ma jkunu soġġetti
għal direzzjoni minn ħadd ħlief fejn il-liġi tipprovdi mod ieħor
meta jieħdu deċiżjonijiet dwar
ħatriet jew dixxiplina.
Il-liġi
tkopri wkoll aġenziji u entitajiet oħra tal-Gvern. Ikun hemm lok għat-twaqqif
ta’ aġenziji biex jagħmlu xogħol amministrattiv ta’ rutina jew
biex jipprovdu servizzi lill-pubbliku. Dawn l-aġenziji jkollhom
flessibilità iżjed minn dipartiment iżda jkunu soġġetti għall-istess
miżuri ta’ kontabilità li għadhom kif issemmew.Entitajiet oħrajn tal-Gvern apparti kumpaniji wkoll jiġu soġġetti
għall-istess miżuri ta’ kontabilità.
Il-liġi
proposta twassal għat-twettiq tal-viżjoni tal-Gvern, ta’ Servizz
Pubbliku li kapaċi joffri livell ta’ servizz li jixraq lill-poplu
Malti u jaqdi l-bżonnijiet tal-pajjiż fis-seklu wieħed u għoxrin.
F’dinja dejjem tinbidel, ħadd ma jista’ jibqa’ wieqaf.
Il-veduti
u l-ideat dwar il-liġi huma mitluba min-naħa tal-korpi kostitwiti, il-Unions,
il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, Uffiċjali pubbliċi, kif ukoll
il-pubbliku.