Bħala pass konkret biex diversi inizjattivi favur il-Ktieb Malti jitwettqu b'mod aktar
effettiv, inħasset il-ħtieġa li jinġabru taħt struttura waħda. Għaldaqstant il-Ministru
ta' l-Edukazzjoni Louis Galea, ħabbar it-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali
tal-Ktieb, taħt il-presidenza ta' Dr. Philip Farrugia Randon. Il-Kunsill il-ġdid issa se jwettaq
ix-xogħol li s'issa kien isir minn żewġ kumitati, il-Kumitat dwar il-Fiera tal-Ktieb u
l-Kumitat dwar il-Premju Letterarju.
Waqt il-konferenza li ndirizza l-Ministru Louis Galea, tħabbru t-termini ta' referenza li fuqhom se jkun qed jiffunzjona
l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Fost ir-responsabbiltajiet hemm inkluz li jrid jitfassal pjan strateġiku biex tissaħħaħ il-qagħda tal-ktieb lokali sew jekk miktub
bil-Malti, bl-Ingliż jew b'xi lingwa oħra, u li jieħu dawk
l-inizjattivi neċessarji biex il-ktieb lokali jinkwadra ruhu kif jixraq fil-qafas elettroniku
ta' żmienna.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jkun qed jorganizza u jamministra l-Premju Letterarju
annwali, li għaliħ il-Gvern jivvota Lm 10,000 fis-sena. Il-Kunsill se jkun inkarigat
jorganizza, b'mod innovattiv u aġġornat, il-Fiera tal-Ktieb, li wkoll issir kull
sena. Skond it-termini li ngħata, il-Kunsill se jfittex il-mezzi lokali u barranin biex il-Ktieb Malti jilħaq pubbliku internazzjonali permezz
ta' skemi ta' traduzzjoni. Il-Kunsill hu marbut li jaħdem għall-protezzjoni
ta' l-interessi ta' l-awtur lokali u li jinkoraġġixxi awturi ġodda li jwasslu
x-xogħlijiet tagħhom għall-attenzjoni tal-pubbliku.
B'kollaborazjoni mal-Kunsilli Lokali, l-iskejjel u entitajiet oħra, fosthom
l-għaqdiet letterarji, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jkun qed jaħdem biex jorganizza
l-attivitajiet biex il-qasam tal-ktieb jingħata dimensjoni usa' u aktar
interattiva.
Taht il-presidenza ta' Dr. Philip Farrugia Randon, l-ewwel Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb hu ffurmat mis-Sur Joseph Debattista bħala
segretarju, is-Sur George Borg, is-Sur Philip Borg, is-Sinjura Miriam
Cremona, is-Sur Victor Fenech, is-Sur Charles Flores, is-Sinjorina Patricia
Gatt, is-Sur Anthony Mangion, is-Sinjura Marlene Mifsud Chircop, is-Sur Paul
Mizzi, is-Sur Louis Scerri, Dr. Mario Tabone, is-Sinjura Catherine Vella u
s-Sur Trevor Zahra.
Il-Ministru Louis Galea qal li l-proġetti favur il-ktieb u l-qari għandhom jingħataw ħafna aktar importanza f'pajjiżna. Bis-saħħa
ta' diversi organizzazzjonijiet, Malta żviluppat diversi djar editriċi li żiedu
n-numru u l-kwalita' ta' publikazzjonijiet f'lingwi diversi. Louis Galea fisser li
l-inizjattivi li inbdew xi snin ilu - il-Fiera tal-Ktieb u l-Premju
Letterarju, jeħtieġ jiġġeddu u jingħataw spinta ġdida. Barra minn
hekk, hemm ħidma oħra li jeħtieġ issir, biex il-poplu jsir aktar konxju tas-sbuħija tal-kotba u biex il-kotba u
l-qari jinżlu u jinfirxu fil-livelli kollha tas-soċjeta'.