Sejjaħt din il-Konferenza Stampa fuq materja ta’ importanza li nħoss
li l-pubbliku għandu jkun mgħarraf biha uffiċjalment.
Il-Qrati ta’ pajjiżna dejjem gawdew u għadhom
igawdu l-fiduċja tal-poplu tagħna.
Jiddispjaċini li jkolli ninforma lill-pubbliku li
llum żewġ imħallfin qegħdin jiġu nvestigati għal reati serji mill-Pulizija.
Fil-5 ta’ Lulju ġie deċiż appell mill-Qorti
Kriminali ta’ l-Appell presjeduta mill-Prim Imħallef Noel Arrigo, l-
Imħallef Patrick Vella u l-Imħallef Joseph Filletti, fil-Kawża fl-ismijiet
Ir-Repubblika ta’ Malta kontra Mario Camilleri.
Fl-ewwel Qorti, l-akkużat ġie misjub ħati fuq
ammissjoni tiegħu stess fuq reati ta’ traffikar ta’ droga u reati
oħra konnessi u ġie kkundannat sittax il-sena ħabs.
Ġranet qabel is-sentenza ta’ l-appell sar magħruf
li kienu qegħdin isiru kuntatti għan-nom ta’ l-akkużat ma’ l-Imħallef
Patrick Vella u l-Prim Imħallef Arrigo biex il-kundanna ta’ ħabs
titnaqqas b’erba’ snin minn sittax għal tnax il-sena u li għal
dawn iż-żewg imħallfin kienu ġew imwegħda somma ta’ eluf ta’
liri kull wieħed.
Is-sentenza ngħatat kif allegatament miftiehem.
Il-Pulizija komplew isegwu dak li ġara. Wara s-sentenza
irriżulta li kienu tħallsu flus liż-żewġ imħallfin imsemmija.
L-investigazzjonijiet bl-interrogazzjoni ta’ xhieda
bdew wara li l-Imħallef Patrick Vella irritorna mis-safar fis-27 ta’
Lulju.
L-investigazzjonijiet qegħdin ikomplu llum meta ż-żewġ
imħallfin separatament intalbu li jmorru għand il-Kummissarju
tal-Pulizija.
Min-naħa tal-Gvern irrid nassigura lil kulħadd li
l-każ ser jibqa’ jiġi nvestigat sa’ l-aħħar u li jittieħdu l-passi
kollha skond il-liġi.
Dal-għodu nfurmajt b’dan kollu lill-President ta’
Malta. Wara infurmajt ukoll lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni. Qbilna li l-materja
hija ta’ mportanza nazzjonali u b’ebda mod m’għandha tiġi
trattata bħala materja ta’ politika partiġġjana. Ta’ dan
nirringrazzja lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni li bħali jifhem il-gravità
tas-sitwazzjoni.
Wara laqqajt il-Kabinett u ġie deċież li għandha
tissejjaħ din il-Konferenza Stampa.
Nappella lill-pubbliku li jistenna r-riżultati
tal-investigazzjonijiet skond il-liġi u jqis dak li qed jiġri bħala
konferma li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż jaħdmu fil-konfront ta’
kulħadd. Għalhekk il-poplu għandu jibqa’ jkollu fiduċju sħiħa
fihom.